-
MILL-MOSTIN GĦALL-MALTIN
Żort il-post għall-ewwel darba għax kien stedinni ħabib tiegħi biex immur nara l-wirja li kien qed itella’ fir-Razzett tal-Markiż il-Mosta. F’post b’isem bħal dak minn kollox kont nippretendi, minbarra dak li sibt…. Ir-Razzett tal-Markiż mhux ħlief ġawhra moħbija qalb il-bini modern tal-Mosta li permezz tan-nies li huma responsabbli minnu, joffri rokna ta’ trankwillità u kenn mill-ħajja mgħaġġla ta’ llum.
Bħal b’kalamita misterjuża r-Razzett tal-Markiż reġa’ ġibidni lejh mill-ġdid, din id-darba biex nintervista lill-President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti, is-Sur Joe Bartolo. Xtaqt inkun naf l-istorja ta’ dan ir-razzett u l-iskop tal-eżistenza tiegħu u ta’ din l-Għaqda. Matul l-intervista tiegħi skoprejt illi wara kollox l-istorja u l-għomor ta’ dan il-post umli imma sbejjaħ kienu minsuġa għalenija mal-istorja u l-ħajja ta’ diversi bnedmin oħra li b’imħabba u b’għożża dejjem ħadmu għal dak li emmnu fih….
“Kulħadd hekk jiġrilu! Hawn xi ħaġa speċjali f’dan il-post,” tbissem Joe Bartolo il-President tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti hekk kif tarraftlu l-iskop tiegħi. “Madwar ħmistax ilu kien hawn il-Professur Guido Demarco. Qalli li ma setax idum ħafna… mhux aktar min-nofs siegħa. Spiċċa għamel sagħtejn sħaħ hawnhekk. L-istess ġralu l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u daqshekk ieħor il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat minkejja l-bosta mpenji li kellhom.”
Imma x’inhu s-sigriet ta’ dan il-post?
Il-post għandu r-romantiċiżmu tiegħu imma s-sigriet veru huwa n-nies li ssib jilqgħuk ġo fih. Hawnhekk il-bieb dejjem miftuħ għal kulħadd. Għalkemm l-għaqda tagħna għandha l-isem Għaqda Filantropika Talent Mosti, aħna ma nilqgħux biss lin-nies tal-Mosta imma anki lill-bqija tal-Maltin u saħansitra lill-barranin li jiġu jżuruna u jtellgħu l-wirjiet tagħhom hawn.
Minn fejn ġie l-isem tal-Għaqda u xi tfisser l-arma tagħkom?
L-isem ta’ din l-Għaqda inħoloq peress li aħna twelidna fl-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta. Imma wara ftit taż-żmien hemmhekk ma tantx baqgħu jarawna ħelwin għax kienu jaħsbu illi aħna aktar kien moħħna fid-drama u l-palk milli fir-reliġjon. Għalhekk konna bdejna niltaqgħu fil-garaxx ta’ wieħed minna – Andrew Borda. L-iskop tagħna dejjem kien li nrawwmu t-talent. Illum kulħadd jaċċettah l-isem – mill-Mostin għall-Maltin. Tant hu hekk illi mit-300 membru li għadna, aktar minn 200 minnhom ġejjin minn naħat oħra ta’ Malta.
L-arma tal-Għaqda Talent Mosti għamilha Joe Galea. Din tinkorpora fiha l-elementi kollha tal-kultura: il-pittura, il-mużika, il-poeżija u d-drama.
Kif bdejtu taħdmu minn dan il-post?
Oriġinarjament jiena kont l-ewwel wieħed li ħlomt bir-Razzett tal-Markiż bħala ċentru kulturali. Ħadd aktar ma kien jaf bih. Kien magħruf biss b’ismu – bħala r-Razzett tal-Markiż għax sidu kien il-Markiż Mallia Tabone. Meta l-Markiż miet, dal-post waqa’ f’idejn il-gvern. Ir-razzett għamel żmien twil mitluq u abbandunat sakemm darba ġie deċiż li ssir skola minfloku u fuq l-artijiet tiegħu tal-madwar. Qatt ma kont tarraft xejn lil ħadd bi ħsibijieti. Imma meta rajthom ser iwaqqgħuh jiena u xi wħud minn sħabi morna nkellmu lill-Ministru tal-Edukazzjoni s-Sur Daniel Micallef. Dak iż-żmien kienu għadhom ma jeżistux ir-regoli tal-konservazzjoni tal-bini antik, kif hawn illum. Il-gafef kienu diġà lesti quddiem ir-razzett biex jibdew iħottuh għax ma kienx qed iżomm mal-linja tal-bini modern. Kien wasal fl-aħħar biex jittajjar min-nofs. Imma b’xorti tajba l-Ministru waqqaf milli jitwaqqa’ u r-razzett ġie salvat. Maż-żmien, fuq l-artijiet li kellu warajh ir-razzett, telgħet l-iskola Lily of the Valley. U hawnhekk reġa’ daħal strument ieħor fid-destin ta’ dan il-post – il-kap tal-iskola ta’ dak iż-żmien Ms M. D. Aquilina. Permezz ta’ kemm ħabirket għal dan ir-razzett, il-Ministru Ugo Mifsud Bonnici (li taħtu issa kien jaqa’ l-Ministeru tal-Edukazzjoni) beda jirrestawra l-post. Ir-razzett beda jieħu surtu u r-rispett tiegħu lura. Madanakollu fil-bidu kien jintuża biss bħala maħżen għall-oġġetti tal-iskola u biex jgħaddu xi siegħa żmien fih it-tfal jiktbu xi essej jew ipinġu xi ħaġa. Niftakar darba waħda jien iddeċidejt li nkellem lil Ms Aquilina u għedtilha bix-xewqa tiegħi li nagħmel ċentru kulturali minn dan ir-razzett. Flimkien mal-kumitat u d-diriġenti tal-Għaqda ta’ dak iż-żmien morna anki nkellmu lis-Sur Evarist Bartolo (li kien issa l-Ministru tal-Edukazzjoni) u dan flimkien ma’ Ms Aquilina, iddeċidew li jgħaddu r-razzett lill-Għaqda għal żmien ta’ prova biex jaraw kif immorru.
Minn dak inhar ‘l hawn qatt ma ħarisna lura. U kull min emmen fina, dejjem ħriġnih ta’ raġel għax il-post saħħaħnih bil-ħidma volontarja tagħna sakemm tellgħajnih fil-pożizzjoni li jħaddan illum tant li l-Għaqda tagħna saħansitra ġiet mogħtija t-titlu ta’ NGO.
Għalkemm jien kont il-moħħ wara dal-post, jiena dejjem sibt l-għajnuna ta’ sħabi u ta’ ħbiebi u bis-saħħa tagħna lkoll flimkien li wasalna fejn wasalna. Bsaten fir-roti sibna wkoll imma meta tikkunsidra kemm issib għajnuna, tipprova dejjem tara l-pożittiv.
X’tip ta’ attivitajiet u wirjiet isiru fir-Razzett tal-Markiż?
Aħna nħobbu nvarjaw l-attivitajiet biex nolqtu l-gosti u t-talenti ta’ ħafna. Għamilna wirjiet taċ-ċinematografija, wirjiet ta’ statwi u ta’ pittura. Norganizzaw iljieli msejjħa ‘Niltaqgħu mal-Awtur’ fejn aħna nlaqqgħu lin-nies mal-awturi ta’ kotba ġodda. Kellna nies ta’ kalibru kbir fostom lil Dr Alfred Sant, Mariella Pisani Bencini, Oliver Friggieri, George Peresso u ħafna oħrajn. Intellgħu anki reċti qosra b’tema soċjali u wara niddiskutuwhom. Kellna wkoll żewġt iljieli iddedikati għad-djaletti Maltin; laqgħat interessanti ferm fejn fihom ħareġ il-wirt Malti tagħna li biż-żmien sfortunatament qed jintilef. Fi żmien il-Budaj, li kien iħobb ħafna lil dan il-post, konna norganizzaw ukoll iljieli tal-għana.
Min jista’ jtella’ l-wirjiet hawnhekk?
Kull min għandu talent tajjeb jista’ jiġi u jitkellem magħna u aħna nagħtuh l-opportunità li tkun tistħoqqlu. Anzi nħeġġu lil dawk li ma jaf bihom ħadd ħalli jersqu lejna. Ma tistax issejjaħ lilek innifsek Għaqda Filantropika jekk imbagħad inti tagħti ċans biss lin-nies stabbiliti. Ovvjament in-nies stabbiliti żżommhom ukoll għax dawk jgħollu l-livell tal-post. Imma issib talent kbir anki f’individwi li għadhom jibdew. Ħa nsemmilek ftit minnhom…
Dan l-aħħar kellna tfajla li għaxxqet lil kulħadd bil-kapaċità tagħha fil-pittura. Ħallitilna kwadru tal-Budaj hawnhekk mill-isbaħ. Ġuvnott ieħor ta’ 18-il sena ħadmilna abbozz ta’ Dun Anġ Camilleri – xogħol mill-aqwa. Bust ieħor li jimpressjonak huwa dak ta’ Madre Tereża li ħadem Frans Muscat; bniedem li qatt ma tgħallem imkien din is-sengħa. Il-bust ikellmek jonqsu! Issa meta inti toħroġ iddur mar-Razzett, issib ix-xogħlijiet ta’ dawn l-artisti li għadhom jibdew flimkien ma’ dawk ta’ artisti oħra kbar bħal Alfred Camilleri Cauchi u Anton Agius. Tista’ timmaġina kemm dawn l-artisti ġodda jħossuhom onorati li xogħlijiethom qegħdin esposti flimkien ma’ dawk ta’ artisti ta’ kalibru kbir. Bi ftit għajnuna u opportunità tagħmlilhom ħafna kuraġġ. Kien hawn artisti magħrufa li trawwmu minn hawnhekk u illum huma artisti kbar bħal ngħidu aħna l-pittur Mark Schembri.
Aħna nħobbu nimxu bil-fatti u mhux bil-paroli. Kemm jintqalu affarijiet biex ngħinu lin-nies li għandhom xi diżabbiltà? Imma fir-realtà fejn huma l-opportunitajiet li jingħatawlhom? B’mod kollettiv iva, isiru affarijiet. Imma b’mod individwali ħadd ma jagħtihom ċans. Inħossni kburi ngħid illi hawnhekk aħna lqajna x-xogħlijiet tal-pittur Michael Vassallo, bniedem li sofra diżabbiltà kbira wara inċident ikreh li kellu waqt festa. Qraba tiegħu kienu fetħu qalbhom miegħi li għalkemm Michael kellu ħafna xogħlijiet sbieħ, kulħadd għalaqlu l-bieb għal xi opprotunità biex jesponihom. Imma aħna ħdimna miegħu u l-wirja tiegħu kienet ta’ suċċess kbir.
Illum biex tagħmel wirjiet bħal dawn trid tħallas xkora liri. Hawnhekk titħallas biss donazzjoni u mill-flus li niġbru, aħna ngħinu lil min hu fil-bżonn.
Liema kienet l-aktar wirja għal qalbek?
Diffiċli tgħid. Matul dawn l-aħħar ħdax-il sena hawnhekk saru 112 il-wirja, bejn wieħed u ieħor waħda kull xahar.
Il-wirja tal-iskultur Anton Agius kienet waħda mill-kbar u ġbarna ħafna flus minnha. Anki kellna ħafna donazzjonijiet min-nies li ġew.
Imma l-aktar waħda li ħalliet impatt fuqi kienet dik tal-Ġimgha l-Kbira li saret is-sena li għaddiet. Irnexxielna nġibu l-abbozz tal-monument tal-Ġimgha l-Kbira li hemm fil-Knisja tal-Mosta. Ma kinetx faċli biex inġibuh għax dan kien qiegħed f’dar privata. Xogħol hekk m’hemmx prezzu! Kien ħallas għalih Karmenu Dimech wara li ġie mill-Amerika. Dan kien ħallas ukoll għall-iskultura li saret fis-saqaf tal-Knisja tal-Mosta. Antonio Agius mill-Birgu ħadem l-istruttura tal-injam tal-monument u Wistin Camilleri għamel lil Kristu mejjet u l-erbgħa anġli. Letteralment irqadna hawn għal tlett ġimgħat sħaħ għax ma ridnix nitilquh minn taħt għajnejna. Dak inhar nemmen li aħna tajna xi ħaġa kbira lill-poplu Malti illi tul das-snin kollha qatt ma kellu l-opportunità biex jara xogħol bħal dan.
Issemmili xi mument partikolari li seħħ hawnhekk u li ma tinsih qatt?
Iva. Sfortunatament għalkemm tipprova tagħmel mill-aħjar li tista’, kultant tiżbalja wkoll. Hawnhekk seħħ disfatt kbir li għadu jkiddni sal-lum. Niftakar kien ġie bniedem minn barra l-Mosta jkellimni. Qalli li rani waqt intervista fuq it-TV u xtaqni ngħinu għax saħaq li kien batut ħafna u ma kellux biex jixtri l-mediċini. Ngħidlek id-dritt qbadt xi ħaġa personali minn tiegħi u tajtielu iżda m’emmintux akkost li ġie aktar minn darba jkellimni. Xi ftit wara sirt naf li waqa’ sobtu u miet. Inħsadt! Meta niftakar fih, qalbi tingħafas. Għalija din tebgħa li ġie jitlobna l-għajnuna u ma għennihx. Bqajt naħseb li jista’ għandi tort fil-mewt tiegħu. Dan il-każ ilu xi sentejn. Minn dak iż-żmien ‘l hawn ħarġet proċedura li nivverifikaw is-sitwazzjoni ta’ min jiġi jkellimna għalkemm aħna aktar għaqdiet ngħinu milli indiviwi. Madanakollu, meta tiltaqa’ ma’ ċerti problemi, ma tistax ma tgħinx.
Xi jfisser għalik dar-razzett u x-xogħol li twettaq fih?
Ilni President tal-Għaqda mill-bidu tagħha. L-Għaqda kienet twaqqfet minn Ruben Caruana li llum għandu t-tinda Ta’ Qali u minn Edwin Vassallo li huwa Membru Parlamentari. Peress illi dak iż-żmien jien kont nidher fuq it-TV huma kienu talbuni nissieħeb magħhom għax xtaqu lil xi ħadd magħruf man-nies. Imbagħad Edwin daħal fil-politika u Ruben fetaħ in-negozju u l-Għaqda ħadtha f’idejja jien.
X’ifisser għalija r-razzett? Fl-imgħoddi r-razzett kien post li mill-maxturi tiegħu kienu jieklu l-bhejjem. Illum qed jitma’ lill-pubbliku bil-kultura bnina tal-poplu Malti. Ix-xogħol volontarju minn dejjem kien għall-qalbi. Sagrifiċċju kbir għalija u għall-familja tiegħ imma nagħmlu. Għalija dal-post qisu kellna tarbija u qed narawha tikber. Il-ħolma tiegħi hija li warajna jkomplu ż-żagħżagħ li qed jiġbed lejh dan il-post. Imma kultant biex issib in-nies li jixtiequ jagħmlu dan ix-xogħol volontarju mhux faċli. Altru tagħmel xogħol volontarju għal ftit ġranet u mod ieħor jekk inti trid tiġi hawn kuljum għal snin sħaħ. Il-volontarjat ġie iebes. Imma niżżi ħajr ‘l Alla hawn element ta’ żagħażagħ illi jagħmluli ħafna kuraġġ u meta nispiċċa jiena ninsab ċert li ser ikun hemm min ikompli warajja.
Il-volontarjat huwa l-pulmun tal-bniedem. Jekk inti ma tagħmilx ftit żmien taħdem b’mod volontarju fil-ħajja, tkun qed titlef xi ħaġa importanti. Jista’ jkun illi meta dduq il-faqar tinbet aktar b’saħħitha ġewwa fik dik iż-żerriegħa li tħeġġek biex tgħin lil ħaddieħor. Fi żmien il-gwerra, meta waqgħet il-bomba fuq il-Knisja tal-Mosta, waqgħet oħra fuq darna u ġabitha frak. Tlifna kollox! Ma konnix sinjuri imma konna komdi. Illum nitbissem meta niftakar lil missieri jgħid “Il-Knisja ma waqgħetx imma darna waqgħet!” Spiċċajna ngħixu f’kerrejja f’faqar kbir u għax ħennet għalina waħda mara. Kutri ma kellnix. Missieri kien ifarfar xkora tas-siment u konna nimteddew fiha. Il-familja tagħna sfrattat meta nofsna telqu lejn l-Amerika. Minn hemm beda kollox. Dan is-sentiment kompla jikber fija meta għamilt 15-il sena naħdem fid-Dipartiment tas-Saħħa. Hemmhekk kont nara każi ta’ mard li jagħsrulek qalbek.
Lilek rajnik ukoll bħala attur fuq it-TV…
Iva. Id-drama xi ħaġ’oħra minn dejjem għal qalbi. Meta kont żgħir ridt insemma leħni fuq ir-radju-drammi tar-redifussion. Kien żmien Twanny Scalpello, Johnny Navarro, Charles Thake u George Portelli. Ma kienx faċli li tidħol f’dak il-qasam! Speċjalment meta tkun tal-irħula kienet teżisti dik it-tabù illi tal-irħula mhux kapaċi daqs tal-ibliet. Konna meqjusa bħala tat-tielet dinja u naf x’jiena ngħid. Issa mill-Mosta, fejn jien twelidt u għext, ħareġ l-aqwa element teatrali: biżżejjed insemmi lil Joe Quattromani, lil Joe Gatt u lil Peter Borg… krema ta nies li rnexxew.
Permezz tad-djalett tiegħi kien irnexxieli nakkwista parti fit-teleserial il-Madonna taċ-Ċoqqa ta’ Albert Marshall. Dehert ukoll f’diversi xogħlijiet oħra. Permezz ta’ dan it-talent tiegħi, flimkien ma’ sħabi irnexxielna anki ntellgħu xi xogħlijiet sabiex permezz tagħhom niġbru l-flus għall-karità. Storja ħelwa hija meta għamilna l-ewwel plej ta’ Wenzu u Rożi. Dak iż-żmien kien ġie l-Papa f’Malta u l-Mosta m’għaddiex. U aħna konna sibna x-xoqqa f’moxta u ħdimna rakkont fejn għedna li l-Papa m’għaddix minn hemm għax beża’ li ser tisplodi l-bomba tal-Knisja tal-Mosta. In-nies ġiet bi ħġarha tarana u dakinhar kont ħassejt il-polz tal-poplu għax stajt nara kemm iħobb dawn l-affarijiet. Fil-fatt konna dawwarna l-plej f’vidjow u ġbarna Lm3000 għad-Dar tal-Provvidenza.
X’taħseb li hu s-sigriet wara s-suċċess tiegħek u ta’ sħabek?
Bla dubju l-umiltà u l-kariżma li nużaw ma’ kull min jiġi hawnhekk. Fir-Razzett aħna nilqgħu uħud mill-aqwa xogħlijiet ta’ artisti magħrufa. Kultant uħud minnhom ma jkunx hemm prezzhom imma jġibuhomlna xorta waħda. L-ogħla awtoritajiet ġew iżuruna hawnhekk għax aħna dejjem ilqajna lil kulħadd b’idejna miftuħa. Nikkwota l-kliem riċenti ta’ Dr Joseph Muscat illi meta ġie jżurna qalilna li aħna rnexxejna proprju għax aħna nies ta’ umiltà kbira. Jiena bniedem li ma nippretendihiex fil-ħajja imma immaġina x’inħoss meta jiġi l-Professur Guido Demarco u jgħidli Sur President. Inħossni hekk, kif naqbad ngħidlek? Stramba hux?
Xi pjanijiet futuri tal-Għaqda u l-aħħar kumment…
Fil-pjanijiet futuri tagħna qed nippjanaw li nċaqalqu mill-ġdid id-drama li qisna konna warrabna daqsxejn.
Nixtieq nieħu l-opportunità biex minn hawnhekk nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fina fostom lill-familja tiegħi u anki lil dawk li m’għadhomx magħna. Bis-saħħa ta’ dawn ukoll ir-Razzett tal-Markiż għadu jżomm id-dinjità tiegħu filwaqt li jgħin ukoll biex tingħata d-dinjità lil min qiegħed fil-bżonn.
Ħinijiet tal-ftuħ (fis-Sajf) mid-9:00am sa n-12:00pm u mill-5:30pm sad-9:30pm, mit-Tnejn sal-Ħadd.
(Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-19 ta’ Lulju 2009)
Category: Torca - Perspettivi | Tags: Albert Marshall,Alfred Camilleri Cauchi,Andrew Borda,Anton Agius,Antonio Agius,artist,Budaj,Charles Thake,Daniel Micallef,djalett,Dr Alfred Sant,Dun Anġ Camilleri,Edwin Vassallo,Fiona Vella,Frans Muscat,George Peresso,George Portelli,Guido Demarco,Għaqda Filantropika Talent Mosti,Joe Bartolo,Joe Galea,Joe Gatt,Joe Quattromani,Johnny Navarro,Karmenu Dimech,Mariella Pisani Bencini,Markiż Mallia Tabone,Michael Vassallo,Oliver Friggieri,perspettivi,Peter Borg,Razzett tal-Markiż il-Mosta,Ruben Caruana,Torċa,Twanny Scalpello,Ugo Mifsud Bonnici,Wistin Camilleri