• JEKK MA TEMMINX X’JIBQA’?

    It-twemmin huwa l-verità miżmuma fil-moħħ; il-fidi hija n-nar fil-qalb… Joseph Fort Newton (1880 – 1950)

    Il-Papa Benedittu XVI ġie u mar. Għal uħud din kienet miġja li qanqlet ferħ kbir u bil-ġiri marru bi ħġarhom biex jilqgħuh. Oħrajn forsi kienu xi ftit aktar xettiċi u filwaqt li numru minnhom intefgħu f’xi kantuniera biex ikunu preżenti mal-folla, ammont ieħor qagħdu d-dar isegwu bil-kwiet minn fuq it-TV. Indubbjament kien hemm ukoll dawk li l-wasla tal-Papa urtathom u għall-ebda raġuni fid-dinja ma riedu jiddedikaw lanqas sekonda waħda biex jaraw dak li kien qed jiġri.

    Imma dik hija l-libertà tal-ħsieb u tat-twemmin u fl-opinjoni tiegħi kulħadd għandu d-dritt jaħsibha kif irid, basta ma jxekkilx lil ħaddieħor fid-deċiżjonijiet tiegħu. Għax wara kollox, x’inhi l-fidi? X’inhu t-twemmin? Min ser imeri lill-ieħor li hu żgur li qiegħed fit-triq it-tajba? X’ċertezza għandna dwar dak li ġejna mgħallma sa minn meta konna tfal?Finalment kollox jagħlaq fuq element wieħed li jorbot kollox – il-fidi.

    U hekk kif konna qed ngħixu dawn il-waqtiet, ħabib ġdid tiegħi laqqagħni ma’ wieħed illi għalih il-fidi tagħmel parti essenzjali minn ħajtu. Fil-fatt għal Neville Attard il-ferħ tal-wasla tal-Papa kompla Neville Attard jestendi ruħu meta ftit tal-ġranet wara kellha tiġi ċċelebrata l-festa liturġika ta’ San Ġorġ Megalomartri, qaddis u patrun ta’ Ħal-Qormi, li lejh huwa għandu devozzjoni qawwija tant li wasslitu biex jibda kollezzjoni vasta.

    “Niċċelebraw l-festa liturġika ta’ San Ġorġ fit-23 t’April, id-data ta’ meta jingħad li hu ngħata l-martirju. Ta’ min insemmu wkoll illi dil-festa tiġi ċċelebbrata f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja li għandhom qima kbira lejn dan il-qaddis,” bdieli d-diskors Neville hekk kif fetaħ il-bieb tad-dar sabiex jintroduċili l-kollezzjoni tiegħu.

    Mal-ewwel feġġew l-ewwel oġġetti ddedikati lil San Ġorġ…“Tridx nibda billi nurik dawn ir-relikwi? Għandi tliet tipi: din hija fragment ta’ għadma ta’Waħda mir-relikwi bix-xogħol tal-monaster San Ġorġ u dik hija biċċa mill-ħwejjeġ tiegħu filwaqt li hawnhekk  għandi ċ-ċertifikati maħruġa mill-Vatikan biex jikkonfermaw l-awtentiċità tagħhom. It-tielet relikwa tikkonsisti f’biċċa żgħira mill-istandard tiegħu li hemm  fil-bażilika paleo-kristjana ddedikata lil San Ġorġ f’Velabro f’Ruma imma din akkwistajtha mingħand anzjan tal-post u m’għandix ċertifikat tagħha.”

    B’sengħa kbira Neville ħoloq speċi ta’ kwadri biex jilqgħu fihom dawn ir-relikwi prezzjużi. Huwa jinqala’ sewwa fl-arti u fejn ma jasalx hu, isib min jgħinu.

    “Nippreferi li dawn id-dekorazzjonijiet isiru bi snajja tradizzjonali għax jidhirli li huma l-aktar xierqa fejn jidħlu affarijiet konnessi mar-reliġjon u l-Knisja.

    Hawnhekk per eżempju, fejn qed tara dan id-disinn tal-weraq bil-perli u l-ħajt tad-deheb, huwa xogħol tal-monaster li ħadmitli waħda mara.  Ix-xogħol tal-monaster jixbaħ ħafna lil dak tal-ganutell u jinħadem billi jiddawwar ħajt tad-deheb, waħda ħdejn l-oħra mal-kartun sakemm jiġi qisu rakkmu.

    Eżempju ieħor huwa dan il-kwadru li rregalali ħabib tiegħi fejn did-darba l-ornamenti ġew maħduma bil-qulling li jsir permezz ta’ karti tad-deheb mibrumin.

    Imbagħad dan huwa kwadru maqtugħ bl-arkett li jien komplejt inżejjen. Din it-teknika kienet popolari ħafna fl-antik: fejn inti jkollok ritratt tal-qaddisin poġġut fuq l-injam u mbagħad tlibbsu. Niftakar li dan kien tahuli missieri u jien iddekorajtu bil-lewlu u l-lazzijiet tad-deheb, mentri x-xagħar ta’ fuq għonq iż-żiemel u denbu għamilthom bir-rix li qgħadt innittef mill-anġlu tal-fibre-optic tan-nanna!”

    Dlonk ħarbitli tbissima u fil-pront tajt daqqa t’għajn wara Neville fejn kont naf li hemm nanntu Vitorja Sultana qed issegwi kollox. Imma malajr serraħt rasi għax sibtha qed tidħak u tiggustah.

    “Żarmali dar sħiħa biex ramahieli kollha b’dawn l-oġġetti ta’ San Ġorġ. Kelli sett tal-kċina wkoll neħħiehuli għax daqs kemm akkwista affarijiet, kellu bżonn aktar spazju. Imma x’nagħmel jekk dan hu l-Vitorja Sultana qed turini l-bulettin tal-1956passatemp u l-għaxqa tiegħu? Minn dejjem niftakru jħobb il-Knisja, il-funzjonijiet tagħha u l-qaddisin. Ilu jġemma’ l-istatwi sa minn ċkunitu u fil-fatt l-ewwel statwa ta’ San Ġorġ tajniehulu jiena u żewġi Leli ftit qabel ma għamel il-preċett. Sfortunatament żewġi miet għoxrin sena ilu u għalija Neville huwa kollox fid-dinja. Barra minn hekk jiena Ġorġjana daqsu u allura nieħu pjaċir inkompli miegħu. Tant hu hekk illi ftit ilu għal egħluq sninu xtrajtlu dik l-istatwa mdaqqsa tal-fidda,” irrakkuntatli n-nanna hekk kif anki hi bdiet iddawwarni fil-kmamar tad-dar.

    Neville beda jgħidli kif bdiet din il-kollezzjoni.

    “Kif qaltlek nannti, ilni ħafna dilettant tal-istatwi u l-qaddisin. Imma lejn San Ġorġ minn dejjem kont inħoss devozzjoni speċjali. Jista’ jkun peress li jiena Qormi u noqgħod fl-inħawi ta’ San Ġorġ, tgħammidt fil-Knisja ta’ San Ġorġ, mort l-iskola primarja ta’ San Ġorġ, kelli lin-nannu fratell mal-fratellanza tar-rużarju u l-għeruq tal-familja kollha huma Ġorġjani. Ma setax jonqos allura li meta ġieni f’rasi li nibda kollezzjoni, ddeċidejt li niddedikaha lilu.”

    L-oġġetti li jagħmlu parti minn dil-kollezzjoni huma bla tarf u minn kollox.

    “Għandi statwi, kwadri, ikoni, kalċi, ritratti, pitturi, muniti, kalendarji, djarji, domni, pipa, keychains, ċikkulata,  platti, kikkri, fliexken tal-ilma u l-inbid li jġibu ismu, basktijiet, partijiet minn uniformijiet Parti mill-kollezzjoni fejn hemm l-aħħar statwa tal-injamta’ skejjel u kulleġġi ddedikati lil San Ġorġ, ingravati, flokkijiet, brieret, velu tan-nisa Eġizzjani, xugamani, tapiti, mousepad tal-kompjuter, kartolini, santi bil-bizzilla tad-deheb u dawk magħrufin bħala taċ-ċikwejra u dan il-bulettin tan-nanna li jġib id-data tal-1956. Hemm ħafna iktar affarijiet, kif qed tara, fostom dawn il-frieket, l-imgħaref u l-kuċċarini bid-disinn ta’ San Ġorġ. La mmut jien, dawn il-kuċċarini beħsiebni nħallihom lill-Knisja ta’ San Ġorġ sabiex jintużaw għall-inċens tan-navetta.”

    Daqstant ieħor huma varji l-materjali li dawn huma magħmulin minnhom.

    “Ara, l-affarijiet huma stivati skont il-materjal tagħhom. Għandi oġġetti maħduma mit-tafal, resin, kompożizzjoni ta’ rħam, ħġieġ 3D, injam varju fostom dak taż-żebbuġ, fidda, parċmina tax-xemgħa, cameo maħdum mill-qoxra tal-fkieren, antaċċjoli, lewlu rqiq u oħxon, cross stitch u anki biċċa xogħol mill-ifjen maqtugħa fil-madreperla.”

    Stagħġibt kemm jeżistu affarijiet varji għalkemm kollha relatati mal-istess qaddis!

    “San Ġorġ huwa wieħed mill-aktar qaddisin bikrin tal-Kristjaneżmu fejn f’dawk iż-żminijiet il-Kristjani kienu ppersegwetati ħafna u kienu jinħbew taħt l-art biex jaħarbu mill-Il-kollezzjoni magħmula minn oġġetti ta' diversi materjalimewt. Flimkien magħhom dawn min jaf kemm ħbew dokumenti, rikordji u relikwi tal-qaddisin tagħhom. Imma sfortunatament meta Neruni kien ħaraq Ruma min jaf kemm minn dawn it-tifkiriet ġew meqruda għal dejjem. Akkost ta’ dan, xorta waħda jekk tfittex, issib bosta oġġetti nteressanti u souvenirs minn diversi ħwienet. Barra minn hekk jiena nħobb insiefer ħafna f’pajjiżi konnessi mar-reliġjon fejn naf li ser insib ħwienet kemm irrid ibiegħu dawn l-affarijiet.”

    Fil-fatt tista’ tgħid illi dil-kollezzjoni sservi wkoll ta’ vetrina dwar kif pajjiżi differenti jesprimu d-devozzjonijiet tagħhom lejn dan il-qaddis permezz tax-xogħolijiet u s-snajja’ tradizzjonali tagħhom.

    “Għandi xogħol mill-Brazil, Barċellona, Spanja, il-Muntanja Tabor, l-Etjopja, Ġenova, Bulgarija, Ingilterra u Ruma fost l-oħrajn. Imbagħad dan il-bajd tal-injam impitter bix-xeni tal-qaddisin xtrajtu mir-Russja u dan il-pupazz jew trajbu tat-tiben xtrajtu min-Napli u libbistu biex ġibtu jirrapreżenta lil San Ġorġ. Din l-istatwa kbira tal-injam hija l-aktar waħda riċenti f’dil-kollezzjoni u xtrajtha mill-Ġermanja. Fl-art imqaddsa naturalment insib oġġetti bir-radam!

    Post ieħor li żort huwa l-Eġittu fejn l-insara Kopti għandhom devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis. Hemm tradizzjoni li tgħid illi l-fdalijiet ta’ San Ġorġ kienu ħaduhom l-insara Kopti u li dawn jippossjedu wkoll il-ktajjen li kien marbut bihom waqt il-martirju. Dawn il-ktajjen jinsabu fil-Kajr u d-devoti jistgħu jilbsuhom bħala devozzjoni u qima biex jaqalgħu l-grazzja ta’ dal-qaddis – att li naturalment jiena għamilt minn qalbi.”

    Huwa żar ukoll il-qabar ta’ San Ġorġ li jinsab f’Lydda, qrib Ġerusalemm. Għal qalbu wkoll hija l-bażilika ta’ Velabro f’Ruma fejn jinsab il-kranju (il-qurriegħa) ta’ San Ġorġ.

    “Fl-1984 din ir-relikwa kienet inġabet Ħal-Qormi u niftakar li kienu saru festi kbar. Imbagħad fl-2003 reġgħet żaret il-gżejjer tagħna, did-darba f’Għawdex u konna tlajna narawha.”

    Kont kurjuża dwar xi dettalji partikolari ta’ dil-kollezzjoni u Neville weġibni minnufih.

    “L-aktar oġġett ċkejken fih 22mm u hu magħmul mill-metall. L-akbar wieħed jikkonsisti fi statwa ta’ 4 piedi li kienet saret fuq ordni tiegħi mingħand l-iskultur Austin Camilleri Cauchi. Ġimgħa qabel il-L-ikbar statwa ta' San Ġorġfesta f’Ħal-Qormi niċċelebraw San Ġorġ tat-tfal fejn issir purċissjoni mill-pjazza ta’ San Franġisk sal-Knisja. Il-membri tal-kumitat u l-arċipriet kienu talbuni din l-istatwa biex jerfugħa t-tfal waqt il-purċissjoni. Jien aċċettajt u did-drawwa baqgħet issir kull sena. Din l-istatwa l-kbira hija għall-qalbi ferm peress li kienet l-ewwel oġġett li xtrajt ta’ dak il-kobor.

    Madanakollu hemm statwa oħra għażiża għalija. Hija l-aktar waħda antika, peress li għandha iżjed minn 100 sena. Tahieli l-ħabib tiegħi Charles Scerri peress li jaf kemm għandi għall-qalbi dan il-qaddis, akkost li dik kienet l-uniku statwa li kellu tiegħu u li kien jgħożża ferm.”

    Fil-fatt innutajt illi Neville għandu bosta ħbieb li jirrispettawh ħafna u rakkont partikolari tiegħu aktarx ikkonfermali għaliex.

    “Mhux l-ewwel darba li sifirt ma’ xi wħud minn sħabi li għandhom l-istess devozzjoni lejn San Ġorġ. Darba minnhom fis-sena 2000 tlajt Ġerusalemm ma’ wieħed minn ħbiebi u minn Pittura li pinġa Neville Attardhemm xtrajt fonti ċkejkna tal-ilma ta’ dan il-qaddis. Sieħbi, li huwa kollezzjonista fervent bħali, iddeċieda li ma jixtrix waħda bħalha imma meta rritornajna Malta, kull darba li jiġi għandi u jaraha kien jgħidli “Ara naqra, għal one dollar iċċaħadt minnha u ma xtrajtx bħalha!” Għaldaqstant meta rġajt tlajt Ġerusalemm fl-2008 wegħdtu li nipprova nsiblu waħda bħalha. Imma x’issib? Mhux b’dik id-data u wara dawk is-snin kollha! Domt indur u niġri sa l-aħħar ġurnata u daqs kemm qtajt qalbi, xtrajtlu xi ħaġ’oħra. F’ħin minnhom hekk kif konna qed nippreparaw biex nitilqu f’ħanut nilmaħ kaxxa mfawwra b’souvenirs antiki u fostom nara l-fonti tal-2000 li xtaq hu! Kienet l-aħħar waħda li kellu u tgħidx kif ħtaftha f’idi mill-ewwel. Meta rregalajtha lil sieħbi u għedtlu l-istorja kollha ovvjament apprezzaha mmens.”

    Il-figuri ta’ San Ġorġ ma jistgħux ma jimpressjonawkx. Bosta jirrappreżentawh bħala suldat Ruman kuraġġjuż u kburi, riekeb fuq żiemel bajdani filwaqt li qed jissielet ma’ draguni ta’ kull xorta.

    “Hemm ħafna stejjer u leġġendi mdawwra ma’ San Ġorġ imma ħafna minnhom huma simboliċi. Iż-żiemel abjad jirrapreżenta liż-żiemel tal-apokalissi. Id-dragun huwa s-simbolu tal-ħażen. Il-prinċipessa li ġieli tidher fil-pitturi qed tiġi salvata minn San Ġorġ hija l-Knisja.”

    San Ġorġ huwa wkoll il-patrun ta’ diversi pajjiżi fostom ta’ Għawdex, tal-Ġorġja u tal-Ingilterra. Din tal-aħħar fil-fatt kienet li nediet il-premju tal-George Cross li jingħata lil L-ewwel statwa tal-kollezzjoninies ċivili bħala ġieħ għall-atti ta’ erojiżmu u kuraġġ waqt ċirkustanzi ta’ perikli kbar. Malta ingħatat dan il-ġieħ fl-1942 u sal-lum dan għadu jagħmel parti mill-bandiera Maltija.

    “San Ġorġ huwa wkoll il-patrun tal-iscouts hekk kif ġie deċiż minn Baden-Powell li kien il-fundatur. Huwa wkoll il-patrun tas-suldati, tal-kavallerija, tal-arċiera, tal-bdiewa, tal-morda bir-ras, il-leprożi, il-pesta u s-sfilide.”

    Staqsejtu għala jirreferu għal San Ġorġ bħala megalomartri?

    “Għax sofra aktar minn martirju wieħed sakemm finalment qatgħulu rasu u qatluh. Għaldaqstant jista’ jkun illi apparti li f’idejh tidher il-palma li tissimbolizza l-martirju, jidhru wkoll tliet kuruni bil-ponot li jfissru li kien martri ta’ Kristu u li għadda minn tliet martirji.”

    Ridt nara xi jfisser għalih it-twemmin u r-reliġjon?

    “Ifissru ħafna u nemmen li għandhom ikunu parti mill-ħajja tagħna lkoll. Jekk ma temminx x’jibqa’?”

    L-imħabba li hu għandu lejn dal-qaddis tissarraf ukoll fl-għajnuna li huwa jagħti fil-Knisja ta’ San Ġorġ fejn fostom flimkien ma’ sħabu huwa jgħin fl-armar, fir-restawrar u biex jinġabru l-fondi għal diversi xogħlijiet li jkun hemm bżonn. Neville huwa wkoll l-organista u jieħu ħsieb il-kor tal-istess knisja.

    “Iva, flimkien ma’ Charlene li tistudja l-vuċi u tidderieġi lit-tfal tal-kor nħarreġ lit-tfal biex ikantaw u jipparteċipaw fil-funzjonijiet tal-Knisja. Hekk kif fi tfuliti għamlu miegħi, jiena nħobb ukollStatwi ta' San Ġorġ nispjegalhom it-tifsira tal-kant u t-tiżjin fil-knisja sabiex dawn jifhmu aħjar is-sinifikat ta’ dak li jkun qed iseħħ. Aħna nkantaw kant tradizzjonali bil-Latin u għalhekk huwa importanti li jkunu jafu sewwa x’inhuma jgħidu. Nużaw mużika sagra ta’ Mons Marco Frasina, dik Gregorjana u anki dik magħrufa bħala ‘ta’ Lourdes’. Dawk it-tfal li jinteressahom jingħaqdu magħna nixtieq ninfurmahom illi r-rehearsals isiru kull nhar ta’ Ġimgħa mis-6:30pm sas-7:30pm mal-orgni wara l-artal.

    Barra minn hekk għandna wkoll ir-radju tal-parroċċa ‘Leħen il-belt Ġorġjana’ li jxandar fuq 105.6fm u li aħna kburin ħafna bih. L-għan ta’ dan ir-radju huwa li  jxandar il-funzjonijiet tal-knisja u xi programmi relatati bħal ‘Mill-Knisja ‘l ġewwa’. Ix-xandiriet tiegħu jibdew minn Ras ir-Randan u jieqfu wara jum il-festa l-kbira ta’ San Ġorġ f’Ġunju.”

    Meta komplejna nitkellmu sirt naf illi Neville huwa wkoll għalliem tax-xogħol tal-fuħħar u l-crafts fid-Dar tal-Provvidenza s-Siġġiewi. Huwa studja l-arti fil-Kulleġġ De La Salle il-Belt Valletta u anki fil-Kulleġġ tal-arti u s-snajja’ li kien jinsab Tarġa Gap il-Mosta. Fil-fatt fil-kollezzjoni stajt nara wkoll xi xogħlijiet u pitturi minn tiegħu li naturalment huma dwar San Ġorġ.

    Poġġejna bil-qiegħda mal-mejda fil-kċina mdawwrin minn kull naħa bil-preżenza ta’ San Ġorġ li saħansitra kienet titla’ sas-saqaf. Xtaqt inkun naf jekk ormaj Neville jaħsibx li għandu biżżejjed oġġetti u jekk wasalx biex jieqaf?

    “Xhiex? Nieqaf? Lanqas biss tgħaddili minn rasi. Jien l-hena tiegħi nintasab hawn inħares lejhom u naħseb kif u fejn ser nagħmel aktar xkafef biex inżid aktar. Beħsiebni nimla’ kull m’hawn!”

    In-nanna Vitorja għolliet ħarsitha ‘l fuq u ħadet nifs qawwi l-ġewwa. Fl-istess ħin ġabitilna platt pudina li ħadmet hi stess mill-biskuttelli. “Kulu, kulu,” ħeġġitna. Ma tantx kellha titħabat wisq biex tikkonvinċina nieklu biċċa. Il-pudina kienet ħelwa u bnina daqs in-nanna Vitor!

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-25 t’April 2010)