-
IR-RAKKONT TAL-AKBAR ĠRAJJA
Skont W J Cameron “Kien hemm biss Milied wieħed…. il-bqija huma kollha anniversarji.” U ħadd ma jista’ jlumu għax hekk hu. Forsi għalhekk li aktar ma jgħaddi ż-żmien, is-sinifikat oriġinali tiegħu qiegħed dejjem kull ma jmur jintilef u jinbidel fit-tema ta’ festini u xalar. Madanakollu b’xorti tajba mhux kollox mitluf għax fil-qalba ta’ ċertu djar, wieħed għadu kapaċi jiltaqa’ mat-tifsira ġenwina tal-Milied. Infatti dil-ġimgħa hekk kif mort inżur il-kollezzjoni grandjuża tal-Milied ta’ Anton Galea fir-Rabat Għawdex skoprejt illi għalih il-Milied qatt ma jgħaddi peress li hu sab mezz kif jibqa’ jgħixu f’kull jum matul is-sena.
“Il-Milied minn dejjem kont inħobbu imma nistqarr li qatt ma bsart li għad ikolli dil-kollezzjoni tant kbira! Però donni li b’xi mod antiċipajt li dawk il-pasturi sempliċi li kont nilgħab bihom meta kont żgħir, kellhom xi darba jfissru ħafna aktar għax dejjem bżajt għalihom u qatt ma kissirthom. Illum li għandi 76 sena, dawn il-pasturi huma prezzjużi ħafna għalija, anki jekk wiċċhom u surithom mhumiex daqshekk sbieħ. Imma huma jirrappreżentaw tfuliti u jqanqluli nostalġija kbira kull darba li nħares lejhom.”
Ħafna minn dawn il-pasturi antiki huma miġbura ġewwa vetrini apposta fejn ġurnata wara l-oħra dawn ifakkru dil-ġrajja qaddisa. Fl-istess ħin huma wkoll rikordju tas-snajja’ Maltin.
“L-ewwel pasturi tiegħi kienu tat-tafal. Kont xtrajthom mingħand Majsi Zahra li kien pasturar Għawdxi. Wara bosta snin magħluqin fil-kaxxi, darba minnhom iddeċidejt li nqabbad lil Toni Buhagiar minn Birżebbuġa biex jaħdimli presepju b’ambjent Għawdxi ħalli nkun nista’ npoġġiehom fih u b’hekk inkun nista’ ngawdihom matul is-sena kollha.”
Iżda n-namra tant qawwija mal-ġrajja tal-Milied seħħet meta ħuħ Joseph Galea waqqaf il-grupp Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex-Malta li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin.
“Probabbilment ħija jħobbu ħafna aktar minni l-Milied għax kieku ma kienx jidħol għal biċċa xogħol bħal din. Stinka ħafna biex rawwem din l-għaqda u llum huwa kburi li hemm bosta membri mseħbin fiha li huma dilettanti kbar tal-Milied. Naturalment jiena kont wieħed minn tal-ewwel li sirt membru u hekk kif bdejt niġi espost għat-tagħlim ta’ ċerti nies tas-sengħa li ta’ kull sena jiġu juruna kif isir dax-xogħol konness mal-presepji u l-pasturi, bdejt nitħajjar immidd idejja jien ukoll f’dal-qasam. Barra minn hekk, bħala membru ta’ din l-għaqda, darba f’sena jkolli l-okkażjoni li nattendi għall-kungress li jsir l-Italja, filwaqt li kull erbgħa snin isir kungress internazzjonali f’Innsbruck fejn jinġabru għad ta’ dilettanti bħali tal-presepju. Waqt dawn il-mawriet nieħu ħafna ideat ġodda u nistħarreġ il-possibilità tal-użu ta’ materjali differenti minn dawk li aħna mdorrijin naħdmu bihom hawnhekk. Dawn l-esperjenzi jibqgħu stampati f’moħħi u nirritorna lura lejn pajjiżi kollni mħeġġeġ u mħajjar biex noħloq presepju ġdid. Finalment bl-iskop li jkolli biċċa xogħol ġdida x’nesebixxi kull sena fil-wirja li torganizza l-għaqda, sibt ruħi qed nibni presepju wara l-ieħor sakemm illum spiċċajt biex għandi kollezzjoni sħiħa.”
Ta’ min jgħid li dawn il-mawriet f’pajjiżi oħra jservu wkoll sabiex Anton jaħtaf l-opportunità biex jgħarrex għal xi sett ta’ pasturi jew xi presepju interessanti ieħor x’iniżżel miegħu lejn Malta.
“Ormaj għandi mijiet ta’ pasturi u presepji ta’ kull daqs, xorta u materjal. Ara, dan presepju tal-kartun li jmur lura għaż-żmien ta’ qabel it-tieni gwerra dinjija u kont xtrajtu mill-Amerika, filwaqt li dal-presepju ċkejken ġie maħdum mill-injam taż-żebbuġ u xtrajtu mill-Iżrael. Dan is-sett ta’ pasturi huwa tal-porċellana u ġibtu minn Lourdes, mentri dan il-presepju li hu maħdum mill-lava u hu mżejjen bil-pasturi tat-terracotta xtrajtu minn Catania. Dan is-sett imżejjen biż-żrar akkwistajtu minn Taranto u dan bil-pasturi mlibbsin huwa minn Napli.”
Baqa’ għaddej ifehemni d-dettalji dwar din il-kollezzjoni fejn fosthom urini wkoll presepju tax-xemgħa, presepju maħdum f’bajda u tnejn oħra f’ġewża u f’lewża. Presepju ċkejken ieħor kien imqiegħed f’kaxxa tas-sulfarini, filwaqt li ieħor iċken kien imsawwar fir-resin u saħansitra kien hemm bżonn lenti biex tara s-sett ta’ tmien pasturi rqaq li kien mogħni bihom! Ovvjament kellu wkoll xogħolijiet lokali li kollha kellhom xi ġrajja interessanti marbuta magħhom.
“Dal-presepju ċkejken tahuli Victor Darmanin mill-Kalkara u hu l-minjatura ta’ presepju akbar li ħadem lil xi klijent tiegħu. Dan sett ta’ pasturi li għaddhieli l-ħabib tiegħi Għawdxi Toni Portelli li sfortunatament m’għadux magħna. Kif qed tara, ma kienx laħaq żebagħhom kollha imma għalija dak hu l-preġju tagħhom għax hekk ifakkruni kif kien tahomli hu. Dan il-presepju huwa ta’ Mary Haber minn Raħal Ġdid u dan ta’ Jesmond Micallef minn Ħal-Qormi. Dawn t’hawn huma sett pasturi għal qalbi ħafna għax kien għamilhom pazjent li kien jinsab fi sptar mentali. Niftakar darba kont mort inżur lil xi ħadd hemmhekk u nara lil dan l-individwu jħokk xi ġebel mal-ħajt. Intbaħt li peress li ma setax ikollu strumenti, kien qed jagħmel hekk biex jagħtihom il-forma u mbagħad permezz ta’ musmar kien ikompli jigref il-fattizzi tal-pasturi.”
Aktar ma bdejt nisma’ dwar dan id-delizzju, stajt nagħraf li fir-realtà dan kellu bosta saffi ta’ sinifikati: fosthom biex iservi ħalli jgħaqqad il-kulturi u d-drawwiet ta’ pajjiżi differenti.
“Mhux darba u tnejn li nistiednu lil xi dilettanti barranin f’pajjiżna sabiex anki huma jintroduċu ruħhom max-xogħol tagħna. Il-presepju Malti għandu numru ta’ karatteristiċi tiegħu bħall-użu tal-imtieħen tar-riħ u anki ċertu forom ta’ djar bħal per eżempju fl-istil Għawdxi ġieli ninkludu l-galleriji antiki li Għawdex hu magħruf ħafna għalihom. Imbagħad hemm ukoll pasturi partikolari li ma ssibhomx fi presepji barranin bħal ngħidu aħna x-xabbatur, l-imgħaġġeb, l-adoratur, id-daqqaqa u l-bejjiegħa lokali u x-xrik (li jkunu żewġ pasturi mgħannqin flimkien). Uħud minn dawn il-pasturi jinbiegħu wkoll bl-ilbies tradizzjonali tagħhom u dawn huma mfittxija ħafna mill-barranin.”
Intant min-naħa tiegħu Anton irnexxielu jadotta s-sengħa tad-dijorama; fejn presepju jkun mibni bħallikieku kien sett fuq palk u allura jkollu l-perspettiva ta’ dak li hu viċin u dak li hu bogħod.
“Meta waqaft mix-xogħol li kelli bħala għalliem tal-arti għax ħriġt bil-pensjoni, stajt niddedika aktar ħin għal dan id-delizzju. Ftit ftit bnejt sett ta’ sebgħa episodji li juru l-fażijiet differenti li wasslu għat-twelid tal-Bambin. L-ewwel dijorama li għamilt kienet turi t-twelid innifsu u personalment nemmen li hija waħda mill-aqwa xogħolijiet li qatt għamilt. L-għan prinċipali tad-dijorama huwa li jagħti sfond lix-xena u allura n-naħa ta’ wara tagħha ma tkunx kwadra imma fit-tundjatura, kemm biex ma toħloqx dellijiet u anki biex tagħti l-impressjoni tal-wisgħa. Apparti x-xogħol dettaljat li fihom biex toħloq ix-xena nnifisha, dawn id-dijorami jkunu qed jaħbu fis-saqaf tagħhom il-bozoz, il-wires u l-extractor biex jagħtu dehra sabiħa u raffinata. Barra minn hekk il-kuluri nfushom ikunu qed inisslu l-karattru tal-istorja bħal ngħidu aħna għat-tħabbira tal-Madonna għażilt il-kulur bajdani, filwaqt li ż-żjara għand Eliżabetta hija aktar ħamranija biex tagħti l-aspett ta’ nżul ix-xemx. Meta l-koppja marret tinkiteb għaċ-ċensiment il-kulur huwa aktar naturali imma mbagħad meta l-koppja kienet qed tfittex lukanda l-kulur huwa ikħal skur għax kien dieħel il-lejl.”
Sibt li l-kollezzjoni ta’ Anton kienet ħafna akbar milli tani x’nifhem għax ma riedet tispiċċa qatt! Infatti biex idaħħal il-kollezzjoni kollha huwa qiegħed ftit ftit jimla l-kmamar tad-dar kollha u s’issa rnexxielu anki jinżel mal-ħajt tat-taraġ bil-vetrini tiegħu, kollha magħluqin wara l-ħġieġ u mgħottija b’purtieri tad-drapp biex ix-xogħolijiet jitħarsu mill-ħsara tad-dawl.
“Dis-sena ma kellix aktar post fejn inpoġġi l-oġġetti li kont xtrajt. Għalhekk ordnajt dawn il-vetrini li hawn fit-taraġ u sakemm il-mara marret qadja ta’ nofs ta’ nhar, waħħalthom malajr u sabithom lesti hawn. Ma tantx ħadet gost bija u kelli nwegħedha li mhux se nkompli ninżel aktar ‘l isfel!”
Imma x’inhi dil-passjoni li ġġiegħel lill-kollezzjonist jibqa’ jixtri presepju wara l-ieħor li wara kollox qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja?
“Għadilli tassew kollha juru l-istess xeni, fil-kumplessità u fit-totalità tagħhom ta’ tqassim, materjal, pasturi u kuluri, kollha jkollhom dak il-karattru partikolari li jiddistingwihom minn xulxin. Għalija din il-kollezzjoni hija ħajti u sserraħħni ħafna bħala delizzju. Meta nkun qiegħed fil-kamra tax-xogħol qed noħloq xi ħaġa ġdida biex inżid magħha, inħoss serenità kbira f’qalbi. Nittama li meta jiġi ż-żmien li din il-kollezzjoni tgħaddi f’idejn oħra, din tibqa’ apprezzata u maħbuba bħal kif dejjem żammejtha jien. Nixtieq ħafna li ma tispiċċax miegħi u li għand min issib ruħha jagħraf l-imħabba u d-dedikazzjoni li ssawret bihom.”
Tiskanta l-ideat li jiġu f’moħħ l-artist kultant! F’naħa minnhom, Anton urieni presepju li hu fforma ġewwa nkwatru li hu u martu kienu qalgħu fit-tieġ. Imma xejn ma mpressjonani daqs il-presepju li hu rnexxielu jarma ġewwa l-ewwel sett tat-TV li kellu!
“Moħħi l-ħin kollu għaddej fuq dawn l-affarijiet, tant li anki jekk inkun inkwetat fuq xi ħaġa, ngħid ħa naħseb fuq xi oġġett li nista’ nagħmel dal-Milied u b’hekk ninsa l-problemi kollha. Darba minnhom wara li ġejna mill-Ġermanja, iddeċidejt li noħloq presepju mhux tas-soltu fejn ix-xena tat-twelid ambjentajta ġo dar tal-injam imdawwra bis-silġ. Darb’oħra waqt li kont għaddej f’park fi Vjenna, sibt biċċa zokk interessanti u ġibtu miegħi sakemm finalment akkwistajt pasturi żgħar minn Napli li stajt nirranġah bihom. Għall-kuntrarju, ġurnata oħra xtrajt sett ta’ pasturi tal-ħġieġ minn Venezja biex imbagħad bnejtilhom sfond bil-ħġieġ ikkulurit li ġbart minn fuq ir-ramel tax-xtajtiet tagħna.”
Emmnuni, kelli bżonn is-siegħat biex nara l-kollezzjoni kollha. Fosthom Anton kellu bambin iswed maħdum bix-xemgħa li probabbilment jgħodd il-250 sena. L-aktar presepju għal qalbu huwa dak li għamlitlu n-neputija tiegħu Hilda meta kellha sitt snin. U bħalissa jinsab kuntent ferm bl-aħħar presepju li ħadem fuqu biex jesponih għal-wirja ta’ din is-sena.
“Fir-realtà jiena ngħix il-Milied is-sena kollha għax il-ħin kollu għaddej nara x’ser nivvinta biex naħdem għal din il-festa li hija tant għal qalbi. Meta nħares lura lejn ix-xogħol, l-impenn u l-investiment li ddedikajt għal din il-kollezzjoni ma jiddispaċini xejn għax naf sewwa li min-naħa tagħha hi tatni u għadha tagħtini ħafna ferħ lura. Fosthom tgħini nġedded il-memorji ta’ meta bħala tfajjel ċkejken kont nistenna b’tant ħerqa l-ġranet tal-Milied sabiex noqgħod nilgħab bil-presepju u bil-pasturi. Għalija dak hu l-Milied: is-serenità li kapaċi jwassal presepju fis-sempliċità tiegħu hekk kif jirrakkonta l-akbar ġrajja li qatt rat id-dinja!”
(Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-11 ta’ Diċembru 2011)