Archive for June 22nd, 2014

  • PONT MAĊ-ĊINA – IR-RABA’ PARTI – Ir-ritmu tal-kitba

    Studenti jitharrgu fil-kalligrafija fic-Centru Kulturali tac-Cina f'Malta Maya Han, lekcerer u ko-direttrici tal-Istitut Confucius, fl-Universita ta' Malta

    Librerija fic-Centru Kulturali tac-CinaStili differenti ta' kalligrafija Ciniza

    Minn dejjem kien magħruf illi l-lingwa Ċiniża tmur lura għal eluf ta’ snin. Imma kien biss fl-1899, permezz ta’ skoperta aċċidentali li għamel Wang Yirong, uffiċjal f’Beijing, li ġie kkonfermat tassew kemm din il-lingwa kienet antika. Ġara li darba minnhom hu marad bil-malarja u t-tabib imperjali kitiblu preskrizzjoni fejn waħda mill-ingredjenti mediċinali kienet tinkludi ‘dragon bone’ (għadma ta’ dragun), li fir-realtà kienet tkun qoxra ta’ fekruna. Huwa xtara din il-mediċina minn ħanut mgħammar b’dawn il-ħxejjex iżda meta mar biex juża dan il-materjal, huwa nnota li fuq l-għadam kien hemm xi marki minquxa. Għajnu mill-ewwel għokritu minn dawk is-sinjali strambi li qatt ma kien ra bħalhom qabel u għalhekk huwa ħadhom għand ħabib tiegħu, Liu E, li kien espert fil-kitba antika Ċiniża. Dan deherlu li probabbilment dak it-tinqix seta’ kien jikkonsisti f’karattri qodma Ċiniżi, u mbuttat mill-ħerqa biex jiskopri aktar, Wang fittex l-oriġini ta’ dan l-għadam sakemm sab li dawn kienu qed jaslu mir-rovini ta’ dik li dari kienet il-belt kapitali tad-Dinastija Shang, qrib il-villaġġ Xiaotun, fil-majjistral ta’ Anyang, Provinċja ta’ Henan. Sfortunatament, ir-riċerka ta’ dan l-individwu kellha tintemm ħesrem meta inqas minn sena wara, pajjiżu safa attakkat u mirbuħ mill-għadu u hu flimien ma’ żewġ membri tal-familja tiegħu, wettqu suwiċidju. Min jaf jekk Wang qattx irrealizza li s-sejba tiegħu kellha tiżvela l-aktar kitba antika Ċiniża li nstabet sa llum u li tmur lura għal madwar 2000 sena Q.K.?

    Il-lingwa Ċiniża hija l-eqdem lingwa li għadha tintuża sa llum. Dan il-fatt, flimkien mal-metodu distint li din tinkiteb biha, jkomplu jagħnu l-kultura rikka ta’ dan il-pajjiż. Bħal bosta aspetti oħra fil-kultura Ċiniża, anki l-lingwa u l-kalligrafija huma bbażati fuq filosofija interessanti ferm. Għaldaqstant, sabiex nifhem aħjar dawn il-kunċetti, din il-ġimgħa ltqajt ma’ Maya Han, lekċerer u ko-direttriċi tal-Istitut Confucius, fl-Università ta’ Malta.

    Min kien Confucius?

    Nibda biex insemmi illi l-personaġġ li dan l-Istitut ġie msemmi għalih huwa wieħed mill-aqwa edukaturi u filosofi li qatt kellha ċ-Ċina. Confucius kien bniedem li beda minn għeruq sempliċi u fqajra iżda maż-żmien huwa għaraf jilħaq livelli għoljin tant li jingħad li matul ħajtu, huwa għallem lil madwar 3000 student. Inizzjalment kienet biss in-nobiltà li kellha d-dritt għat-tagħlim imma din l-istorja nbidlet meta huwa Confucius ta l-bidu għall-edukazzjoni tal-poplu in ġenerali. Taħt l-influwenza tiegħu, il-filosofi Ċiniżi ta’ ġenerazzjonijiet li għexu warajh għarfu illi l-istudenti m’għandhomx biss jimmiraw li jiksbu aktar informazzjoni imma wkoll li jiftħu iżjed moħħhom sabiex jesploraw kunċetti aktar wiesgħa ħalli b’hekk huma jtejjbu wkoll l-abitudni spiritwali tagħhom.

    L-istruttura tal-lingwa Ċiniża

    B’kuntrast mal-kitba li aħna mdorrijin għaliha, li tikkonsisti biss f’numru żgħir ta’ alfabet, il-lingwa Ċiniża tinkludi madwar 90,000 karattru, fejn 3500 minnhom huma l-aktar li jintużaw. Il-karattri Ċiniżi għandhom funzjoni simili ta’ l-ittri tal-alfabet tagħna. Madanakollu, is-simboli u l-ħoss tal-kelma m’humiex ikkumbinati flimkien u allura karattru jista’ jindika sillaba u l-oġġett deskritt innifsu imma mhux il-pronunzja.

    Il-kitba Ċiniża hija magħmula minn tmien sinjali bażiċi li jikkonsistu f’tikka, sinjal orizzontali, sinjal imdawwar, sinjal vertikali, sinjal forma ta’ ganċ, sinjal li jiżżerżaq il-fuq lejn il-lemin, sinjal li jinżel ‘l isfel lejn ix-xellug u ieħor li jinżel ‘l isfel lejn il-lemin. Fatt kurjuż huwa li l-karattru yong li jfisser ‘għal dejjem’ jinkludi dawn is-sinjali kollha fih u għalhekk, jekk wieħed isegwi t-taħżiża tiegħu, jkun jista’ jilmaħ dawn is-sinjali kollha.

    Il-karattri Ċiniżi

    L-ewwel karattri Ċiniżi kellhom forma aktar piktografika, jiġifieri f’forma sempliċi ta’ xbiehat ta’ l-oġġetti li kienu qed jiddeskrivu. Imma maż-żmien, il-ħajja bdiet issir aktar ikkumplikata u l-bniedem ħass li ma setax jesprimi ruħu biżżejjed b’dan il-vokabularju bażiku fejn il-kliem kien jikkonsisti biss minn karattru wieħed. Għaldaqstant, sabiex ikun jista’ jiftaħ aktar il-lingwa tiegħu, anki biex jispjega kunċetti astratti, il-bniedem beda jgħaqqad aktar karattri flimkien. Dan wassal biex il-kitba Ċiniża ħadet forma aktar kumplessa u rfinuta sakemm finalment inħolqot l-arti tal-kalligrafija.

    L-arti tal-kalligrafija

    L-arti tal-kalligrafija Ċiniża tgħaqqad tliet aspetti flimkien: il-kitba, id-disinn u l-poeżija. Infatti kompożizzjoni artistika kalligrafika għandha tkun tixbaħ lill-pittura u twassal riflessjonijiet romantiċi bħal kif tagħmel il-poeżija. Iżda fuq kollox, il-kalligrafija Ċiniża għandha tesprimi l-enerġija interna li ġiet miktuba biha u din tiġi espressa permezz tal-ammont ta’ linka li tintuża, mill-mod kif din tiġi mmellsa mal-karta biex tifforma l-kitba, u mill-moviment aħħari li jitħalla fuq il-karti bojod maħduma apposta biex jixorbu l-linka sewdinija, mingħajr ma jħalluha tinfirex. Din il-forza tal-kalligrafu li tiġi rappreżentata fuq il-karta permezz tas-sinjali ddisinjati fil-forom partikolari tagħhom, għandhom ikunu jixbħu lill-wiċċ kalm tal-ilma li fir-realtà jkun qed jostor lill-belliegħa qawwija li jkollu moħbija fil-profondità tiegħu.

    Skont l-għorrief Ċiniżi antiki, il-kalligrafija hija l-ogħla forma ta’ arti minħabba li din tagħti ċ-ċans lill-artist biex joħroġ fil-beraħ l-emozzjonijiet, il-ħsibijiet u l-karattru tiegħu. L-ispirtu bażiku tal-kalligrafija jikkonsisti f’mużika ta’ ritmi mingħajr ħoss u huwa tassew affaxxinanti li ssegwi lil dawn l-artisti jiffurmaw il-karattri tradizzjonali Ċiniżi permezz tal-pinzell, il-linka, u l-movimenti kiebja, ferrieħa, qawwija jew deċiżi tagħhom.

    L-għodod tal-kalligrafija

    Hemm erbgħa oġġetti fundamentali marbuta mal-arti tal-kalligrafija: il-pinzell, il-linka, ir-reċipjent tal-linka u l-karta. Minn dejjem, tingħata attenzjoni kbira għal dawn l-għodda tal-kalligrafija għax hu permezz tal-professjonalità tagħhom flimkien mat-talent tal-artist li x-xogħol joħroġ impekkabbli.

    Infatti hemm 72 pass biex tinħadem ir-ras ta’ pinzell. Fosthom din tinħadem mix-xagħar tal-mogħża jew tal-ballottra u t-truf tagħha jintrabtu sod bix-xagħar tal-barri sabiex ma joħorġux minn posthom. Il-pinzell innifsu jsir mill-bamboo li jiġi proċessat u moħmi bil-għan li jitneħħew l-insetti kollha li jista’ jkollu fih. Il-linka, li l-invenzjoni tagħha tmur lura għas-seklu 23 Q.K., tissawwar minn materjali naturali, fejn dik l-aktar apprezzata ssir mir-raża tas-siġra tal-arżnu. Ir-reċipjenti li fuqhom tinħadem jew tiġi ppreservata l-linka jinħadmu minn materjali iebsin bħall-granit u dawn jiġu ddekorati b’karattri, figuri jew xeni Ċiniżi. Naturalment, ma nistgħux ma nsemmux il-karta li fiċ-Ċina diġà kienet qed tiġi prodotta sa mit-tielet seklu!

    Il-leġġenda tal-kalligrafu Zhang Xu

    Xeni bħal dawn jgħinuk tifhem aħjar il-leġġenda marbuta mal-kalligrafu popolari Zhang Xu li kien jgħix fil-perjodu tad-Dinastija Tang. Jingħad li Zhang xtaq jassorbi t-tip ta’ kalligrafija msejjħa running-cursive script u għalhekk hu għadda ħafna żmien jipprova jipperfezzjona l-istil tiegħu billi jikkopja għal diversi drabi l-kitbiet tal-aqwa artisti ta’ qablu, iżda ftit li xejn beda jagħmel progress. Sakemm darba minnhom hu kien għaddej mill-belt kapitali ta’ din id-dinastija, fit-triqat ta’ Chang’an, u hemm lemaħ folla kbira ta’ nies qed issegwi ż-żfin ta’ artista popolari magħrufa bħala, Lady Gongshun. Din iż-żeffiena kien irnexxielha toħloq stil partikolari għaliha billi kienet tilbes ilbies magħmul minn veli sbieħ u kkuluriti, filwaqt li kienet tiżfen b’xabla f’idejha. Zhang intilef wara ċ-ċaqliq tagħha hekk kif f’daqqa, huwa xebbaħ lil figuritha misluta, mal-pinzell li soltu jkollu f’idejh, filwaqt li l-ġmiel tal-movimenti tagħha stħajjilhom iż-żerżieq tal-pinzell tiegħu mgħarraq fil-linka fuq il-karta. Kien minn hawn li huwa fehem il-ġmiel tal-kalligrafija u beda jagħmel progress ġmielu. Huwa baqa’ magħruf ukoll minħabba li kien jinsisti li l-aqwa xogħolijiet tiegħu kien jagħmilhom meta jkun fis-sakra u għalhekk qabel jibda jaħdem, huwa kien jara li jkun xorob sewwa. Mhux ta’ b’xejn li l-istil kalligrafiku tiegħu baqa’ magħruf bħala Drunken Style.

    L-istili tal-kitba Ċiniża

    Hemm madwar għaxar stili differenti ta’ kitba fiċ-Ċina fejn l-aktar magħrufa huma l-ħamsa li se nsemmi hawnhekk. L-ewwel tlieta jintużaw b’mod komuni filwaqt li t-tnejn ta’ l-aħħar huma antiki u jsiru biss fil-kalligrafija:

    - Il-Kitba Formali jew l-Istil Regolari (Formal Script jew Regular Style): Dan l-istil għandu storja ta’ madwar 1000 sena iżda l-karattri tiegħu huma faċli ħafna biex jinqraw peress li huma miktuba b’qisien regolari u b’mod ċar, u b’hekk jintużaw fil-pubblikazzjonijiet u fis-sistema tal-kompjuter. Dan l-istil jidher fis-sinjali tal-ħwienet, tal-billboards, u fil-festival couplets. Issibu wkoll fuq dokumenti uffiċċjali u korrispondenza, gazzetti, monumenti, u oqbra.

    - Il-Kitba Mgħaġġla (Running Script): Dan l-istil żviluppa minn dak formali imma jinkiteb b’mod aktar mgħaġġel. Ħafna mill-karattri jinkitbu b’mod imxengel għalkemm l-istil użat huwa sempliċi, ċar u jingħaraf. Din il-kitba ġeneralment tintuża fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom meta jinktibu l-ittri ta’ korrispondenza.

    - Il-Kitba Mexxejja (Cursive Script): Dan hu l-aktar stil miktub b’veloċita fejn il-karattri huma kemmxejn imbiegħda minn xulxin. Għandu forma irregolari u kultant il-karattri jitwaħħdu flimkien, tant li hija diffiċli biex wieħed jikteb jew jaqra dan ix-xogħol.

    - Il-Kitba tas-Siġill (Seal Script): Dan huwa l-aktar stil antik ta’ kalligrafija u llum jintuża biss għall-effetti speċjali. Hija f’din il-forma li kienu nstabu l-qxur tal-fkieren minn Wang Yirong, li llum saru magħrufa bħala l-‘Għadam tal-Oraklu’ minħabba li fuqhom instabu talbiet lil xi divinitajiet.

    - Il-Kitba Uffiċjali (Official Script): Dan l-istil inħoloq wara l-Kitba tas-Siġill u kien l-aktar jintuża waqt id-Dinastija Han. Ir-regola ta’ din il-kitba neħħiet il-forma ta’ xbiehat mill-kitba u minflok bidlithom fis-sinjali tal-karattri. Għalkemm dan l-istil huwa antik ferm, huwa faċli biex jinqara.

    It-tagħlim tal-lingwa u tal-kalligrafija Ċiniżi

    Ngħid is-sew, jagħtik li taqta’ qalbek meta tara din il-kumplessità u l-wisà kollha ta’ din il-lingwa. Imma fir-realtà, it-tfal Ċiniżi jitgħallmu l-ewwel 100 karattru sakemm ikollhom 7 snin, waqt li jkunu fil-kindergarden. Imbagħad, meta jilħqu s-16 il-sena, huma jkunu mmemorizzaw 3500 karattru b’kollox li hu biżżejjed biex wieħed jikkomunika tajjeb u jaqra l-kotba u l-gazzetti.

    Maya Han assiguratni li dawk l-individwi li tassew jinteressahom li jitgħallmu din il-lingwa, għalkemm jafu jsibu xi diffikultà fil-bidu, minħabba d-differenzi kollha li jeżistu bejn il-kitba li huma mdorrija għaliha u dik Ċiniża, ma jdumux ma jsibu rkaptu tagħha.

    L-Istitut Confucius fl-Università ta’ Malta

    Infatti fl-Istitut Confucius, li ilu miftuħ mill-2011, jattendu numru ta’ studenti kemm Maltin u kif ukoll barranin li spiss ilestu l-korsijiet b’suċċess.

    Bħalissa hemm erbgħa opportunitajiet differenti li wieħed jista’ jagħżel biex jintroduċi ruħu mal-lingwa u mal-kultura taċ-Ċina:

    - Evening Classes: dawn huma miftuħa għall-pubbliku u jibdew minn livell bażiku għal dawk li qatt ma tgħallmu din il-lingwa qabel. Ta’ min jiċċara li f’dawn il-lezzjonijiet, il-parteċipanti jitħarrġu fl-istil pinyin li ġie żviluppat f’dawn l-aħħar snin sabiex dawk li jixtiequ jitgħallmu jitħaddtu biċ-Ċiniż, isibuha aktar faċli. Fil-fatt, l-istil pinyin jikkonsisti mill-ittri tal-alfabet li nafu aħna u li permezz tagħhom, il-parteċipant ikun qed jitgħallem il-pronunzja tal-lingwa.

    - Degree Plus: din hija miftuħa għall-istudenti tal-università fejn huma għandhom żewġ għażliet; il-lingwa bażika u l-kultura Ċiniża jew il-kalligrafija Ċiniża.

    - Diploma Course – dan il-kors hu mifrux fuq sentejn part-time fejn jibda mill-bidu nett tal-lingwa u jinkludi wkoll għarfien dwar il-kultura Ċiniża.

    - Bachelors Degree – kors mifrux fuq tliet snin li bħat-tagħlim li semmejt qabel, jibda wkoll bl-introduzzjoni ta’ l-ewwel karattri tal-lingwa u jitla’ sal-livell ta’ Baċellerat.

    Għal aktar informazzjoni dwar l-Istitut Confucius u t-taħriġ tiegħu, wieħed jista’ jikkuntattja lil Jacqueline Theuma fuq 23403407 jew lil Maya Han fuq maya.han@um.edu.mt

    Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta

    Intant, anki ċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta li jinsab 173 Triq Melita, Valletta, joffri taħriġ fil-lingwa u fil-kalligrafija Ċiniża. Hemm żewġ tipi ta’ korsijiet fil-lingwa: dawk li jibdew minn Ottubru sa Ġunju, u oħrajn iqsar li jsiru fis-Sajf, bejn ix-xahar ta’ Lulju u Awwissu. Min-naħa l-oħra, il-korsijiet tal-kalligrafija jsiru regolarment minn żmien għall-ieħor u infatti fil-25 t’April li ġej, se jibda kors ieħor fejn il-lezzjonijiet isiru bejn is-6.00pm u s-7.30pm.

    Dan iċ-Ċentru ilu jagħti dan it-taħriġ sa mill-2004 u minn dak iż-żmien attendew numru sostanzjali ta’ Maltin. Infatti, kemm ilu miftuh, kien hemm madwar 400 individwu li attenda għal dawn il-lezzjonijiet u bosta minnhom akkwistaw riżultati tajbin. Hemm sorpriża sabiħa ferm għal dawk li qed jitħajjru jitgħallmu l-linwa Ċiniża hekk kif id-Direttur ta’ dan iċ-Ċentru, Gu Hongxing, għarrafni li kull sena, l-aktar żewġ studenti li jmorru tajjeb fl-istudji tagħhom jingħataw l-opportunità li jmorru fuq btala mħallsa miċ-Ċentru ta’ 10 ijiem fiċ-Ċina. S’issa 14 il-student gawdew minn din l-offerta fantastika.

    Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta tistgħu ċċemplu fuq 21225055, tibgħatu email fuq maltaccc3@gmail.com jew tidħlu fis-sit http://malta.cccweb.org/mt/ jew fil-Facebook China Cultural Centre in Malta.

    Libreriji ta’ kotba dwar iċ-Ċina u bil-lingwa Ċiniża

    Kemm fl-Istitut Confucius u kif ukoll fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, wieħed isib librerija b’għażla vasta ta’ kotba u filmati li jkopru informazzjoni interessanti ferm dwar iċ-Ċina u t-taħriġ fil-lingwa Ċiniża.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (4 Parti) fit-Torċa tat-13 t’April 2014)

    2014.06.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • PONT MAĊ-ĊINA – IT-TIELET PARTI – Il-filosofija tal-ġonna Ċiniżi

    Mix-xellug - Id-disinjatur Luo Yi, l-inginier Hu Zhong Jing u t-traduttrici Zhang XueqinP1140403

    Is-sindku tal-Kunsill Lokali ta' Santa Lucija, Frederick CutajarDettal tat-'tea room'

    Darba waħda fiċ-Ċina kien hemm filosofu popolari Taoist li jġib l-isem ta’ Zhuang Zi. Huwa kien miexi fuq pont flimkien ma’ ħabibu Hui Zi meta nnota xi ħut jgħum fl-ilma ta’ taħthom. “Ara dawk il-ħut kemm jidhru sereni jgħumu fl-ilma. Dak sinjal li huma ferħanin,” lissen il-filosofu. “Int m’intix ħuta. Kif taf li dawk il-ħut huma ferħanin?” irrispondih sieħbu. “U int m’intix jien. Allura kif taf li jien ma nafx li l-ħut huma kuntenti?” wieġbu lura l-filosofu. Jingħad li l-filosofija tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi nbniet fuq ġrajjiet bħal dawn hekk kif dawn jesprimu l-ġid li jġib fuqu l-bniedem meta jgħix ħaġa waħda man-natura. Hekk kif il-filosofu ħass il-kuntentizza meta osserva l-hena tal-ħut, daqstant ieħor igawdi l-bniedem meta japprezza l-kobor tan-natura ta’ madwaru.

    Skoprejt dan ir-rakkont waqt li kont qed nagħmel ir-riċerka tiegħi dwar il-ġonna tradizzjonali Ċiniżi. Għal darb’oħra, dan l-istudju laqqgħani ma’ bosta kunċetti li qatt ma kont smajt dwarhom qabel u mill-ġdid ħassejtni affaxxinata b’din il-kultura tant differenti minn tagħna. Intbaħt li għalkemm ġieli żort il-Ġnien tas-Serenità li jinsab fil-lokalità ta’ Santa Luċija, fejn qatt ma nqast milli nagħraf il-ġmiel tal-arkitettura Ċiniża li hu mogħni bih, fir-realtà kont qed nitlef ħafna mit-tifsira profonda tiegħu peress li ma kellix idea tal-istorja u tal-filosofija li jeżistu wara ġonna bħal dawn. Għaldaqstant, ħassejt għatx kbir sabiex insib ruħi mill-ġdid f’dan il-ġnien ħalli nkun nista’ narah b’għajnejn oħra. U x-xorti daħkitli meta s-Sindku ta’ Santa Luċija, Frederick Cutajar, stedinni biex nagħti titwila lil dan il-post, li dan l-aħħar għadda minn rinovament kbir, qabel il-ġnien jinfetaħ għall-pubbliku f’Mejju li ġej. Huwa introduċini wkoll ma’ Hu Zhong Jing, l-inġinier prinċipali li kien responsabbli minn dan il-proġett, mad-disinjatur Luo Yi, u mat-traduttriċi, Zhang Xueqin sabiex b’hekk nifhem aħjar is-sinifikat ta’ dan is-sit.

    Il-bidu tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi

    Il-professjoni tal-bennejja u tad-disinjaturi tal-ġonna tradizzjonali Ċiniżi tmur lura għal mijiet ta’ snin. Jingħad li l-idea tal-ħolqien ta’ dawn il-ġonna tqanqlet mill-pittura tal-pajsaġġi u tax-xenarji li kienet apprezzata ferm f’dawk il-perjodi. Dan minħabba li kien biss permezz tal-arti li l-bniedem seta’ jipposjedi xbieha tal-ġmiel naturali li kien jinsab madwaru. Inizzjalment, kienu l-istess artisti li bdew jiġu mqabbda biex jiddiżinjaw u jippjanaw l-ewwel ġonna fejn ix-xogħol primarju tagħhom kien jinvolvi li joħolqu xeni rilassanti u sbieħ, sabiex kull min jimxi ġo fihom jingħata l-impressjoni li qiegħed jgħix ġo xi xena mpittra. Fl-istess ħin il-ġonna kellhom il-funzjoni li fi sbuħithom jesebixxu l-ġmiel tan-natura. Naturalment dawn l-artisti bdew jużaw uħud mill-kunċetti filosofiċi li kienu jħaddnu fil-qasam tagħhom fejn ngħidu aħna l-artist Da Chongguang esprima ħsibijietu b’dan il-mod: “Il-muntanji huma statiċi, imma jekk ikun hemm l-ilma ġieri, l-istampa kollha takkwista l-moviment. Il-ġebel ma jiċċaqlaqx imma jekk ikun hemm is-siġar ħajjin, il-kwadru jingħata spirtu ħaj.” Eventwalment, dan wassal biex mal-milja taż-żmien inħolqu ġonna ta’ eleganza mill-ifjen b’karatteristiċi tassew uniċi.

    Tipi differenti ta’ ġonna

    L-ewwel ġonna li nħolqu kienu l-ġonna imperjali. Dawn kellhom il-funzjoni li jesponu r-rikkezza u l-poter tal-imperatur u għalhekk huma ġew diżinjati fuq firxa vasta ta’ art u mżejjna bl-isbaħ pjanti, fjuri kkuluriti u siġar kbar. Eżempju ta’ ġnien minn dawn li għadu jeżisti sa llum huwa magħruf bħala ‘Summer Palace’ u jinsab f’Beijing. Wara dawn, tfasslu wkoll il-ġonna tat-tempji li wkoll kienu mogħnija b’lussu liema bħalu. Aktar tard, ngħataw il-ħajja l-ġonna privati li s-sidien tagħhom ġeneralment kienu uffiċjali rtirati tal-gvern jew individwi sinjuri ħafna. B’kuntrast mal-oħrajn, dawn il-ġonna kienu jitfasslu fuq il-prinċipju tar-riservatezza u tar-raffinatezza sottili, fejn in-natura tagħhom, għalkemm sublimi u tpaxxi l-għajn, kellha toffri serħan u rilassament tal-ġisem u tar-ruħ sabiex isservi bħala rokna ta’ ġenna ta’ l-art.

    Il-ġonna tradizzjonali privati fl-istil Suzhou

    L-inġinier Hu Zhong Jing u d-disinjatur Luo Yi spjegawli illi l-Ġnien tas-Serenità li jinsab f’Santa Luċija ġie maħdum fl-istil ta’ ġnien tradizzjonali privat b’karatteristiċi Suzhou.

    Suzhou hija belt fin-naħa t’isfel taċ-Ċina li fiż-żminijiet antiki kienet għanja u sabiħa ħafna tant li kienet magħrufa bħala l-Venezja tal-Orjent. Fiha wieħed kien isib ukoll l-aqwa ġonna privati tant li dawk minnhom li rnexxielhom isalvaw sa llum huma meqjusa bħala parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż u saħansitra wħud ġew dikjarati bħala parti mill-Wirt Dinji fl-1997. Numru minn dawn jinsabu matul in-naħa t’isfel tax-xmara Yangtze, li hija l-itwal xmara fl-Asja u t-tielet mill-itwal fid-dinja.

    Il-ġonna Suzhou kienu ferm iċken mill-ġonna l-oħra. Is-sidien tagħhom ġeneralment kienu jkunu individwi litterati rtirati mix-xogħol li jixtiequ rokna ta’ serenità u rifuġju mill-bqija tad-dinja. Jingħad li l-kunċett ta’ dawn il-ġonna ġie ispirat mill-kultura tal-eremiti. Ta’ min isemmi li f’dak il-perjodu numru ta’ individwi litterati kienu sabu ruħhom ippersegwitati minn mexxejja korrotti u qattiela u għalhekk biex iżommu l-integrità morali tagħhom u anki biex jiskappaw il-mewt, huma kienu qed jaħarbu fuq il-muntanji u jistaħbaw fl-għerien jew f’xi ħofra ġewwa xi zokk wiesgħa ta’ siġra u jgħixu bħala eremiti. Hemmhekk huma għaddew ħajja iebsa u ta’ periklu iżda fl-istess ħin in-natura ta’ madwarhom offrietilhom sodisfazzjon spiritwali u pprovdietilhom sors ta’ ispirazzjoni għall-abbilitajiet artistiċi u letterarja tagħhom. Kien minn hawn li bdew joħorġu l-pitturi mill-aqwa u l-poeżiji li jmissu r-ruħ. Din l-integrazzjoni ta’ pittura u poeżija finalment wasslet biex inħoloq l-aktar ambjent artifiċjali straordinarju li qatt ħoloq il-bniedem.

    Il-filosofija tal-ġonna Suzhou

    Biex wieħed japprezza l-ġonna Suzhou, jeħtieġ li jimxi fihom ħalli josserva u jifhem sewwa r-raġuni wara l-għażla tad-disinji ta’ xeni differenti li jidhru minn angoli varji. Infatti dawn il-ġonna huma magħrufa bħala l-mudell tipiku li jispjega b’mod ċar il-filosofija tad-disinn ta’ siti bħal dawn li huma taħlita perfetta ta’ rikkezza u kultura flimkien ma’ kollaborazzjoni sħiħa bejn disinjaturi professjonali u nies ta’ sengħa mill-iprem.

    Wieħed mill-prinċipji bażiċi fit-tisfila ta’ dawn il-ġonna kien illi dawn jiġu ibbażati fuq disinji ta’ veduti mpittra antiki u għalhekk it-tifsila tagħhom issejjħet ‘xenarju misluf’. B’hekk parti mill-abilità tad-disinjatur kienet li jara kif ser jagħti l-ħajja lil dawn ix-xeni artistiċi billi joħloq speċi ta’ kopja tagħhom permezz tat-tqegħid ta’ materjal allokat f’pożizzjonijiet partikolari madwar l-art disponibbli. Il-preżenza tal-muntanji u tax-xmajjar kienet fundamentali u dawn ġew rappreżentati permezz ta’ binjiet artistiċi ta’ ġebel partikolari, kultant anki prezzjuż, u t-tifsil ta’ vaski kbar tal-ilma mimlija bil-ħut. L-ilma kellu wkoll il-funzjoni li jieħu post il-mirja billi permezz tar-riflessjonijiet tiegħu tan-natura, id-dinja reali tinbidel f’dik virtwali u tagħti lok għall-meditazzjoni.

    Il-formazzjonijiet magħmula bil-ġebel jilgħabu parti importanti ħafna f’dawn il-ġonna, tant li mingħajrhom wieħed ma jistax jgħid li għandu ġnien awtentiku tradizzjonali Ċiniż. Wieħed mill-materjali prezzjużi li sikwit jintużaw f’dawn il-formazzjonijiet huwa l-ġebel magħruf bħala ‘Taihu Lake stones’ minħabba li l-karatteristiċi distinti tiegħu jirriflettu numru ta’ ideali li l-bniedem għaqli jixxennaq għalihom. Ngħidu aħna l-irquqija ta’ dan il-materjal jissimbolizza r-riservatezza, il-porożità tiegħu tirrappreżenta l-flessibilità li tippermetti ċ-ċirkulazzjoni libera tal-enerġija, l-istruttura fina tal-ġebla tesprimi r-raffinatezza u d-delikatezza, filwaqt li t-tikmix tagħha jixxebbaħ mal-forom taċ-ċafċif ħafif tal-ilma.

    Miżuri oħra li jsiru f’dawn il-ġonna jservu biex jagħtu sens akbar ta’ spazju. Fosthom insibu li t-twieqi għandhom l-għan li joħolqu perspettiva ta’ kobor filwaqt li joffru l-opportunità li wieħed jara diversi xeni minn angoli differenti. Daqstant ieħor il-forma partikolari tas-soqfa mtellgħa ‘l fuq tal-paviljuni għandhom l-iskop li jiġbdu l-għajn tal-viżitatur il-fuq lejn is-smewwiet u b’hekk joħolqu l-idea ta’ grandjożità. Anki l-kurituri angolati min-naħa għall-oħra f’forma ta’ zig-zag huma maħsuba biex ikabbru hekk kif dan it-tip ta’ passaġġ jipprovdi mixja ferm itwal milli kieku wieħed kellu jgħaddi mill-istess distanza b’mod dritt. Barra minn hekk mill-ġdid, l-angoli differenti ta’ dawn il-kurituri joffru perspettivi varji tal-ġnien. L-istess jagħmlu l-forom varji maqtugħa fil-ħitan fejn apparti li jsebbħu bid-disinn tagħhom bħal fjuri, vażuni jew qmura, huma jippermettu li wieħed jista’ jagħti daqqa t’għajn lejn dak li hemm f’xi kantuniera oħra tal-ġnien. Madanakollu, l-ħajt ta’ madwarhom iħalli wkoll l-element ta’ sorpriża għall-viżitatur hekk kif il-bqija tax-xena tkun moħbija.

    Kollox, sa l-inqas oġġett li ssib f’dawn il-ġonna, għandu t-tifsira u l-funzjoni tiegħu. Anki l-kulur tal-pjanti, tal-fjuri, tal-binjiet u tal-aċċessorji kollha jilgħab fattur sinifikanti f’dawn il-postijiet peress li għall-kuntrarju tal-ġonna imperjali, fejn jintużaw ilwien li jidhru ħafna, bħad-deheb, l-aħmar u l-aħdar qawwi, fil-ġonna Suzhou x-xena hija mistennija li tkun tixbaħ lil dik tat-tpinġijiet antiki maħduma bil-linka tradizzjonali u għalhekk tintuża skala ta’ kuluri fuq l-abjad, l-iswed, il-griż u l-aħmar fil-kannella. Barra minn hekk, f’dawn il-ġonna jiġu apprezzati ferm l-oġġetti antiki, bil-kuluri tagħhom mitfija, minħabba li dawn joħolqu sens ta’ żmien u ta’ profondità.

    Il-kitbiet ta’ ‘couplets’ li kienu jikkonsistu f’xi ideat jew sentimenti tas-sid, inkella f’xi kwotazzjonijiet minn xi poeżiji sinifikanti, kienu jitwaħħlu f’xi inħawi partikolari tal-ġonna u bosta drabi dawn kienu jiġu disinjati minn esperti tal-kalligrafija. Dawn il-kitbiet ma kellhomx biss l-iskop li jiddekoraw il-post imma anki biex bihom jistagħna aktar l-ambjent kulturali tal-ġnien innifsu u flimkien ma’ l-għażliet kollha li semmejt hawn fuq, il-viżitatur ikun jista’ jxomm ir-riħa tfuħ tal-kotba li kienu tant għal qalb il-litterati.

    Tibdiliet fi Ġnien is-Serenità

    L-inġinier Hu Zhong Jing infurmani li f’dawn l-aħħar ħames xhur twettqu diversi xogħolijiet f’dan il-ġnien fejn fosthom ġew irranġati xi partijiet li oriġinarjament kienu saru fl-1997 u li ddeterjoraw matul is-snin, u anki żdiedu xi kostruzzjonijiet oħra. Din il-ħidma saret permezz ta’ għadd ta’ ħaddiema Ċiniżi speċjalizzati fil-bini ta’ dawn il-ġonna, filwaqt li l-‘landscaping’ sar minn kumpaniji lokali. Dan il-proġett li primarjament tħallas mill-gvern Ċiniż taħt il-ftehim tal-Foreign Aid Projects ġie jiswa madwar 4.21 miljun ewro.

    Hu Zhong Jing insista li dan il-proġett hu frott il-ħbiberija kbira li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk huwa qalli illi xogħol bħal dan li jsir f’diversi pajjiżi oħra madwar id-dinja, għandu l-iskop li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u anki li jesponi l-kultura Ċiniża fost kulturi oħra.

    Min-naħa l-oħra, id-disinjatur Luo Yi dawwarni mal-ġnien u urini kif huwa kellu jkompli jibni fuq l-istess stil li sar qabel sabiex ikun hemm kontinwità. Għaldaqstant il-paviljuni l-ġodda jixbħu ħafna lil ta’ qabilhom u anki l-kuriduri jkomplu mal-oħrajn. Hekk kif fetaħli l-paviljun li se jkun jista’ jintuża għall-esebizzjonijiet u għaċ-ċerimonji, tpaxxejt bil-ġmiel u bl-eleganza tal-għamara bi stil tradizzjonali Ċiniż.

    Naturalment ma setax jonqos li dan id-disinjatur żagħżugħ jittanta jħalli wkoll it-timbru personali u modern tiegħu f’dan il-ġnien. Xogħol minn dawn li laqatni ferm kien id-disinn tat-‘tea-room’ li ġiet dekorata b’settijiet ta’ mwejjed u magħqad tal-porċellana tipika Ċiniża bl-ilwien bojod u koħol li tassew jixirqu mal-ambjent uniku tal-post. Madanakollu, ma stajtx ma nimpressjonax ruħi bil-proġett li huwa ddisinja fil-fetħa tal- entratura prinċipali tal-ġnien. Dan ix-xogħol jinkludi xena minquxa fuq ħaġra kbira li nġiebet mill-belt ta’ Suzhou u fuqha hemm disinjata veduta popolari ħafna fiċ-Ċina tal-belt ta’ Suzhou fi żmien antik. Din ix-xena tista’ tiġi osservata mill-qrib mill-viżitaturi billi jimxu fuq ġebel poġġut b’reqqa ġewwa vaska sabiex joffri s-sensazzjoni li wieħed qiegħed jimxi fuq wiċċ l-ilma. Fiċ-ċentru ta’ din il-vaska, wieħed isib ukoll minjatura ta’ logħba tradizzjonali Ċiniża msejjħa “flowing cups on a winding river”. Din il-logħba kienet tikkonsisti f’diversi kanali mimlija bl-ilma u fihom kienu jitpoġġew tazzi bix-xorb li mbagħad jibdew jiżżerżqu matul il-kanali fuq l-ilma. Dak li t-tazza tiegħu tasal sat-tarf mingħajr ma tinqaleb kien jirbaħ filwaqt li t-telliefa kien ikollhom jixorbu minn din it-tazza jew jikkomponu poeżija.

    Is-sindku Frederick Cutajar li lura fl-1997 kien għażel l-isem ta’ dan il-ġnien kien kburi mhux ftit bix-xogħol li sar peress li issa l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn post ferm aktar attraenti. Intant, il-viżitaturi issa se jkollhom ukoll il-possibilità li jikru awdjo-gwida mill-ġnien stess sabiex ikunu jistgħu jisimgħu informazzjoni dettaljata dwar partijiet varji mill-ġnien u b’hekk igawdu minn esperjenza aktar sinifikanti. Apparti minn dan, permezz ta’ diversi boards, il-pubbliku se jkollu wkoll spjega bil-miktub ta’ dak li jkun qed jara. Attrazzjoni oħra f’dan il-ġnien tinkludi n-numru ta’ skulturi tal-bronż li juru attivitajiet tradizzjonali Ċiniżi, fosthom: persuna tixrob it-tè, mara tinseġ il-ħarir, raġel jilgħab iċ-ċess Ċiniż u grupp idoqqu strumenti mużikali. Bil-qiegħda fuq bank ħdejn dawn tal-aħħar, Frederick waqaf għal ftit biex nammiraw is-serenità tal-post. U hekk kif għajnejja xorbu l-meravilja tal-post ma kellix diffikultà biex nifhem l-għala s-sindku diġà qiegħed ikollu numru ta’ bookings minn nies li xtaqu jorganizzaw xi attività hemmhekk fejn fosthom ser jiġi ċċelebrat tieġ ftit wara li jsir il-ftuħ uffiċjali ta’ dan il-ġnien.

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (3 Parti) fit-Torċa tas-6 t’April 2014)

    2014.06.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • PONT MAĊ-ĊINA – IT-TIENI PARTI – L-arti ta’ kif tgħix b’saħħtek

    Dr. Wang Xiaolan - id-Direttrici tac-CentruDr Xia Yong Jiang

    Il-prattika tal-agupuntura (Ritratt ta' Choy Hong (Jasmine) Grech)Grupp jipprattika it-Taijiquan - 2

    Għal ħafna mis-soċjetajiet tal-Punent, l-idea ta’ xi tfisser li tkun b’saħħtek hija li ma tkunx marid. Iżda dan mhux il-każ fil-kultura Ċiniża. Infatti fiċ-Ċina l-aspett tas-saħħa jinkorpora fih sistema komprensiva ta’ stil ta’ ħajja li tinsisti ħafna fuq il-bilanċ tal-eżistenza, l-armonija man-natura, dieta tajba, l-użu ta’ ħxejjex naturali u mediċinali, eżerċizzju regolari, metodi varji ta’ massaġġi, rilassament tal-moħħ, tal-ġisem u tal-ispirtu, u numru oħra ta’ prattiċi distinti, fosthom l-agupuntura. Ta’ min isemmi li dan l-għarfien dwar l-arti ta’ kif wieħed jgħix b’saħħtu, li llum jifforma parti mit-tradizzjoni nazzjonali Ċiniża, evolva matul eluf ta’ snin ta’ esperimentazzjoni u studji dwar is-saħħa u l-lonġevità li minn dejjem kienu popolari f’dan il-pajjiż. Hekk kif tħajjart nesplora dan il-kunċett Ċiniż, minnufih sibt ruħi f’dinja pjuttost aljena, fejn il-filosofija, il-lingwa, id-dijanjosi u l-prattiċi użati għall-fejqan huma għal kollox differenti minn dak li aħna mdorrijin għalihom. Għaldaqstant iddeċidejt li ninvestiga din il-fonti ta’ għerf antika billi nersaq għand min seta’ jfissirli aħjar…

    Iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta

    Iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta jinsab fl-inħawi ta’ Kordin, Raħal Ġdid. Dan ġie mwaqqaf fl-1994 bħala parti minn proġett ta’ kooperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina. Għal dawn l-aħħar 20 sena, kull sentejn, f’dan iċ-ċentru jintbagħat tim ġdid ta’ tobba miċ-Ċina sabiex jibdel lill-grupp li jkun hemm qabel, ħalli dawn ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom kemm minn dan il-post u kif ukoll mill-isptar Mater Dei u mill-isptar ġenerali t’Għawdex.

    Id-Direttriċi taċ-Ċentru, Dr. Wang Xiaolan, infurmatni li l-aħħar tim mediku wasal f’Malta f’Lulju tal-2013 u jikkonsisti minn sitt membri, li erbgħa minnhom huma esperti fil-mediċina tradizzjonali Ċiniża. Hija stqarret illi aktar ma jgħaddi ż-żmien il-poplu Malti qiegħed kull ma jmur iżid fl-attendenza tiegħu f’dan iċ-ċentru, tant li dan l-aħħar huma qed jirċievu madwar 10,000 pazjent fis-sena. Infatti fl-2012, sar investiment ta’ 400,000 ewro mill-gvern Ċiniż, sabiex il-post jiġi restawrat b’mod estensiv bil-għan li jiżdiedlu l-ispazju u jissebbaħ l-ambjent ta’ fejn jintlaqgħu l-klijenti.

    Il-filosofija tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża

    It-tabib Xia Yong Jiang, espert fil-qasam tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża, laqagħni f’waħda mill-kmamar tat-trattamenti ta’ dan iċ-ċentru sabiex jintroduċini ma’ dan il-qasam u anki biex ikun jista’ jurini fil-prattika dak li jsir fuq il-pazjenti.

    Il-kliem mill-ewwel waqa’ fuq il-filosofija Ċiniża dwar kif tiġi trattata s-saħħa, fejn b’kuntrast mas-sistema tal-Punent li ġeneralment tiffoka biex tikkura l-parti muġugħa jew l-organu marid fil-ġisem tal-bniedem, is-sistema Ċiniża tħares lejn il-bniedem kollu u lejn l-ambjent li qed jgħix fih bil-għan li tifhem x’inhu dak li qed iwassal għal din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ saħħa. Dan ir-raġunament huwa mibni fuq il-kunċett illi l-bniedem innifsu jikkonsisti f’dinja żgħira li teżisti f’dinja ferm akbar, fejn il-bidliet fid-dinja l-kbira jħallu l-effetti tagħhom fuq saħħet l-individwu. Kollox huwa mibni fuq l-idea tal-armonija bejn il-bniedem u n-natura, l-integrità bejn il-ġisem u l-moħħ tal-bniedem u l-manteniment ta’ bilanċ dinamiku tal-attivitajiet tal-ħajja fl-isfond tal-influwenzi tal-ambjenti interni u esterni.

    Infatti fil-kultura Ċiniża, is-saħħa tal-bniedem tiddependi mill-ekwilibriju bejn il-forzi tal-yin u l-yang. Skont din it-teorija, hekk kif dak kollu li qiegħed taħt ix-xemx għandu parti imdawwla u parti dellija, daqstant ieħor kull ħaġa fid-dinja għandha żewġ aspetti opposti fiha, li għalkemm jeżistu f’kunflitt, fl-istess ħin huma wkoll dipendenti fuq xulxin. Sadanittant, teorija oħra fundamentali hija mwaqqfa fuq il-prinċipju taċ-qi (tinċara ‘ċi’), hekk kif huwa maħsub li dak kollu li hu ħaj, fosthom il-bniedem, għandu fih dan l-element ta’ enerġija naturali li fuqha jiġu bbażati l-azzjonijiet u l-emozzjonijiet kollha. Permezz ta’ sistema ta’ meridjani (bħal tubi) ġewwa l-bniedem, din l-enerġija naturali msejjħa qi flimkien mad-demm, jiċċirkolaw madwar il-ġisem. Barra minn hekk, l-istess sistema li hija magħmula minn aktar minn 360 punt meridjan, tirrelata l-organi interni maċ-ċelloli u ma’ l-organi superfiċjali sabiex tifforma ġisem sħiħ organiku.

    Bosta min-nies tal-Punent jsibuha diffiċli biex jaqbdu tarf ta’ din l-idea taċ-qi u minħabba l-istess raġuni ma jifhmux anqas il-kunċett tal-agupuntura li jinvolvi l-inserzjoni tal-labar fil-ġisem tal-bniedem matul il-kwantità ta’ punti meridjani. Jingħad li l-agupuntura bdiet fil-preistorja hekk kif il-bniedem beda jistudja u jesperimenta fuq ġismu sakemm irrealizza li jekk idaħħal xi ħaġa bil-ponta f’partijiet partikolari tal-ġilda tiegħu, ikun qed joħloq ċertu serħan mill-uġiegħ. Probabbilment f’dak iż-żmien kien jintuża xi għadam irqiq li jiġi raffinat aktar bil-ġebel. Jista’ jkun li kienu jintużaw ukoll ix-xewk twil ta’ xi qniefed. Maż-żmien din is-sejba kompliet tiġi żviluppata sakemm illum wieħed isib labar tal-istainless steel li jvarjaw minn tul ta’ 13mm sa 125mm.

    L-agupuntura

    L-għan prinċipali tal-agupuntura huwa li jimmanipula l-enerġija qi li tkun ġiet ibblukata f’xi post partikolari minħabba xi nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja tal-pazjent. Jintużaw labar differenti fit-tul u fil-qies skont il-bżonn li jkun hemm u dawn jiġu stimulati billi jiddaħlu l-ġewwa fil-ġilda u jiġu mċaqalqa ħalli jħallu l-effett tagħhom. Jeżistu diversi punti partikolari, magħrufa bħala acupoints, fuq il-parti ta’ barra tal-ġisem li minnhom jgħaddi ċ-qi. Hemm tliet postijiet distinti fejn jitpoġġew il-labar: il-‘punt lokali’ li huwa l-lok tal-problema, il-‘punt distanti’ li jkun jinsab fuq l-istess linja tal-meridjan tal-punt lokali, u l-‘punt ashi’ li jimmarka eżatt il-parti fejn il-pazjent l-aktar li jħossu muġugħ. Naturalment it-tabib ikollu bżonn jagħmel id-dijanjosi tiegħu sabiex jagħraf fejn qegħdin dawn il-punti. Intant, kollox jiddependi mir-raġuni l-għala l-pazjent ikun referut

    Bħala persuna li niddejjaq ħafna mil-labar, ikolli nistqarr li l-prattika tal-agupuntura tmeżmiżni ħafna. Madanakollu jeħtieġ ukoll li nassikura lill-qarrejja, li ftit li xejn qatt rajt lil xi pazjent jirreaġixxi għal xi uġiegħ imqanqal mid-dħul ta’ dawn il-labar, anki meta dawn jidħlu fil-wiċċ u fir-ras! Meta staqsejt lil Dr Xia xi tkun ir-reazzjoni tal-pazjenti għall-agupuntura, huwa qalli li bosta drabi l-pazjenti li jirrikorru fiċ-ċentru jkunu ġew rakkommandati li jattendu hemmhekk jew mit-tobba tagħhom stess, inkella minn xi ħbieb li diġà jkunu esperjenzaw din il-prattika u allura jkunu jafu li m’hemm xejn minn xhiex tibża’. Min-naħa l-oħra, t-tabib ikkonfermali li ma’ nies li bħali jitwaħħxu mil-labar u ma’ oħrajn li qatt ma jkunu ltaqgħu ma’ xi ħadd li pprova l-agupuntura, huma jpoġġu jiddiskutu bil-kalma u jfhiemu lil dak li jkun x’ser jiġri u għalfejn, sakemm il-pazjent iħossu rilassat biżżejjed u pront biex issir fuqu din il-prattika tradizzjonali. Intant, hu interessanti nsemmi illi l-agupuntura tintuża għal diversi ċirkustanzi fosthom għall-uġiegħ in ġenerali tal-muskoli, emikranja, puplesija u għal min jixtieq inaqqas mill-piż.

    Waqt din l-intervista nzerta li kien hemm klijenta li fuqha kienet qed tiġi applikata l-agupuntura. Kathy Williams spjegatli kif tul ħajjitha kollha hija kienet tbati minn emikranja qawwija li saret ferm agħar hekk kif għaddiet mill-fażi taċ-change of life. Madanakollu, fit-tliet darbiet li għamlet l-agupuntura f’dan iċ-ċentru, hija mill-ewwel ħassitha ġejja għall-aħjar. Meta staqsejtha jekk qattx beżgħet mil-labar hija weġbitni fil-pront li meta tkun muġugħ tassew, tkun lest li tagħmel kollox biex jgħaddilek. Xorta waħda hija kkonfermatli li l-labar ma jikkawżawx uġiegħ waqt l-applikazzjoni tagħhom. Hija kompliet tfhemni kif f’dik il-ġurnata wara li jsir it-trattament, tħossha daqsxejn imħawwda, imma l-għada tqum fi stat tassew tajjeb hekk kif l-effett tal-agupuntura jibda jirrifletti ruħu fil-ġisem. Kathy qaltli li inizzjalment hija kienet xettika u suspettuża ħafna minn kemm l-agupuntura tista’ tkun verament effettiva iżda wara li ppruvata, hija temmen li għal ċertu wġiegħ partikolari, m’hemm xejn aħjar minnha. Fuq kollox, peress li din hija sistema naturali, ma tħalli l-ebda effetti kollaterali bħal kif tagħmel il-mediċina li mdorrijin nużaw aħna.

    L-investigazzjoni tal-ġisem

    Waqt l-intervista tiegħi ma’ Dr Xia skoprejt ukoll illi d-dijanjosi li jagħmlu t-tobba li jipprattikaw il-mediċina tradizzjonali Ċiniża, wkoll tvarja minn dik tal-Punent. Infatti, dawn it-tobba jkunu diġà bdew jieħdu indikazzjoni ta’ x’jista’ jkollu l-pazjent ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li jagħtuh. Dan isir peress li jiġi nnutat kif il-pazjent qiegħed jimxi lejn it-tabib, ngħidu aħna jekk hux qed jgħaġġel jew jimxi dritt, inkella hux qed iserrep. Imbagħad it-tobba jinnutaw il-forma u l-qagħda tal-bniedem li jkollhom quddiemhom, fosthom jekk hux irqiq jew oħxon, l-istat tal-kulur tal-ġilda, l-espressjoni ta’ wiċċu, kif qiegħed bil-qiegħda u l-mod li bih qed jitkellem. Titqies ukoll il-vitalità tal-individwu mill-bixra ta’ għajnejh u miċ-ċarezza tagħhom, mill-kulur ta’ xufftejh u minn kemm ileqq jew jidher b’saħħtu xagħru. Ċertament kont sorpiża ferm bl-attenzjoni kbira li tingħata lill-ilsien hekk kif dan huwa maħsub li jirrifletti l-kundizzjoni tal-organi interni tal-bniedem u għalhekk il-kulur, il-forma u l-kisja li jkun hemm fuqu tiġi osservata fid-dettall.

    L-investigazzjoni tal-pazjent tinkludi wkoll is-smiegħ tal-leħen, tat-tqaħqiegħ u tan-nifs. Dari l-qagħda tas-saħħa tal-pazjent kienet ukoll tinxtamm iżda llum din hija diffiċli aktar peress li n-nies jużaw ħafna fwejjaħ li jgħattu r-riħa personali tagħhom. Waqt din l-eżaminazzjoni jittieħed ukoll il-qari tal-polz tal-pazjent imma dan isir b’mod differenti minn kif nafuh aħna, hekk kif jintużaw tliet iswaba. Evetwalment ikun imiss ukoll li jintmiss il-klijent sabiex titkejjel it-temperatura tiegħu, l-umdità li tinħass fih u xi nefħiet li jista’ jkollu. Tiġi ċċekkjata wkoll il-parti taż-żaqq u wara jiġu identifikati l-postijiet fejn il-pazjent qed iħoss l-uġiegħ.

    Matul dan kollu, it-tabib ikun qiegħed jistaqsi wkoll lill-pazjent xi informazzjoni dwar l-istil tal-ħajja tiegħu, fosthom dwar id-dieta tiegħu, jekk jagħmilx eżerċizzju, jekk għandux xi stress fil-familja jew fuq ix-xogħol. Dan isir sabiex it-tabib ikun jista’ jindividwa fejn qiegħda l-problema tal-pazjent minħabba li kif diġà semmejt qabel, il-filosofija tal-mediċina tradizzjonali Ċiniża tisħaq illi l-mard u l-uġiegħ huma dejjem konsegwenza ta’ nuqqas ta’ bilanċ fil-ħajja.

    Dr Xia insista kemm hu importanti li tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-pazjent u t-tabib għax huwa permezz t’hekk li dawn it-trattamenti jsiru aktar effettivi. Infatti kont tassew impressjonata meta huwa infurmani li qabel jintbagħtu sabiex jaħdmu hawn Malta, dawn it-tobba Ċiniżi jkollhom jattendu għal tmien xhur kors sabiex jitħarrġu fil-lingwa Ingliża u anki biex jitgħallmu dwar il-kultura Maltija, partikolarment dwar ir-reliġjon tagħna, ħalli b’hekk huma jkunu jistgħu jifhmu u jikkomunikaw aħjar mal-pazjenti Maltin!

    Kompetizzjoni tal-kitba ‘Chinese Doctors through My Eyes’

    Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni mill-20 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Malta nieda kompetizzjoni tal-kitba għall-klijenti tiegħu fejn dawn qed jiġu mħajjra li jiktbu l-esperjenzi tagħhom ġewwa dan il-post. F’artiklu ta’ mhux aktar minn 1500 kelma, min jixtieq jipparteċipa huwa mitlub jikteb dwar l-esperjenzi tiegħu mat-tobba Ċiniżi u xi rakkonti interessanti dwar it-trattamenti li rċevew. Barra minn hekk jistgħu jiġu ppreżentati wkoll xi ritratti li setgħu ttieħdu fiċ-ċentru waqt xi okkażżjonijiet speċjali.

    Huwa importanti li dan il-materjal għandu jintbagħat liċ-ċentru permezz tal-email mrctcm@gmail.com mhux bħala attachment imma bħala parti mill-messaġġ innifsu. Għandhom jitniżżlu wkoll l-isem, is-sess, ix-xogħol, l-indirizz tad-dar u n-numru tat-telefon fil-bidu tal-email mibgħuta.

    Il-kitbiet rebbieħa huma mistennija li jkunu miktuba b’mod ċar u bi stejjer interessanti, li idealment ikollhom perspettiva unika u sens qawwi ta’ emozzjoni. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni se jingħataw il-premijiet tagħhom waqt avveniment li ser jiġi organizzat biex ifakkar dan l-20 anniversarju f’April li ġej. Intant, għalkemm l-għeluq ta’ din il-kompetizzjoni kellu jkun sal-31 ta’ Marzu 2014, għall-qarrejja ta’ dan l-artiklu din id-data qiegħda tiġi mġedda sas-7 t’April 2014.

    Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fil-Facebook fuq Mediterranean Regional Centre for Traditional Chinese Medicine jew iċempel fuq 21691799.

    Lezzjonijiet tat-Taijiquan

    Bil-ħsieb li dawn l-artikli jservu tassew ta’ pont bejn il-kultura Maltija u dik Ċiniża, se nkun qed ninfurmakhom ukoll dwar xi opportunitajiet biex intom stess idduqu ftit minn dak li nkun kellimtkhom dwaru.

    Infatti did-darba se nistedinkhom biex tattendu għall-lezzjonijiet tat-Taijiquan li qed jiġu organizzati miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta flimkien mal-Valletta Taiji Club. Professjonista f’dan il-qasam ta’ arti marzjali se jkun qed jintroduċi lill-istudenti mhux biss ma’ dan l-istil ta’ difiża imma anki mal-filosofija li hemm warajh u anki mat-teoriji relatati mas-saħħa permezz tat-Taiji. Ta’ min jiċċara li għalkemm din hi forma ta’ arti marzjali, il-movimenti li jintużaw fiha huma ġentili, rilassati u mexxejja, maħsuba biex joħolqu l-bilanċ fil-prattikant sabiex dan jgħix ħajja aktar b’saħħitha.

    Dan il-kors ser isir bejn it-8 t’April 2014 u l-25 t’April 2014. Il-lezzjonijiet isiru kull nhar ta’ Tlieta u l-Ġimgħa mis-6.30pm sat-8.00pm.

    Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina http://malta.cccweb.org/mt/ inkella fil-Facebook fuq China Cultural Centre in Malta jew iċempel fuq 21225055.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (2 Parti) fit-Torċa tat-30 ta’ Marzu 2014)

    2014.06.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles

  • PONT MAĊ-ĊINA – L-EWWEL PARTI – Is-sena taż-żiemel

    Il-hruq tal-'fire crackers' It-tfal jircievu l-'lucky money' - 1

    Il-hsieb principali tac-celebrazzjonijiet ta' l-ewwel tas-sena huwa li jqarreb lill-familji flimkienL-ikla tal-ewwel tas-sena tigbor il-familji flimkien

    Hekk kif xi ħadd isemmi ċ-Ċina, f’moħħna l-Maltin mill-ewwel jitfasslu dehriet ta’ firxa immensa ta’ art, b’popolazzjoni enormi, b’kultura u bi tradizzjonijiet differenti, b’kitba distinta u b’lingwa li ma nifhmux. Din id-diversità flimkien mad-distanza ġeografika li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi spiss iwasslu biex ftit li xejn Maltin iżuru liċ-Ċina, u peress li rari jkollna l-opportunità li niltaqgħu ma’ individwi Ċiniżi f’Malta, iċ-Ċina u niesha għandhom ħabta jieħdu sura leġġendarja u misterjuża. Konsegwenza t’hekk hemm min iħossu affaxxinat u kurjuż biex jiskopri aktar dwar dawn l-aspetti, mentri oħrajn jagħżlu li ma jintrigawx ruħhom b’dak li hu insolitu, u jieqfu hemm. Għaldaqstant din id-darba deherli li għandi nittanta nimla xi ftit minn dan il-vojt billi permezz ta’ sensiela ta’ artikli, nesplora u niskopri xi fatti u rakkonti interessanti dwar iċ-Ċina u niesha, bit-tama li eventwalment inkun qarribt xi ftit aktar liż-żewġ kulturi lejn xulxin.

    Is-sena l-ġdida u l-kalendarju lunari

    Bħala introduzzjoni, ħassejt li għandi niddedika l-ewwel artiklu liċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida Ċiniża, liema ġurnata ma tiġix iċċelebrata fl-ewwel ta’ Jannar. Peress li l-kalendarju tradizzjonali Ċiniż huwa ibbażat fuq il-fażijiet tal-qamar, l-ewwel tas-sena fiċ-Ċina ma tiġix dejjem fl-istess ġurnata minħabba li din tiddependi minn meta jidher il-qamar kwinta li ġeneralment jaħbat lejn l-aħħar ta’ Jannar u l-bidu ta’ Frar. Infatti l-bidu tas-sena 2014 ġie iċċelebrat fil-31 ta’ Jannar miċ-Ċiniżi.

    Skont it-tradizzjoni, dan il-kalendarju lunari nħoloq fi żmien antikissimu minn grupp ta’ antenati bdiewa li kienu jqassmu x-xogħol agrikolu tagħhom b’konformità mal-fażijiet tal-qamar. Il-qamar kwinta tas-sena l-ġdida kien jiftaħ staġun ieħor għaż-żriegħ u sabiex jiġbdu fuqhom il-fortuna, is-soċjetajiet primittivi ħolqu ċerimonja li kienet tkopri diversi ġranet sabiex matulhom jitwettqu diversi sagrifiċċji lill-allat. Jingħad li biż-żmien din iċ-ċelebrazzjoni nbidlet f’festa li llum hija magħrufa bħala l-Festival tar-Rebbiegħa (Spring Festival).

    Spring Festival

    Nibda biex insemmi li bosta Ċiniżi jirrikonoxxu lil dan il-festival ukoll bl-isem ta’ “Guo Nian”. Dan it-terminu hu marbut ma’ leġġenda antika li tirrakkonta illi fil-ġranet tal-aħħar tas-sena, kull darba kien qed jitla’ mostru mill-baħar bl-isem ta’ Nian li kien iħalli ħerba sħiħa warajh u għadd ta’ nies maqtula. Jidher li ħadd ma seta’ jsib irkaptu ta’ dan il-bhima sakemm darba minnhom raġel xiħ żvela lin-nies tal-inħawi li dan il-mostru kien jibża’ mill-istorbu u min-nar. Għalhekk, dik is-sena n-nies qabdu ħuġġieġa kbira bil-qasab u hekk kif Nian tela’ l-art u sema’ t-tfaqqiegħ tal-qasab u ra d-dawl tan-nar, huwa lebbet rasu lura lejn il-fond tal-baħar u qatt ma rritorna aktar. B’hekk in-nies setgħet tiċċelebra l-Guo Nian, li fi kliem ieħor tfisser il-libertà li n-nies tieħu gost fl-ewwel ġurnata tas-sena mingħajr il-biża’ ta’ Nian. Bħala tifkira ta’ din il-ġrajja, waħda mid-drawwiet f’dan iż-żmien hija li jinħaraq gozz ġigġifogu sabiex b’hekk tinħoloq l-istess atmosfera li jitkexkex minnha Nian.

    Dan il-festival huwa marbut ħafna ma’ qalb iċ-Ċiniżi minħabba li wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu huwa wkoll li jgħaqqad il-familji flimkien sabiex dawn jibdew is-sena fil-kumpanija sabiħa ta’ xulxin. Fil-fatt, fil-ġranet ta’ qabel, miljuni ta’ Ċiniżi li jkunu f’inħawi oħra fiċ-Ċina jew saħansitra f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, jitilqu kollox warajhom sabiex imorru lejn id-djar tal-ġenituri tagħhom ħalli jiċċelebraw magħhom dawn il-jiem sbieħ. Huwa neċessarju li kulħadd jilħaq jasal qabel lejliet l-ewwel tas-sena għaliex hekk kif tinżel ix-xemx, mill-ewwel jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet.

    Huwa interessanti li wieħed ikun jaf illi l-iSpring Festival huwa l-aktar ċelebrazzjoni importanti u l-itwal wieħed fost iċ-ċerimonji kollha fiċ-Ċina, hekk kif dan idum għaddej għal 15 il-ġurnata sħaħ! Infatti, minħabba li dan il-festival jinvolvi għadd ta’ funzjonijiet u attivitajiet f’kull ġurnata, il-preparamenti għalih jibdew minn xi xahar qabel.

    L-ewwel biċċa xogħol tikkonsisti fit-tindif elaborat tad-dar sabiex kull sfortuna li jista’ jkun hemm ġo fiha titneħħa, ħalli tagħmel post għax-xorti t-tajba li tkun riesqa mal-bidu tas-sena. Imbagħad imiss ukoll li jinqatgħu numru ta’ strixxi ta’ karti ħomor sabiex fuqhom jiġu ddiżinjati xi poeżiji qosra. Dawn l-istrixxi, magħrufa bħala ‘couplets’, jitwaħħlu mal-bieb ta’ barra u għandhom il-funzjoni li jkeċċu l-ispirti ħżiena u li jistiednu x-xorti t-tajba lejn id-dar. Min-naħa l-oħra, fuq it-twieqi jitwaħħlu wkoll diżinji ta’ xi allat antiki jew ukoll xi simboli tagħhom, dejjem bl-istess għan ta’ protezzjoni għar-residenti ta’ dik id-dar kontra l-influwenzi ħżiena.

    Ċertament, waħda mill-attivitajiet li tinvolvi ħafna xogħol hija l-ikla ta’ lejliet l-ewwel tas-sena, l-aktar għax din hija mistennija li tkun abbundanti ħafna. Peress li ċ-Ċina hija kbira u allura anki t-temperaturi jvarjaw, it-tip ta’ tisjir għal din l-ikla jinbidel minn post għall-ieħor. Ngħidu aħna fit-tramuntana tal-pajjiż, fejn ġeneralment ikun hemm is-silġ u kesħa kbira, platt minnhom jeħtieġ li jinkludi d-‘dumplings’ f’forma ta’ boroż li jagħtuk l-impressjoni li huma mimlija bl-ingotti tad-deheb, sabiex dawn jiġbdu l-ġid u l-prosperità fuq in-nies miġbura hemm. Min-naħa l-oħra, fl-inħawi tan-nofsinhar taċ-Ċina, fejn it-temp ikun aktar sħun, l-ikla tkun mistennija li tinkludi xi platt ħut għax dan jissimbolizza l-possibilità li taqla’ ġid ħafna aktar minn dak li qatt tista’ tistenna. Intant, din l-attività ddum għaddejjha l-lejl sħiħ għaliex in-nies jibqgħu mqajjma sakemm jasal il-ħin biex isellmu lis-sena l-antika u jilqgħu lil dik ġdida. Dakinhar fuq it-TV għadd ta’ programmi ta’ divertiment iżommu kumpannija lin-nies u jgħinu biex tinħoloq atmosfera ferriħija matul dawn is-siegħat ta’ stennija.

    L-ewwel tas-sena

    F’dan il-jum kulħadd ikun mistenni li jmur iżur lill-qraba l-aktar anzjani, imbagħad lill-membri l-oħra tal-familja u lill-ħbieb. L-anzjani u l-antenati huma rispettati ħafna fil-kultura Ċiniża u infatti ċerti ċelebrazzjonijiet f’dawn il-ġranet ikunu maħsuba wkoll biex ifakkru anki lill-membri mejta tal-familja. Min-naħa l-oħra, it-tfal ikunu qed jistennew bi ħġarhom il-famużi pakketti bil-flus tax-xorti li jingħataw lilhom f’din il-ġurnata mingħand il-qraba anzjani tagħhom. Dawn il-flus jitpoġġew ġewwa envelop aħmar peress li dan il-kulur huwa marbut max-xorti t-tajba. Infatti, din id-drawwa li tmur lura għal aktar minn 2000 sena, hija aktar imfittxija għar-risq milli għall-flus innifishom.

    Il-Festival tal-Lanterni

    F’din iċ-ċerimonja, in-nies idendlu għadd kbir ta’ lanterni mad-djar u fit-triqat biex joħolqu atmosfera maġika u meraviljuża. Din hija l-aħħar ġurnata taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida u probabbilment għalhekk ix-xalar u l-briju jkun kbir ħafna. Għadd ta’ żeffiena jilbsu kostumi kkuluriti u jagħtu spettaklu mill-aqwa li ġeneralment jinkludi wkoll iż-żfin tradizzjonali bix-xbiehat tad-draguni u bl-iljuni. Tant ikun hemm nies, karrijiet, tiżjin u kuluri fit-triqat, li t-turisti li jinzertawhom sikwit jirreferu għal din il-ġurnata bħala l-Karnival taċ-Ċiniżi. Naturalment, anki f’dawn il-festeġġjamenti ssib id-diversità fl-inħawi differenti taċ-Ċina. Infatti fil-provinċja ta’ Heilongjiang, f’Qiqihar li tinsab fit-tramuntana tal-pajjiż, in-nies jiċċelebraw il-Festival tal-Lanterni billi jintefgħu jinqalbu fuq is-silġ għax skont tradizzjoni antika dan ibiegħed il-mard u l-isfortuna u jġib is-saħħa, is-suċċess u l-paċi fis-sena l-ġdida. Min-naħa l-oħra, fil-provinċja ta’ Shanxi, ġewwa Huairen li tinsab f’parti aktar ċentrali taċ-Ċina, in-nies jagħmlu torri kbir, jagħtuh in-nar u hekk kif il-ħuġġieġa titla’ ‘l fuq lejn is-smewwiet, il-folla ddur tliet darbiet magħha fuq naħa u mbagħad tliet darbiet oħra bil-kontra sabiex iġibu fuqhom is-saħħa u x-xorti tajba. Fatt kurjuż huwa li din is-sena, il-Festival tal-Lanterni nzerta fl-14 ta’ Frar, meta aħna konna qed niċċelebraw il-festa ta’ jum San Valentinu.

    Tibdiliet matul is-snin ta’ dawn it-tradizzjonijiet

    Dawn it-tradizzjonijiet inbidlu ħafna matul is-snin. Infatti, uħud mill-użanzi spiċċaw għal kollox, mentri oħrajn ġodda ġew introdotti. Fosthom, nistgħu nsemmu illi llum bosta Ċiniżi jużaw il-kalendarju bis-sistema tal-Punent, għadilli l-bdiewa għadhom jimxu fuq il-kalendarju lunari. Drawwa oħra li ttieħdet mill-Punent hija illi n-nies li jgħixu fl-ibliet qed imorru jiċċelebraw l-ikla tal-ewwel tas-sena f’xi ristorant minflok jibqgħu d-dar. Finalment, għalkemm kull min jista’ jipprova jirritorna lejn art twelidu u lejn familtu f’dawn iż-żminijiet, dawk li jinqabdu bix-xogħol jew b’xi rbit ieħor, ikollhom jikkuntentaw b’xi telefonata minn fuq il-mobile jew permezz ta’ xi mezz ta’ teknoloġija oħra li tippermetti li għallinqas il-familjari jaraw lil xulxin fuq skrin. Ormaj hawn bosta Ċiniżi li jgħixu f’pajjiżi differenti madwar id-dinja u akkost li jkunu l-bogħod minn pajjiżhom, dawn jagħmlu minn kollox biex jiċċelebraw uħud mit-tradizzjonijiet tagħhom sabiex jaqsmu l-ġmiel tal-kultura tagħhom ma’ kulturi oħra differenti.

    Is-snin marbuta mal-annimali taż-żodjaku

    Hemm 12 il-annimal marbut maż-żodjaku Ċiniż u mal-kalendarju tradizzjonali lunari. Dawn huma fl-ordni tagħhom: il-far, il-barri, it-tigra, il-fenek, id-dragun, is-serp, iż-żiemel, il-mogħża, ix-xadina, is-serduk, il-kelb u l-majjal. Hemm bosta leġġendi li jispjegaw kif intagħżlu dawn l-annimali u kif dawn tpoġġew hekk wara xulxin, fosthom waħda li tgħid li darba minnhom l-imperatur sejjaħ lil xi annimali u dawn wara bosta avventuri, waslu għandu f’din l-ordni.

    Kull Spring Festival jimmarka l-bidla ta’ sena minn oħra u hekk kif tinqaleb is-sena l-ġdida, jibda l-perjodu tal-annimal li jmiss, sakemm jgħaddu t-12 il-sena u l-lista terġa’ tibda mill-ġdid. Skont din l-użanza, il-karetteristiċi ta’ kull persuna li titwieled ikunu marbuta mal-annimal partikolari li għalih tkun iddedikata dik is-sena.

    Is-sena 2014 – is-sena taż-żiemel

    Fil-kalendarju tradizzjonali Ċiniż, is-sena 2014 hija s-sena taż-żiemel. L-aspett prinċipali marbut ma’ dan l-annimal huwa l-ħeġġa bla waqfien biex wieħed jagħmel progress f’ħajtu. Aspetti pożittivi mistennija mill-individwi li jitwieldu fis-snin li jinzertaw iddedikati liż-żiemel huma li jkunu enerġetiċi, intelliġenti, u ta’ qalb tajba. Dawn in-nies ikollhom kapaċità kbira li jikkomunikaw, huma popolari fost il-ħbieb u jħobbu jkunu mdawwra b’ħafna nies. Jagħmlu minn kollox biex jiġbdu l-attenzjoni fuqhom u kultant għandhom tendenza li jpaċpċu żżejjed. Fuq ix-xogħol huma nies attivi ħafna u mhux la kemm jaċċettaw li ma jirnexxux f’xi ħaġa. L-aspetti negattivi huma li ma tantx jifilħu r-rabta u l-interess tagħhom għandu ħabta jkun superfiċjali u mingħajr sustanza. Ġeneralment huma bla paċenzja, jitla’ d-demm għal rashom malajr u ma jafux jieħdu telfa. Għandhom reżistenza qawwija imma jbatu minn temperament ikraħ. Huma nies indipendenti u rari jieħdu parir. Peress li jħobbu jidhru, bosta drabi m’għandhomx idea ta’ rażan u għalhekk ibatu biex ikunu effiċjenti fil-finanzi tagħhom. Uħud minn dawk imwielda fis-sena taż-żiemel jippreferu l-kumpanija ta’ nies ta’ suċċess u jaspiraw dejjem għall-karriera li tagħtihom importanza. Xi minn daqqiet jhedew jintrigaw ruħhom b’wisq affarijiet, tant li dan iwassal biex frekwentement ma jlestux il-proġetti li jkunu daħlu għalihom.

    Ċelebrazzjonijiet tas-sena taż-żiemel f’Malta

    Is-sena taż-żiemel ġiet iċċelebrata anki f’pajjiżna mill-gruppi etniċi Ċiniżi. Infatti fix-xahar ta’ Jannar, fi Pjazza San Ġorġ, fil-belt Valletta, wieħed seta’ jara spettaklu mill-isbaħ ta’ kuluri, mużika u żfin fejn numru ta’ artisti b’kostumi mill-isbaħ, qasmu d-drawwiet kulturali tagħhom mal-poplu Malti u taw gost lil kull min inzerta fl-inħawi.

    Barra minn hekk, iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta organizza numru ta’ attivitajiet li kienu marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-iSpring Festival fejn fosthom twaqqfet esebizzjoni b’informazzjoni interessanti dwar dawn l-użanzi Ċiniżi marbuta ma’ dan iż-żmien. Fl-istess ħin, fit-triqat tal-belt quddiem iċ-Ċentru wieħed seta’ jduq xi ikel Ċiniż jew jakkwista prodotti ta’ mużika u ta’ arti tradizzjonali Ċiniża. Intant, bħala parti mill-attivitajiet tal-Festival tal-Lanterni ġew armati wkoll għadd ta’ lanterni fit-triq sabiex tinħoloq l-atmosfera ħelwa li wieħed soltu jsib fiċ-Ċina f’dawk il-ġranet.

     

    (Dan l-artiklu ġie ppubblikat fis-sensiela PONT MAĊ-ĊINA (1 Parti) fit-Torċa tat-23 ta’ Marzu 2014)

    2014.06.22 / no responses / Category: Torca - Features & Articles