• NIXTIEQU NISILFU GĦAJNEJNA

    Tistaqsix x’jista’ jagħmel għalik pajjiżek imma ara x’tista’ tagħmel int għalih…. John F Kennedy.

    Hekk kif rajt ir-ritratt ta’ din il-koppja fuq l-internet mill-ewwel inġbidt lejhom. Hu Malti u hi mill-Malaysia. L-istint qalli li kien hemm xi storja interessanti f’ħajjithom. Alfred u Jasmine Grech Iltqajt ma’ xogħolhom għall-ewwel darba fuq YouTube fejn dawn it-tnejn kontinwament itellgħu għadd ta’ vidjows qosra li jaħdmu huma stess dwar diversi suġġetti li primarjament jikkonċernaw lil Malta.

    Domt insegwi xogħolhom għal numru ta’ ġranet sakemm fl-aħħar iddeċidejt li nikkuntattjahom. Ma kontx mort żmerċ! Mhux talli aċċettaw minnufih li jagħtuni l-intervista, imma saħansitra stednuni ġewwa darhom u qaluli biex immur bi stonku vojt għax Jasmine kienet ser tippreparali ikla tipikament Malajsjana…

    Sa mill-ewwel ftit minuti li tgħaddi flimkien ma’ din il-koppja, ma tistax ma tintebaħx bid-differenza fil-karattri tagħhom. Alfred huwa bniedem ċajtier, inkejjuż, naqra xewka, ta’ żaqqu f’fommu u bla paċenzja. Min-naħa l-oħra Jasmine hija pjuttost serja, profonda, perfezzjonista, ambizzjuża, dedikata u kapaċi titkellem dwar kollox għal siegħat sħaħ! Finalment imma għandhom żewġ karatteristiċi identiċi: l-arti ta’ kif għandek tilqa’ bniedem ġewwa darek u l-imħabba bla tarf lejn Malta.

    Alfred huwa oriġinarjament minn Ħal-Qormi. F’żogħżitu kien jaħdem bħala skrivan mal-gvern. Irrakkuntali kif ma kellu l-ebda bżonn li jħalli pajjiżu…

    “Imma l-ġenn taż-żogħżija ħajjarni nagħmel mod ieħor. Għamilt 36 sena ngħix ġewwa l-Kanada. Mhux ser immaqdru bħala pajjiż għax sabiħ u mimli kumditajiet. Kelli job tajjeb ukoll. Imma x-xitwa kienet kerha ħafna u sikwit kont niftakar f’pajjiżi. Bqajt sentimentali wisq lejh. Il-lingwa Maltija qatt ma nsejtha. Kull meta stajt, kont niġi ngħaddi l-vaganzi tiegħi hawn. Imma mbagħad aktar kienet tiġini agħar għax kull darba li jkolli nerġa’ nitlaq lura kont immur b’qalbi maqsuma.”

    Ma kelli l-ebda dubju minn dak li kien qed jgħidli. Bil-memorja biss ta’ dawk il-ġranet, għajnejn Alfred ixxarrbu bid-dmugħ. Xtaqt inkun naf għaliex iħobb daqshekk lil Malta…

    “Ma nafx għaliex inħobbha daqshekk. Tgħidli għaliex tħobbha lil ommok? Ommi l-isbaħ mara tad-dinja? Le. Imma għalija iva. Tgħidli Malta l-isbaħ pajjiż fid-dinja? Le. Imma għalija iva. Hawnhekk inħossni nappartjeni.

    Meta kont qed ngħix il-Kanada kont naf sal-inqas ħaġa li kienet tkun qed tiġri f’Malta. Permezz tal-internet kont naqra l-ġurnali Maltin u nżomm ruħi nfurmat. Mhux l-ewwel darba li kont nibgħat xi ittri lill-gazzetti lokali. U meta kien jidhirli li kien hemm bżonn, ġieli ktibt xi ittri lill-politiċi ta’ partiti differenti sabiex nurihom l-opinjoni tiegħi.”

    Imma din l-idea tal-vidjows fuq YouTube kif bdiet?

    “Kienet idea tiegħi,” weġbitni Jasmine.

    Isimha proprju huwa Choy Hong, li fil-lingwa tagħha jfisser ‘qawsalla’. Imma meta f’dawn l-aħħar snin hija kkonvertit mill-Buddiżmu għall-Kristjaneżmu, ingħatalha dan l-isem ġdid Jasmine. Jasmine għexet f’Malacca ġewwa l-Malaysia. Hemmhekk hija ggradwat fil-professjoni ta’ Fashion Designer u għamlet xi żmien taħdem hekk. Imma wara xi snin xtaqet xi ħaġa aktar u għall-għoxrin sena ta’ wara ħadmet mal-Awtorità tat-Turiżmu tat-Tajlandja fejn finalment kienet tieħu ħsieb ir-reklamar u r-relazzjonijiet pubbliċi.

    Issa bdejt nifhem kif Jasmine tnebbħet b’dan il-proġett. Kont kurjuża nara x’kienet taħseb dwar Malta u l-għan wara dawn il-vidjows…

    “Rajt lil Malta għall-ewwel darba madwar ħames snin ilu. Ikolli nistqarr illi kienet daqsxejn differenti minn kif inhi illum. Niftakarni ninħasad! Għedt hawn fejn ġejt? Kien hawn ħafna trab fl-arja u kull fejn Jasmine Grechtara siti ta’ kostruzzjoni. L-istat tat-toroq kien tad-daħk. U l-ħmieġ evidenti ma’ kullimkien kien tal-mistħija. Id-djar kienu kollha l-istess… kollha maħduma bl-istess ġebla. Tħassibt. Għedt hawn mort lura fil-livell. Pajjiżi mhux hekk akkost li għad hemm min għandu l-idea żbaljata li l-Malaysia huwa xi pajjiż tat-tielet dinja! Ifhimni, aħna wkoll kellna dawn il-problemi lura fiż-żminijiet. Għaddew snin sakemm il-poplu ta’ pajjiżi tgħallem iżomm l-indafa imma llum it-triqat tagħna huma ndaf tazza. Il-pieni jekk tinqabad tħammeġ fil-Malaysia huma ħorox ħafna u jinkludu li tagħmel xogħol fil-komunità.

    Però jkolli ngħid illi matul is-snin li ilni ngħix hawn f’Malta sar progress kbir. Żgur li hawn aktar indafa u wħud mit-toroq ġew irranġati. Sadanittant jiena kelli ċ-ċans nibda ndur u nħuf fil-villaġġi antiki Maltin u ftit ftit tgħallimt napprezza u nħobb lil dan il-pajjiż daqs kull Malti ieħor.

    Permezz ta’ żewġi Alfred tgħallimt xi jfisser il-pajjiż għall-emigrant. U ngħiduha kif inhi, issa li jiena wkoll qed ngħix il-bogħod minn pajjiżi, nista’ nifhem aħjar xi tħoss.

    L-għan wara dawn il-vidjows huwa li nisilfu għajnejna lil dawn l-emigranti u li permezz tal-vidjows li ntellgħu fuq YouTube jkunu jistgħu jsegwu dak kollu li jkun qed iseħħ f’dawn il-gżejjer li huma tant iħobbu.

    Barra minn hekk bħala barranija, jiena nixtieq ngħaddi l-perspettiva tiegħi dwar Malta. Forsi hemm ħafna affarijiet illi l-Maltin infushom jeħduhom for granted, mentri għalija li qed narahom għall-ewwel darba, jimpressjonawni u jaffaxxinawni. Jien inħobb ħafna l-Istorja u dawn il-gżejjer miżgħuda biha. Huwa dnub illi l-informazzjoni dwar pajjiż sabiħ bħal dan b’kultura tant rikka, ma tinqasamx mal-oħrajn. Għaldaqstant nixtieq nislef għajnejja wkoll lil dawk il-barranin illi forsi qatt ma semgħu b’Malta u permezz ta’ dawn il-vidjows jinteressaw ruħhom jiġu jżuruha.”

    Fuq il-YouTube innifsu hemm diversi kummenti dwar ix-xogħlijiet tagħhom. Jirċievu xejn rispons?

    “Dawn il-vidjows jintwerew anki fuq l-istazzjonijiet televiżivi tal-komunitajiet Maltin tal-Awstralja u tal-Kanada fejn hemm iktar minn 30,000 telespettatur. Nirċievu ħafna messaġġi u ittri sbieħ mingħand nies li jkunu jridu jirringrazzjawna talli nwasslulhom dawn il-vidjows li huma jsibu interessanti ferm. Ikun hemm min jiktbilna ‘irnexxielkhom tbikkuni’ li mhux l-għan tagħna żgur. Nammetti miegħek illi ġieli jiġuni dubji jekk hux qed noħloq xi dwejjaq, minħabba n-nostalġija, lil min jarahom. Imma mbagħad noqgħod naħseb u ngħid illi wara li jgħaddilhom, bla dubju ser japprezzaw il-fatt li jistgħu jgawdu l-festi, ċ-ċelebrazzjonijiet, il-kultura, il-bini u bosta affarijiet oħra Maltin li għalihom l-emigranti għandhom għatx kbir”.

    “Kieku kont għadni noqgħod il-Kanada, vidjows hekk ma kontx niflaħ narahom,” daħal jgħidli Alfred. “Min jaf kemm il-darba waqt li kont inkun vaganza hawnhekk kont niġbed għadd ta’ movies biex imbagħad ma nkunx irrid narahom meta nitla’ lura l-Kanada. Kienet tkun iebsa wisq. Imma mill-ittri li nirċievu jidher illi l-għan tagħna, li nferrħu lill-emigranti, qed jintlaħaq. L-ittri li nirċievu minn għandhom iqanqlulek id-dmugħ. Ta’ min isemmi li nirċievu anki messaġġi mingħand il-barranin dwar il-vidjows tagħna. Riċentement wieħed Amerikan kitbilna illi meta ra l-vidjows stagħġeb kif fuq naqra ta’ gżira hemm tant x’tara. Qalilna wkoll illi qed jitħajjar jiġi jara huwa stess b’għajnejh.”

    Peress li nnutajthom itellgħu xogħol wara l-ieħor b’mod konsistenti, tlabthom jispjegawli kemm jieħdu xogħol biex ilestu dawn il-vidjows…

    “Ir-riċerka f’idejn Jasmine,” qabeż jgħidli malajr Alfred. “Tiddedika ħafna ħin tara liema huma l-aktar postijiet ta’ interess, tikkuntattja lill-kunsilli lokali u tmur iddur fit-triqat biex tiskopri hi stess. Għandha memorja tal-għaġeb! Biss biss għandha aktar minn 75,000 ritratt li ħadet hi u kollha tiftakarhom wieħed wieħed. Anki t-toroq, tmur darba u jidħlu f’moħħha. Mhux bħali. Anki fil-Mosta fejn noqgħod jirnexxieli nintilef jien!”

    “Insibu ħafna għajnuna minn numru ta’ individwi illi jgħaddulna l-informazzjoni u anki jiftħulna ċertu postijiet bħall-knejjes, kappelli u diversi postijiet oħra biex inkunu nistgħu niġbdu r-ritratti u l-vidjows tagħna,” spjegatli Jasmine.

    “Oħrajn, bħal ngħidu aħna Manuel Casha li joqgħod f’Sydney l-Awstralja, jagħtuna permess biex nużaw il-mużika tagħhom għall-isfond tal-vidjows tagħna. Anki jiena nagħmel xi arranġamenti tal-mużika Alfred Grechu nikteb ukoll xi kanzunetti. Għalkemm qatt ma tgħallimt il-mużika, kif jgħid il-Malti, għandi l-widna għaliha. Inħobb ngħaddi l-ħin fuq l-orgni tiegħi u noħloq xi biċċiet mużikali, nirrikordjahom u xi ħaddieħor jiktibli l-mużika tagħhom. Mhux l-ewwel darba li ‘nisma’ xi biċċa mużika f’moħħi’ waqt li nkun rieqed u jkolli nqum malajr indoqqha ħalli nirrikordjaha. Jekk ma nagħmilx hekk, sa l-għada nkun insejtha żgur. Malli ġejt Malta ktibt kanzunetta iddedikata lil pajjiżi. Semmejtha ‘Għanja lil Malta’ u kantahieli Enzo Gusman.”

    Minn dawk ix-xogħlijiet kollha, liema huwa l-favorit tagħhom?

    “Il-favorit?” waqaf jaħseb Alfred. “Ma nafx. Kollha jogħġbuni. Aħna npoġġu qalbna fihom. Għalina daqs li kieku kienu wliedna. Diffiċli tagħżel bejniethom.”

    “M’għandix vidjow favorit għax kollha jogħġbuni,” qaltli Jasmine. “Imma jekk ikolli nagħżel wieħed bilfors, ngħidlek illi kanzunetta għandi favorita – ‘Ma niċħdek qatt’ kantanta minn Renato – li tinstema’ fil-vidjow tal-Belt Valletta. Niftakar illi sa mill-ewwel darba li smajt din il-kanzunetta kont inħossni nitqanqal u nemozzjona ruħi ħafna. Allavolja ma kontx qed nifhem x’inhu jingħad, imma l-mod kif Renato jinterpretaha, iqanqalni wisq. Bqajt sakemm sirt naf il-kliem ta’ din il-kanzunetta u ltqajt ma’ Renato li b’ġentilezza kbira qagħad ikantahieli. Meta rajt il-kliem fhimt aktar biċ-ċar il-għala din il-kanzunetta kienet tant temozzjonani.”

    “Trid tismagħha tkantahielek?” nebixna t-tnejn Alfred.

    Ħsibt li Jasmine kienet ser toħroġ minnha imma minflok għaġġbitni. Hekk kif Alfred sab il-vidjow u beda jdoqqu, hi għaġġlet ġabet karta li fuqha kien hemm miktub il-kliem tal-kanzunetta u armat tkantahieli b’Malti mċaqlaq u b’dak l-aċċent partikolari tagħha. Li impressjonani kien l-imħabba u l-passjoni li bdiet tkanta biha…

    “U jekk xi ħadd ikażbrek isib lili. Difiża nkun għalik għax Malti jien! Viva Malta,” bdiet iżżid wara r-ritornell.

    Ikolli nistqarr magħkom li xtaqt ngħannaqha miegħi dak il-ħin. Din id-diska nzertat prezzjuża ħafna anki għalija personali. U tara barranija tkantaha b’tant konvinzjoni, tnissillek emozzjoni ta’ barra minn hawn.

    “Inħobb inkantaha din id-diska,” qaltli daħkana u kburija, ”għax meta nkantaha nħossni Maltija veru.”

    Hawnhekk ittieħdet sewwa minnek għedt lil Alfred li kien qed jiggustaha daqsi.

    “Iva. Fil-fatt permezz ta’ din l-imħabba li għandna lejn Malta, nistgħu naħdmu flimkien fuq dawn il-proġetti. Għalkemm hi tgħid li ntellifha u li aħjar taħdem weħidha,” nibex mill-ġdid Alfred.

    “Veru veru,” ikkonfermat hi. “Għax hu moħħu biex jgħaġġel. U jien irrid nagħmel kollox kif suppost. Noqgħod ħafna attenta għad-dettalji meta nkun qed niġbed ir-ritratti u l-vidjows u wara meta neditjahom. Inkun irrid li x-xogħol tiegħi jitkellem waħdu. Nipprova naqbad dawk il-mumenti speċjali… it-tfal jilgħabu bil-konfetti waqt il-festa… l-uċuh u l-espressjonijiet tan-nies. Kultant naħseb li ċertu nies jaħsbuni belha li noqgħod nieħu dawk ir-ritratti kollha. Imma dak hu li jagħmel il-prodott finali attraenti. Nemmen ukoll illi għandi l-obbligu li nippreżenta dan ix-xogħol bl-aħjar mod possibbli. Irrid lil dik it-tifla fir-ritratt tara dak il-vidjow minn hawn u ma nafx kemm il-sena oħra u tħossha kuntenta u nostalġika li dakinhar kont qbadtha f’dak il-mument sabiħ.”

    L-imħabba għal dak kollu li hu Malti ħajjret lil Jasmine biex anki tipprova titgħallem din il-lingwa. U hekk kif bdiet tiskopri l-kliem Malti kienet sorpriża immens meta sabet xi kliem in komuni bħal: sapuna, tabib, sultan, skola. Qaltli li dan hu aktarx minħabba li anki f’pajjiżhom kellhom influwenza Għarbija.

    Kont kurjuża nkun naf jekk tarax xi similitudnijiet jew differenzi oħra bejn Malta u l-Malaysia….

    “Bħala pajjiżi diffiċli tikkomparahom għax wieħed għandu kultura Ewropeja u l-ieħor għandu kultura Ażjatika. Xi ħaġa partikolari li ninnota huwa illi fil-Malaysia aħna naċċettaw reliġjonijiet differenti iktar faċilment. Tant hu hekk illi tista’ tara nies ta’ reliġjonijiet differenti jiċċelebraw l-istess festi. Mhux xi ħaġa kbira per eżempju biex issib is-siġra tal-Milied kemm fid-dar tal-Kattoliċi u anki f’dawk tal-Hindu u l-Musulmani. Ikollna wkoll ħafna żwiġijiet imħallta u ma jkunx hemm problemi fuq hekk. Ngħidu aħna meta jiena iddeċidejt illi nikkonverti għall-Kristjaneżmu, ħadd ma ndaħal mill-familja tiegħi. Lanqas meta żżewwiġt Malti Kristjan. Anzi laqgħuh bil-ferħ daqs li kieku Alfred kien wieħed minnhom. Differenza oħra hija illi pajjiżi għandu popolazzjoni ta’ 27 miljun persuna u daqstant ieħor m’hemmx xebħ fil-kobor tal-pajjiżi.”

    Imma l-Maltin lilha kif laqgħuha?

    “Jiena għandi natural minni li mmur jien fuq il-bniedem biex nagħmel ħbiberija u mhux noqgħod nistenna lil ħaddieħor jagħmel l-ewwel pass. Għaldaqstant ma damux ma drawni u aċċettawni bħala waħda minnhom.”

    “Jgħiduli kemm hi gustuża, speċjalment meta jisimgħuha titkellem bil-Malti,” daħal pront pront Alfred. “Iħobbuha ħafna. Jgħiduli kemm hi ħelwa. Ma nafx għaliex għalija qatt ma jgħidu hekk?!”

    Fid-dinja ta’ llum diffiċli biex issib xi ħaġa b’xejn. Xtaqt niskopri jekk hux beħsiebhom ibiegħu dawn il-vidjows xi darba…

    “Mhux l-ewwel darba li staqsewhilna din,” temmet tgħidli Jasmine. “Imma aħna nagħmlu dan ix-xogħol bħala rigal għal min jarahom. Personalment jiena naħdem dax-xogħol bħala kontribut għal dan il-pajjiż li laqagħni b’tant imħabba. Xtaqt nuża dak kollu li naf biex nagħti xi ħaġa lura lil Malta. U meta inti qed tagħti rikonoxximent jew rigal, ma tippretendi qatt xejn lura tiegħu. Ma rridx li nkun għext hawn għal tant snin bla ma qatt inkun tajt xejn lura lil dan il-pajjiż. Dawn il-vidjows iddedikati lil Malta huma rigal li jien nagħti mill-qiegħ ta’ qalbi.”

    Ma naħsbix li għandi għalfejn inżid aktar kummenti wara kliem bħal dan. Hekk jew hekk issa kien wasal ħin l-ikel u quddiemi Jasmine ippreżentatli platt appettituż tipikament Malajżjan….

    Kull min jixtieq jara dawn il-vidjows jista’ jidħol fuq YouTube jasalf5959 jew YouTube malpen04.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-18 t’Ottubru 2009)