Posts Tagged ‘Torċa’

  • RUĦ ĠDIDA LIL SENGĦA ANTIKA

    L-Istorja minn dejjem kienet taffaxxinani imma minn meta bdejt nagħmel intervista wara l-oħra biex nibni dawn l-artikli, irnexxieli nagħraf ukoll kemm humaPio Borg interessanti n-nies ta’ llum. B’mod speċjali l-anzjani tagħna, sirt nistħajjilhom enċiklopediji ħajjin, mogħnija bl-isbaħ informazzjoni, dettalji, rakkonti, memorji, esperjenzi, kapaċitajiet… M’hemmx tmiem għal din il-lista għax kull darba li niltaqa’ ma’ individwu ġdid, niskopri xi ħaġ’oħra u nirrealizza x’qed nitilfu meta m’aħniex nieħdu rekordju nazzjonali ta’ dan it-tagħrif kollu. Sa mn’Alla li jeżistu ċerti għaqdiet li jlaqqgħu ż-żgħażagħ ma’ dawn l-anzjani, ħalli b’hekk almenu dan il-wirt kulturali tagħna b’xi mod jew ieħor jiġi mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Proprju dil-ġimgħa sibt ruħi mistiedna għand Pio Borg, membru tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes, li l-għan prinċipali tagħha huwa li jagħti ruħ ġdida lil sengħa antika permezz tal-entużjażmu taż-żgħażagħ ta’ llum.

    Pio Borg illum jgħodd is-67 sena. Huwa kollezzjonist ferventi ta’ bosta affarijiet reliġjużi. Jiftakar sewwa l-bidu ta’ din l-Għaqda, li dis-sena qed tiċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

    “L-Għaqda tnisslet fl-1986 meta ngħaqdu flimkien Raphael Micallef, Tony Terribile, Pawlu Piscopo u wara daħlu wkoll George Gusman u Guido Lanfranco. Jien kontLogo Għaqda Mudelli Knejjes - 25 sena wieħed minn tal-bidu li sirt membru magħha għax mill-ewwel emmint fl-iskop tajjeb li kellha. Fil-gwerra konna tlifna ħafna oġġetti prezzjużi, speċjalment fl-inħawi tal-Kottonera li ġarrbu ħafna ħsara. Għalhekk konna fuq ix-xwiek biex insiru nafu dwar il-ftit li kien għad fadal, filwaqt li ttamajna li nkunu nistgħu nerġgħu nagħtu r-ruħ lil dax-xogħol tal-mudelli tal-knejjes. Bi pjaċir ngħid li l-Għaqda mhux talli rnexxielha tqajjem mill-ġdid l-interess f’das-snajja’, talli poġġiethom fuq pedestall. Illum qegħdin madwar 400 membru u tliet kwarti minnhom huma żgħażagħ, kollha kemm huma bil-pika dwar min ser jaħdem l-aqwa biċċa xogħol. Xhieda ta’ dan huma l-bosta wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira li jittellgħu madwar l-irħula u l-bliet tagħna.”

    Pio kompla jispjegali kif f’din l-Għaqda ssib kull xorta ta’ nies imsieħba. Fehemni wkoll dwar l-opportunitajiet li din kapaċi toffri.

    “Il-membri tagħna jiġu minn diversi oqsma tant li għandna anki nies li jaħdmu fis-sezzjoni tar-restawr tal-gvern, għalliema u avukati.Il-Veronika B’hekk jinħoloq iċ-ċans illi l-membri bejniethom jistgħu jaqsmu bosta ideat dwar kif jaħdmu xi oġġett jew ieħor. Intant kull xahrejn issir laqgħa fejn espert f’xi qasam relatat jew xi ħadd mill-membri stess jagħtu tagħrif siewi dwar is-sengħa tagħhom: fl-injam, fl-irħamar, fl-istatwar, fil-fidda eċċ eċċ. Infatti l-aħħar wieħed li ġie jżurna kien Renzo Gauci u flimkien miegħu rajna kif jinħadmu l-istatwi, kif jiġu ffurmati u kif tibda l-proċedura. Naturalment, f’sagħtejn laqgħa, mhux ser issir taf kollox imma jkollok biżżejjed għarfien biex jixprunak tkompli tfittex u titgħallem. Ovvjament l-Għaqda isservi wkoll ta’ vetrina fejn f’numru ta’ okkażżjonijiet il-membri jistgħu jesebixxu s-sengħa tagħhom jew xi oġġetti li jkunu akkwistaw.

    Barra minn hekk, l-Għaqda taqdi funzjonijiet oħra fosthom it-tixrid tat-tagħlim storiku u kulturali. Fil-fatt kull tant żmien immorru nżuru postijiet differenti bħall-katakombi ta’ San Pawl, il-mużew ta’ Ħaż-Żabbar u l-kappella ta’ Sant’Anġlu fejn ikollna wkoll gwida li tagħtina informazzjoni. B’hekk wieħed mhux qiegħed mal-Għaqda biss biex jarma xi gandlier jew biex jibni mudell imma anki biex jifforma ruħu f’dawn l-oqsma.

    Nistgħu ngħidu li din l-Għaqda tagħmel ġid kemm b’mod dirett bħal meta qed turik kif taħdem xi ħaġa, u anki b’mod indirett f’dak li hu ġid spiritwali, peress li żżommok f’kuntatt kontinwu mal-Knisja. Bi kburija nista’ nsemmilek li minn fost il-membri tagħna diġà ħarġu erbgħa saċerdoti.”

    Ma’ Pio ltqajt f’binja fejn hu jżomm il-kollezzjonijiet tiegħu u fejn iqatta’ siegħat sħaħ jaħdem fuq xi ħaġa jew oħra. Hekk kif konna telgħin it-taraġ wiesgħa u għoli tal-post, hu Il-mant, l-artal u l-vari ta' Pio Borgġibidli l-attenzjoni għal xi skultura mill-ifjen fil-ħitan li kienet tixhed li dik id-dar kienet tiftakar żmien il-kavallieri. Kont ilni biex nidħol f’dar hekk u tarġa wara tarġa ħassejtni tiela’ f’xi dinja oħra, kif fil-fatt kien għax hekk kif Pio fetaħ il-bieb, ħabta u sabta sibt ruħi mdawwra b’kull xorta ta’ kollezzjonijiet, tant li għall-ewwel ma kontx naf minn fejn ser naqbad nibda!

    “Tridx nibdew minn dan l-artal?” issuġġerili Pio filwaqt li stqarr li l-ġurnata ta’ qabel kien ilu ħames siegħat jaħdem fuqu biex ikun jista’ juriehuli armat.“Dan l-artal hu portabbli u bħalissa qed nirrestawra l-armarju tiegħu. Bejn wieħed u ieħor għandu madwar sebgħin sena u  oriġinarjament kien ta’ ħija, li kien espert dwar l-affarijiet tal-Knisja. L-artal huwa kkonsagrat u għalhekk sar numru ta’ quddies fuqu. Il-konsagrazzjoni tiegħu saret billi ntbagħtu xi relikwi tal-qaddisin minn Ruma li tpoġġew f’dil-ħofra ċkejkna mħaffra apposta fil-wiċċ tal-artal u dan ġie mbierek mill-Isqof.”

    Sirt naf li Pio prinċiparjament jaħdem fl-injam imma meta kien sagristan huwa interessa ruħu li jitgħallem ħafna snajja’ oħra u għalhekk jista’ jmidd idu għal xogħolijiet varji.

    “Il-Belt kien hemm ċertu Carmelo Bonello li kien magħruf ħafna għas-sengħa tiegħu biex jagħmel it-tabelli tal-ħwienet. Min jaf kemm qattgħajt siegħat bil-qiegħda fuq it-taraġ tal-kantina tiegħu ħalli nosservah jaħdem, waqt li kultant kont inqum nagħtih daqqa t’id jiżbogħ meta jitlobni ngħinu. B’hekk ftit ftit ħadt il-qagħda jiena wkoll tant li għamilt diversi xogħolijiet fosthom iż-żebgħa u d-dekorazzjonijiet tad-deheb tal-koppla kollha tal-Knisja tal-Erwieħ tal-Belt.”

    Għajnejja għatxana flew l-oġġetti mdendlin mal-ħitan fejn fosthom kien hemm kwadri kbar mimlija bil-forom tal-wegħdi li kienu jirregalaw in-nies meta jaqalgħu xi grazzja, Il-wegħdinumru ta’ prospettivi ddiżinjati għal wara l-artal u statwi kbar fin-niċeċ li dari kienu jiddendlu mal-ħitan tal-kmamar tas-sodda…

    “Ara dan mant li ser inżanżan dis-sena għall-wirja. Hu mant uniku għax fih iħaddan is-snajja kollha: skultura, rakkmu tad-deheb, xogħol ta’ l-injam, lussu ta’ drappijiet, glalen tad-deheb eċċ. Ħa npoġġi fih il-Madonna tar-Rużarju bil-bradella b’kollox li qiegħda fil-parroċċa ta’ San Duminku.”

    Bħas-soltu, kelli kurżità minn fejn bdiet din in-namra għall-kollezzjonijiet u Pio ħasadni mhux ftit meta bi tbissima għarraffni li hu kien twieled fi tmiem il-gwerra fil-kannierja ta’ San Duminku u għalhekk letteralment seta’ jgħid li l-affarijiet tal-knisja kienu qegħdin f’demmu!

    “Apparti minn hekk, missieri u zijuwi kienu sagristani fil-Knisja ta’ San Duminku u allura jiena u ħija konna deħlin u ħerġin hemm ġew. Niftakar ukoll li meta kont żgħir konna mmorru għand in-nanna li kienet toqgħod Santa Venera. Hemmhekk kien hemm id-drawwa li jarmaw monti li kellu sezzjoni ddedikata lit-tfal: għas-subien kien ikun hemm statwi tal-festa u għall-bniet kienu jbiegħu għamajjar żgħar tal-injam. Ma kienux xi affarijiet elaborati Il-vari fl-armarjitaf imma ta’ tfal li konna, konna niġġennu fuqhom. Ta’ kull sena, n-nanna kienet titlobni nfakkarha xi statwi kienet diġà tatni u mbagħad tmur u tagħżilli oħra. Kienu statwi jiswew ftit li xejn, magħmula mit-tafal u miżbugħa bil-kulur tat-tibjid għax dak iż-żmien ma kienx hemm żebgħa. Imma tiskanta kif, affarijiet bħal dawn jidħlu f’qalbek u jibqgħu fik matul ħajtek kollha.

    Niftakar ukoll li meta kien fetaħ l-istazzjon tat-TV f’Malta, Charles Arrigo kellu programm jismu ‘Il-Quċċija’ u fih dejjem kien jinkludi parti dwar l-artiġġjanar u s-snajja’ antiki. Darba minnhom kien stieden lili u lil missieri Toni biex nitkellmu dwar il-qasam tal-Ġimgħa l-Kbira fejn fosthom tajna r-riċetta tal-borma tfuħ li titpoġġa fis-sepulkru f’dawn iż-żminijiet.”

    Pio qalli li llum tista’ ssib tixtri din it-taħlita lesta fil-pakketti imma m’għandi l-ebda dubju li din ma tħabbatiex mal-oriġinal u għalhekk tlabtu jgħidli r-riċetta biex ngħaddiha lilkhom, forsi min jaf?

    “L-ewwel ħaġa jrid ikollok kwantità ta’ nbid iswed. Sadanittant minn jumejn qabel, jeħtieġ ixxarrab taħlita ta’ lumi, larinġ, mandolina, bastun tal-kannella, ftit nuċimuskata u tħalliha okkupata bl-għatu magħluq ħalli tiffermenta. Wara jumejn tħallatha mal-inbid u tagħtiha fawra qawwija fuq in-nar. Matul il-ġranet li n-nies jiġu biex jinvistaw is-sepulkru, trid tħalli din il-borma fuq spiritiera b’nar bati ta’ ftila jew tnejn u toqgħod attent li ma tħallix lit-taħlita tinxtorob, billi minn ħin għal ħin iżżid l-inbid li jkun evapora.”

    Proprju fin-nofs tal-kamra, fuq mejda mdaqqsa, Pio kellu numru ta’ vari ta’ San Duminku li kienu qed jistennew biex jinġarru għall-post tal-wirja.

    “Dawn l-istatwi li qed tara hawnhekk huma maħduma minn tafal imlibbes bil-kartapesta. Kien ħadimhomli Noel Cauchi, membru żgħażugħ tagħna li sfortunatament riċentement tlifna f’inċident fatali.

    Din hija vara minjatura, kopja mqaxxra tal-istatwa titulari ta’ San Duminku tal-Belt, filwaqt li din l-istatwa l-oħra qed turi miraklu li għamel dan il-qaddis, li kważi ħadd mill-qaddisin l-oħra qatt m’għamlu Vara ta' San Duminku - il-ħruq tal-kotba– dik li qajjem tifel mill-mewt. Din l-istatwa l-oħra turi l-fidi kbira li kellu San Duminku meta biex jiġġieled l-ereżija li kienet qed tiġi mgħallma, huwa sfida lill-Albeġiżi biex jitfgħu l-kotba tagħhom u dak tiegħu tal-evanġelju ta’ San Mattew fin-nar. Jekk il-kotba jinħarqu kien sinjal li r-reliġjon tagħhom kienet falza. Hekk sar u għalkemm il-kotba l-oħra nqerdu, dak tal-evanġelju ma ntmissx mill-fjammi.”

    Kemm stejjer li qatt ma smajthom! Iżda kien għad fadal iktar minn hekk. Bi kburija Pio għarraffni li dawn l-istatwi kienu ser jiġu esebiti fil-wirja ta’ dis-sena għall-ewwel darba.

    “Għandi 14 il-biċċa li juru episodji mill-ħajja ta’ San Duminku, fosthom l-aktar vara riċenti li turi lil San Duminku ma’ San Franġisk. Dawn iż-żewġ qaddisin teżisti rabta kbira bejniethom tant li fir-reliġjon kattolika huma magħrufa bħala t-tewmin. Dan minħabba li bejn wieħed u ieħor, it-tnejn waqqfu l-ordni tagħhom fl-istess żmien. Jingħad ukoll li darba ltaqgħu u biex juru l-ferħ tagħhom, għannqu lil xulxin u hekk qed turihom din il-vara.”

    Ersaqna aktar il-ġewwa u fis-silenzju maestuż tiegħu, magħluq f’niċċa kbira, nilmaħ statwa mdaqqsa ta’ San Duminku li mal-ewwel laqtitni ħafna.

    “Dak sab ruħu għandi wara li missieri xtrah mingħand ħuħ qabel mar l-Awstralja. Huwa xogħol uniku u formidabbli li jgħodd madwar 90 sena. Kien inġab minn Bolzano flimkien ma’ statwa oħra pariġġu Il-vara l-kbira ta' San Duminku li għandha madwar 90 senata’ San Pawl. L-istatwa hija maħduma kollha fl-injam, apparti minn xi aċċessorji tagħha li huma tal-fidda u bil-pedestall b’kollox hija għolja metru. Għal dis-sena, wara tant żmien,  din l-istatwa aktarx ser titlaqqa’ ma’ ta’ pariġġa.”

    F’diversi kaxxi u magħluqin sewwa wara numru ta’ armarji, Pio kellu wkoll għadd ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira, bosta minnhom kopji tal-vari tal-Belt. Xtaqt nifhem x’iwassal biex wieħed jibqa’ jixtri kopja wara l-oħra tal-istess oġġett. U tipikament tiegħu, Pio weġibni permezz ta’ rakkont ieħor…

    “Dan is-sett li qed tara hawnhekk għandu ‘l fuq minn 90 sena. Li kieku rajt kif kien meta akkwistajtu, kont tgħidli miġnun għax ċertu statwi kienu saru qishom karta peress li kienu merfugħin f’post umdu. B’paċenzja kbira nixxifthom waħda waħda fuq il-bejt u rtukkajthom mill-inqas possibbli biex ma nneħħilhomx l-antikità. Trid tkun taf għaliex xtrajtu sett bħal dan? Għax ma stajtx inħalli l-istorja u l-artiġġjanat tiegħu jintilfu!

    Għandek tkun taf li dawn huma l-istess statwi li tant snin ilu kienu jiġu armati madwar il-gabbana li llum għadha tinsab fl-istess post, fiL-ort tal-Ġetsemani Triq Merkanti biswit il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Il-gabbana kienet ta’ ċertu Carmelo Fenech li kien ibiegħ ir-ruġġata minnha. Imma fiż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, peress li kienet ottagonali, ġo kull arkata ġietu f’rasu li jarma statwa ħalli jesebihom lill-pubbliku. Kien jibda jarma fl-Erbgħa tat-tniebri u mbagħad iħallihom hemm il-Ħamis u l-Ġimgħa filwaqt li s-Sibt iżarma kollox biex għall-Ħadd jerġa’ jiftaħ bir-ruġġata. Tant kien akkanit u dilettant ta’ dawn l-affarijiet li f’dawk it-tliet ijiem kulħadd kien jaf li Carmelo kien jorqod fil-gabbana stess li ma jmorrux jisirqulu l-istatwi!”

    Għiduli intom kif tista’ ma tapprezzax lil dawn l-individwi meta joħorġulek b’rakkonti hekk imprezzabbli li wħud minnhom huma letteralment marbuta ma’ siti jew binjiet storiċi? Huwa impossibbli li ninkludi dak kollu li wrieni jew qalli Pio għax m’għadnix spazju biżżejjed. Uħud mill-kollezzjonijiet tiegħu jafu skulturi rinomatissimi bħal Alfred Camilleri Cauchi filwaqt li oħrajn iħaddnu ġrajjiet kurjużi. Infatti mhux darba u tnejn li Pio u sħabu offrew l-informazzjoni tagħhom għar-riċerka ta’ diversi studenti.

    Hekk kif kont qed nagħlaq l-intervista ntfajt niġbed xi ritratti. Tiskanta kemm minn wara lenti ta’ kamera kultant ċertu affarijiet jieħdu perspettiva differenti. Fosthom L-istatwi li ħadem Tonio Cuschierilaqtitni statwa ta’ mara mbikkma li kienet tagħmel parti mill-purċissjoni tad-difna ta’ Kristu. Iżda għal mument, meta lmaħt ir-ritratt u rajt il-bixra tal-istatwi l-oħra, bħal stħajjilthom imbikkma għax sabu ruħhom magħluqa fuq xkaffa wara l-ħġieġ…

    “Dak sett ta’ 22 statwa maħduma minn Tonio Cuschieri minn Tas-Sliema, illum mejjet,” qalli Pio hekk kif sabni qed niflihom. “Ilhom għandi madwar 36 sena. Maħduma mill-kartapesta u flimkien jiffurmaw vari sbieħ tal-Ġimgħa l-Kbira. Xi snin ilu kont narmahom fil-Knisja ta’ San Duminku ġewwa mudell kbir ta’ knisja li kont ħdimt jien stess – kien mudell twil 25 pied, wiesa’ 22 pied u għoli tliet sulari u kellu s-saqaf impitter. Kont tidħol u toħroġ minn dal-mudell daqs kemm kien kbir. Imma llum dawn l-istatwi, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ kollezzjonijiet tiegħi, jinsabu magħluqa fil-kaxxi għatxana biex jiġu esposti. Kif qed tara, jiena nieħu ħsiebhom ħafna imma n-natura ta’ dawn l-affarijiet hija li jiġu esebiti u mhux li jingħalqu hawn ġew.

    Illum jien pensjonant u m’għandi xejn iktar ħlief lill-familja tiegħi u lil dawn il-kollezzjonijiet li jiffurmaw parti sostanzjali minn ħajti. Kieku minn żmien għal Statwa - Pio Borgżmien jiġu bosta nies jifirħuli u jieħdu r-ritratti tagħhom. Kulħadd jgħidlek li hu passatemp ta’ min jinkoraġġih. Uħud jeħdulek b’idejk u jtaptpulek fuq dahrek u jirringrazzjawk talli qed tippromwovi affarijiet bħal dawn imma mbagħad tgħaddi l-elezzjoni u bħal dejjem, l-affarijiet tiegħi jibqgħu fil-kaxxi. Imqar xi ħadd mill-awtoritajiet jagħtini biċċa maħżen hawn fil-Belt ħalli nkun nista’ narmah b’dawn il-kollezzjonijiet għat-turisti tagħna. Kelli tama kbira li forsi l-Knisja tal-Maddalena li kienet qed taħżen l-affarijiet tal-Karnival setgħet tkun ideali għalhekk. Imma!”

    Ċertament kollezzjonijiet bħal dawn jiffurmaw parti mill-wirt etnografiku tagħna u nemmen bis-sħiħ li b’wirja mtellgħa professjonalment, inkunu qed inżidu mal-valur kulturali ta’ pajjiżna kemm għalina l-Maltin u anki għat-turisti li jiġu jżuruna.

    Il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu 2011 kelli l-opportunità li nattendi għall-ftuħ uffiċjali tal-wirja tal-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes li tinsab f’Sala San Franġisk, Triq Melita, l-Belt u nista’ niggarantixxi li hemm bosta xogħolijiet interessanti ta’ diversi individwi għall-wiri. Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sas-26 ta’ Marzu 2011, mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9:30am san-12:30pm u mill-4:30pm sas-7:30pm.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.13 / 1 response / Category: Torca - Perspettivi

  • GĦAJNEJN TA’ SEQER

    Din il-ġimgħa ġiet f’idejja kopja ta’ kuntratt antik tas-seklu sittax b’dik il-kitba tipika, mirquma u kollha nokkli sbieħ. Minn moħħi għadda l-ħsieb jekk dak in-nutar qattxIrrid ngħix basar li aktar minn ħames mitt sena wara, xi ħadd kien ser ikun qed jaqra l-kitba tiegħu! B’kuntrast għal dan, ħarsti waqgħet fuq il-ktieb Irrid Ngħix ta’ Annabelle Vassallo, fejn din id-darba l-awtriċi kienet taf sewwa x’inhi tagħmel meta ddeċidiet li tiktbu. Lil Annabelle segwejtha ħafna fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha u akkost li ma kontx nafha u li qatt ma ltqajt magħha, ammirajtha u ħabbejtha u b’qalbi kollha tlabt ’l Alla biex jagħtiha ċans ieħor. Imma ma kellux ikun, ħsibt jien hekk kif qalbi nqasmet mal-aħbar tal-mewt tagħha. B’danakollu minflok Annabelle ntesiet, isimha xtered fuq fomm kulħadd u l-paġna tal-Facebook tagħha, minflok intfiet, xegħlet iżjed bi kwantità kbira ta’ messaġġi. Kienet għalhekk sorpriża oħra meta f’dal-ġranet skoprejt li dal-ktieb kellu sehem kbir fih ħabib antik tiegħi…

    Karl Coleiro, counsellor u qarrej tal-provi, intgħażel bħala l-editur ta’ dan il-ktieb.

    “Ġeneralment xogħli jikkonsisti fil-qari tal-provi. Madanakollu meta Annabelle avviċinat lill-Klabb Kotba Maltin u wriethom bix-xewqa li tikteb dan il-ktieb, id-direttur, is-Sur Joseph Mizzi, ħatarni bħala l-editur tiegħu u ħallieh kompletament f’idejja. Dan kien ifisser li kelli aktar libertà kif naħdem u flimkien ma’ Annabelle fassalna kif kellu jsir ix-xogħol. Proprju minħabba li Annabelle kienet marida, konna konxji li ż-żmien kien kontra tagħna u għaldaqstant il-ktieb kellu jitlesta fl-iqsar żmien possibbli. Annabelle ntefgħet għax-xogħol u f’temp ta’ sitt ġimgħat kienet lesta. Wara kien imiss il-parti tiegħi fejn ħdimt lejl u nhar biex apparti li nagħmel xi korrezzjonijiet tas-soltu, nara wkoll li l-messaġġ tagħha jasal lill-poplu bl-aktar mod ċar u sempliċi. Ċertament Irrid Ngħix kien ktieb rekord f’Malta fejn f’temp ta’ xahrejn biss, dan inkiteb, ġie kkoreġut, ġie impaġnat, ġie stampat, saret il-qoxra tiegħu, u ġie mniedi. Daqstant ieħor mar tajjeb fil-bejgħ tiegħu hekk kif fl-ewwel ħarġa nbiegħu l-kotba kollha, li kienu jammontaw għal sittax il-elf!”

    Bla dubju ta’ xejn il-konoxxenza t’Annabelle ħalliet l-effetti tagħha fuq Karl. Fosthom huwa fehem aktar l-importanza ta’ kitbiet bħal dawn, kemm bijografiċi u kif ukoll awtobijografiċi.

    “Kien hemm ħafna messaġġi minsuġa f’dak il-ktieb imma forsi l-aktar li spikka kien dak li wieħed għandu jgħix it-tbatija b’ċerta integrità. Bosta nies forsi jirreaġixxu bi dwejjaq, b’rabja jew bi qtigħ il-qalb meta jsibu ruħhom fit-tbatija jew maħkuma minn mard kroniku. Min-naħa tagħha, Annabelle, akkost li forsi fil-qiegħ ta’ qalbha kellha taċċetta r-realtà tagħha trid u ma tridx, riedet xorta waħda twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil ħafna nies. Fil-fatt nista’ ngħid li kienet mara ferħana minkejja t-tbatijiet  kollha li kienet għaddejja minnhom.

    Il-ġrajja wara dan il-ktieb urietni biċ-ċar kemm huma siewja kotba bħal dawn fejn wieħed iwassal messaġġi ta’ inkoraġġiment lill-qarrejja. Nixtieq li nara aktar bijografiji u awtobijografiji ta’ nies magħrufaIt-Tifel tan-Nanna Maltin u Għawdxin. Indubbjament fil-ħajja kulħadd ikollu t-tlajja’ u l-inżul tiegħu imma dawk l-individwi li jirnexxilhom iqumu fuq saqajhom u saħansitra jilħqu livelli għolja u jakkwistaw suċċess, permezz tal-istejjer tagħhom jafu jispiraw lil nies oħra biex anki huma jilħqu l-ogħla potenzjal li jifilħu.”

    Karl newwilli xi kotba awtobijografiċi u bijografiċi ta’ kittieba magħrufa bħal Fjuri li Ma Jinxfux ta’ Oliver Friggieri, Pawlu Boffa ta’ Desmond Zammit Marmarà u It-Tifel tan-Nanna ta’ Ġorġ Peresso. Sinċerament ma kontx nobsor li kittieba ta’ dan il-livell jużaw il-qarrej tal-provi…

    “Nistqarr miegħek illi iktar nistenna li xi ħadd li ma jafx ħafna skola u li ddeċieda li jikteb ktieb, li jippretendi li l-Malti tiegħu huwa tajjeb tant li m’għandux bżonn qarrej tal-provi milli kittieba bħal dawn.”

    Kif konna fid-diskors tqanqlitli l-kurżità dwar il-għala Karl għażel din il-linja ta’ xogħol…

    “Bdejt b’kumbinazzjoni. Fl-1991 jien iggradwajt fl-Għarbi u fil-Malti u bdejt naħdem bħala għalliem fl-iskola Maria Goretti f’Ħal Tarxien. Darba minnhom, il-ħabib tiegħi Michael Ghigo, staqsieni jekk kontx interessat li nikkoreġi xi kitba ta’ Charles Farrugia dwar il-każin tal-banda tal-Ġilju tal-Imqabba. Aċċettajt u sieħbi kien iġibli xi karti u kont nikkoreġihom. Għal xi raġuni ma rrealizzajtx li kont qed nikkoreġi ktieb u hekk kif finalment rajt il-ktieb lest f’idi, tant ħassejt sodisfazzjon li dak il-ħin stess iddeċidejt li dik kellha tkun il-linja tiegħi. Illum l-awtur tal-ktieb Tal-Ġilju: Il-Banda u s-Soċjetà fl-Imqabba huwa l-arkivista nazzjonali tagħna li jaħdem f’Santu Spirtu, ir-Rabat.

    Issa fl-istess skola inzerta li kien jaħdem ukoll l-awtur prolifiku Charles Casha li jien għandi ammirazzjoni kbira lejh, għax minbarra li kiteb numru kbir ta’ kotba, għen ħafna biex il-letteratura tat-tfal tikber u tiżviluppa. Ittantajt xortija miegħu, għedtlu li xtaqt nagħmel ix-xogħol bħala qarrej tal-provi u hu laqqagħni mad-direttur ġenerali tal-Klabb Kotba Maltin, is-Sur Pawlu Mizzi. Niftakar li kien fl-1996 meta s-Sur Mizzi tani l-ewwel biċċa xogħol biex naħdem fuqha u minn hemm bdejt bil-mod il-mod.”

    Imma x-xogħol tal-qari tal-provi proprjament fiex jikkonsisti?

    “Il-qari tal-provi jfisser il-korrezzjoni tat-testi fejn xi ħadd jikteb xi ħaġa u din tiġi korretta biex toħroġ bla żbalji. Xogħli jinkludi l-korrezzjoni ta’ ċerti żbalji bħal ngħidu aħna dawk tipografiċi fejn pereżempju xi ħadd ikun qaleb l-ittri bil-kontra meta kien qed jittajpja, żbalji grammatikali fejn jidħlu r-regoli tal-grammatika, jew żbalji ortografiċi li jinvolvi l-mod kif wieħed jispelli l-kliem.

    Inkun irrid nara wkoll illi l-kitba tkun konformi mad-Deċiżjonijiet Numru 1, li ħarġu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, fejn hemm stabbilit kif iridu jinkitbu numru ta’ kliem. Infatti għal dawn l-aħħar Alte Vestigatliet snin il-poplu kien qed jingħata ċ-ċans biex jidra juża dawn it-tibdiliet u minn Lulju li ġej, kulħadd ser ikun mistenni li jkun konformi. Iżda nixtieq ngħid li b’mod ġenerali mhux kulħadd ħa pjaċir b’dawn il-bidliet u allura għandi dubji kemm l-iskop li titħaffef il-lingwa  ntlaħaqx jew le. Aħna naturalment bħala qarrejja tal-provi rridu nobdu u nsegwu dawn it-tibdiliet.”

    X’ħiliet għandu bżonn qarrej tal-provi?

    “Prattikament li jkollu għajnejn ta’ seqer għax il-kapaċità qiegħda f’kemm wieħed jirnexxilu jaqbad żbalji. Jeħtieġ ukoll paċenzja kbira u ambjent adattat fejn jaħdem b’dawl tajjeb u li jkun għall-kwiet. Personalment ma naħdimx mingħajr il-pinna partikolari tiegħi għax jien irrid inkun komdu ħafna meta naħdem u allura nippreferi nuża pinen apposta.”

    Fejn tista’ titħarreġ f’dan il-qasam?

    “Il-kors tal-qari tal-provi beda fl-2006 fl-Università ta’ Malta u baqa’ jsir kull sena. Huwa miftuħ għal kulħadd, ċertament mhux biss għal dawk li wara jixtiequ jsiru qarrejja tal-provi. Infatti l-kors mhuwiex biss wieħed formali fejn wieħed jitgħallem ir-regoli tal-kitba. Il-kors jikkonsisti wkoll f’informazzjoni dwar, ngħidu aħna, l-istorja tal-alfabett Malti jew l-ewwel iskrizzjonijiet bil-Malti. Nistgħu ngħidu illi minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea, il-Malti ħa spinta ’l quddiem u reġa’ tela’ żewġ tarġiet oħra. Inħolqu anki bosta opportunitajiet ta’ xogħol f’dak li għandu x’jaqsam mal-lingwa Maltija, anki f’pajjiżi barranin.

    Meta bdejt jien, lura fis-snin, dan il-kors ma kienx disponibbli. Imma b’xorti tajba dejjem kelli għalliema tajbin ħafna fil-Malti bħal Dun Karm Zammit li kiteb anki xi kotba fuq il-grammatika Maltija u lil Ġorġ Mallia li llum huwa l-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Apparti minn hekk insib li l-għarfien tiegħi fil-lingwa Għarbija jservi bħala gwida importanti ferm meta niġi biex nifhem minn fejn oriġina l-kliem użat fil-lingwa. Biex infiehmek aħjar, nista’ nsemmilek il-kwistjoni tal-i etimoloġika li hija l-i li tintiret mill-ilsien oriġinali tagħha: jiġifieri f’każ ta’ kelma ġejja mit-Taljan bħal mara importanti – dik l-i trid tibqa’ hemm. Mentri jekk il-kelma hi semitika eż. bħal f’mara irqiqa – l-i trid taqa’.”

    Kif jitwettaq il-metodu tal-qari tal-provi?

    “Kollox jibda b’idea li tinbet fil-moħħ tal-awtur. Issa hemm min idum imaħħaħ fuq idea s-snin u hemm oħrajn li jaqbdu u jintefgħu għall-kitba tagħha u jlestu malajr. Imbagħad l-awtur għandu żewġ Kors tal-qari tal-provigħażliet: jew li jippubblika l-ktieb għal rasu u jmur għand stampatur u jibqa’ għaddej, inkella li juża dar editriċi. L-awturi stabbiliti ġeneralment jagħżlu din tal-aħħar minħabba bosta raġunijiet, imma l-aktar peress li huma konxji li llum hawn ħafna xogħol li jsir b’mod professjonali fis-suq tal-kotba u għalhekk ma jaqbillekx li toħroġ bi prodott inferjuri. F’dan il-każ, l-awtur jippreżenta l-manuskritt lid-direttur tad-dar editriċi u dan jiddeċiedi jarahx hu jew jgħaddihx lil ħaddieħor biex jikkunsidra jekk il-ktieb hux ta’ livell għoli biżżejjed u jekk hux finanzjarjament vijabbli. Wara dan, il-manuskritt jgħaddi għand qarrej tal-provi, għalkemm ġieli jilħaq jiġi impaġnat qabel. Illum ix-xogħol tħaffef ħafna permezz tal-użu tal-kompjuter u l-internet u għalhekk wara li jgħaddi minn dawn il-korrezzjonijiet, il-manuskritt ikun lest għall-pubblikazzjoni. Meta l-ktieb ikun maħsub għat-tfal, indumu xi ftit iżjed peress li jkun hemm ħafna illustrazzjonijiet.

    Kif qegħdin f’dan, nixtieq niċċaralek li jiena ma nagħmilx prova waħda biss tal-qari. Ġieli ktieb narah erba’ darbiet! Ovvjament jiena dejjem marbut li nibqa’ leali lejn dak li jkun inkiteb u li nirreferi għall-awtur f’każ ta’ bżonn, biex nifhem sewwa l-messaġġ li dan xtaq joħroġ. Nagħmel kemm xogħol għal rasi u kemm għad-dar editriċi tal-Klabb Kotba Maltin. Id-djar tal-pubblikazzjoni wkoll għandhom ir-regoli tagħhom u għalhekk   ikun meħtieġ li l-qarrej tal-provi jsegwi wkoll ir-regoli ta’ dik id-dar editriċi li jaħdem magħha.

    Ħafna drabi meta nikkoreġi l-ewwel prova ma nagħtix kas wisq tal-kontenut imma niffoka iktar fuq l-ortografija bit-tir li nnaqqas kemm niflaħ mill-iżbalji li jkun hemm. Imbagħad fit-tieni prova ndur għall-iżbalji li jkunu jinsabu fil-kontenut bħal ngħidu aħna tibdil inkorrett ta’ ismijiet waqt djalogar. Ma’ dawk l-awturi li għandi kunfidenza magħhom, ġieli nagħmel anki xi suġġerimenti biex isiru xi tibdiliet fit-tiswira tal-istorja. Ġieli jiġu każi fejn ktieb eċċellenti jkollu l-aħħar kapitlu li jdarrsek, li tkun ħasra, u allura jiena nagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħi. Naturalment l-aħħar kelma tkun tal-awtur innifsu dwar xi jrid jagħmel mill-ktieb tiegħu.”

    L-għan primarju tiegħek f’dax-xogħol x’inhu?

    “F’dan il-qasam jiena ddeċidejt li ma nikkoreġix dokumenti imma li niffoka fuq testi letterarji bħall-ġeneri ta’ rumanzi, novelli, poeżiji, jew worksheets ta’ għalliema li minn fuqhom ikunu jridu jinħarġu xi kotba għat-tfal.

    L-għan tiegħi jibqa’ dejjem li jkun hemm l-inqas numru ta’ żbalji fil-ktieb li nkun qed naħdem fuqu sabiex dan joħroġ bl-aktar mod professjonali u b’hekk ngħollu l-livell tal-kitba bil-Malti. Wara kollox, jekk jinħareġ ktieb bl-iżbalji, jiena jidhirli li jkun tilef nofs il-mertu u nofs il-preġju tiegħu.”

    Personalment ma nistax nimmaġinani naqra l-istess ktieb darba wara l-oħra biex infittex għall-iżbalji, għalkemm l-iżbalji jdejquni mhux ftit. Madanakollu Karl jidher Karl Coleiroaffaxxinat għall-aħħar minn dan ix-xogħol tiegħu. Infatti meta staqsejtu jekk iħossx li hu juża għajnejn imparzjali waqt li jkun qed jikkoreġi, mir-risposta tiegħu ntbaħt li l-kotba li jaħdem fuqhom bħal isiru xi ftit ‘tiegħu’ wkoll. Bi kburija wrieni kif ħafna mill-kopji tal-kotba li ħadem fuqhom huwa jżommhom biswitu ġewwa armarju fl-istudju tiegħu. Kultant ġewwa xi ktieb għal qalbu jpoġġi wkoll xi kopja ta’ xi artiklu li jkun inkiteb dwaru …

    “Ara, dan artiklu li nkiteb dwar il-ktieb Alte Vestiga ta’ Anton Sammut. Dan l-awtur huwa partikolari ħafna għalija għax inħoss li skoprejtu jien. Kien jaħdem id-Dockyard bħala skrivan u darba minnhom ġie bil-manuskritt ta’ dan il-ktieb. Meta qrajtu ġġennint għax dan l-awtur ħadd qatt ma kien sema’ bih. Anton huwa midħla ħafna tal-filosofija u għalhekk f’kitbietu ssib sensiela ta’ trattati filosofiċi. Il-ktieb mill-ewwel intlaqa’ tajjeb ħafna u llum nista’ ngħid li jien u Anton sirna ħbieb.

    Inħossni kburi meta xi awtur ta’ kalibru jġibli l-ktieb tiegħu għall-qari tal-provi. Iżda napprezza ħafna wkoll meta jkolli l-opportunità li niskopri xi awtur ġdid u nkun jien li nressqu lejn dar editriċi. Pereżempju dan l-aħħar, il-ħabib tiegħi Renè Cilia, li ftit ilu sar qassis, għaddieli manuskritt u meta qrajtu għedtlu “Dan bomba!” Mill-ewwel intbaħt li kellu pinna tajba ferm u għalkemm għadu żgħir jipprometti ħafna. Ħadt gost ħafna meta f’Diċembru li għadda x-xogħol tiegħu ġie ppubblikat taħt it-titlu: Is-Saltna tal-Ħamsin.”

    Staqsejt lil Karl jekk jitħajjarx jikteb xi ħaġa hu…

    “Le għax dik mhix il-linja tiegħi. Infatti nammira ħafna t-talenti tal-awturi li kapaċi joħorġu b’dawk l-ideat oriġinali u għaldaqstant għandi rispett kbir lejn ix-xogħol tagħhom.”

    Dwar il-kotba Karl xtaq iwassal messaġġ.

    “Kull sena f’Malta jiġu ppubblikati madwar 500 ktieb ġdid, jiġifieri aktar minn wieħed kuljum. U allura min jgħid li m’hawnx kotba, ma jafx x’hawn fis-suq. Minn dawn, numru sabiħ ikunu kotba tat-tfal li Is-Saltna tal-Ħamsinċertament huma maħsuba biex jiġbduhom aktar lejn il-qari. Min ikollu diffikultà li jsib il-kotba li jixtieq fil-ħwienet, illum jista’ jinqeda permezz ta’ diversi websajts.”

    Xtaqt nagħlaq billi nistaqsih x’sodisfazzjon jagħtih dax-xogħol…

    “Inħobb inqabbel il-qari tal-provi ta’ ktieb daqslikieku wieħed ħadem skultura sabiħa u mbagħad ġabha għandi biex norqomha.”

    Sakemm konna qed nitkellmu bdejt niġbidlu xi ritratti ħalli ninkludihom ma’ dan l-artiklu u, oħroġ il-għaġeb, għalkemm dam biss ftit minuti jippużali wara l-iskrivanija, sibt li kien diġà ntefa’ jikkoreġi manuskritt ġdid li kellu quddiemu!

    “Ma tridx taħli ħin mhux hekk?” qalli bid-daħka. “Isma’ issa dan l-artiklu qabel joħroġ irrid nikkoreġih taf li ma jmurx joħroġ bl-iżbalji!”

    Tgħid? Għedtlu jien.

    U hu weġibni fil-pront, “Mhux ovvja!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Marzu 2011)

    2011.03.06 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IL-ĠRAJJA WARA L-QNIEPEN

    F’dawn l-aħħar ġranet qed inħossni ngħix f’ħolma… Imma mhux minn dawk is-sbieħ fejn ma jkollokx aptit tqum ħalli ma jispiċċaw qatt. Jum wara l-ieħor fuq it-tv u r-radju Dettall minn qanpienaqed nisma’ bir-rivoluzzjonijiet li qed iseħħu f’bosta pajjiżi ġirien tagħna u ma nistax ma nħossnix imqanqla minn dak kollu li għaddejjin minnu dawn il-popli. Fuq kollox, konxja ferm li bħalissa qed nara l-istorja tinkiteb, ruħi tfur bir-rabja għal min irid jgħakkes lil dawn il-popli u qalbi titriegħex għall-kuraġġ li dawn qed juru biex jakkwistaw drittijiethom. L-impotenza tiegħi bħala bniedma quddiem dan kollu sikwit iġġiegħelni nħares il-fuq lejn is-smewwiet kaħlana ta’ pajjiżi u nitlob bil-ħerqa l-interċessjoni t’Alla. U hekk, f’mument minnhom, għajnejja waqgħu fuq il-qniepen ta’ kampnar ta’ knisja u f’dak il-ħin fhimt ċar x’ried ifisser dak li darba naqqax fil-metall tagħhom: Insejjaħ għall-armi, nimmarka l-ġranet u s-siegħat, inkeċċi x-xjaten u l-maltemp, inkanta bil-ferħ u nibki lill-mejtin.

    “Immaġina ż-żmien medjevali,” kien qalli ftit tal-ġranet qabel Kenneth Cauchi, kampanoloġista rinomat u llum anki ħabib tiegħi. “In-nies kienu jkunu weħidhom fi djarhom, jitrekknu mill-kesħa tal-lejl għad-dawl inemnem tal-lampa. Fuq barra l-maltemp kien jinstema’ sewwa, ir-riħ irid jaqla’ l-bibien u t-twieqi, it-tkarwit tar-ragħad irembel fis-smewwiet u ftit wara d-dawl jaħsad tas-sajjetti. U f’daqqa waħda jindaqqu l-qniepen tal-knisja, jgħollu leħinhom il-fuq lejn Alla u bil-ħoss tagħhom isikktu l-ħsejjes tal-maltemp. Daqstant kien il-wens li kienu joffru l-ewwel qniepen lill-bniedem.”

    Ħadd qatt ma kien kellimni b’tant passjoni dwar dan is-suġġett u naturalment mill-ewwel tqanqlitli l-kurżità biex inkun naf aktar.

    “It-tradizzjoni tal-qniepen hija antika ferm u hija mxerrda f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Inizzjalment bdew bħala mezz ta’ komunikazzjoni u permezz tagħhom kienu jissejjħu n-nies biex jinġabru ħalli jisimgħu xi aħbar. Maż-żmien l-użanza tagħhom ħadet sewwa, tant li f’ċertu perjodu kien hawn diversi fondituri u funderiji li kienu jfonduhom. Anki hawn Malta kienu jinħadmu l-qniepen, b’mod partikolari bejn l-1600 u l-1904. Madanakollu xi wħud minn dawn il-qniepen issawwru b’ammonti inkonsistenti ta’ metalli, partikolarment il-landa (tin) u għaldaqstant, għalkemm kellhom leħinhom sabiħ u jwassal, kienu wkoll fraġli ferm.”

    Kenneth kompla jispjegali kif tinħadem qanpiena…

    “Il-metall maħlul li jikkonsisti f’taħlita ta’ ramm aħmar (copper) u landa (tin), jitferra’ f’forom magħmula apposta sabiex il-qanpiena tingħata s-sura tagħha. Fl-istess waqt, fuq forma minnhom, maħduma Qanpiena qed tinħademfin-negattiv, wieħed isib xi disinji jew kitba li jiġu trasferiti fil-pożittiv fuq il-qanpiena. Il-forma bil-metall imdewweb ġo fiha titħalla tibred għal diversi jiem sakemm eventwalment din tinħareġ u titnaddaf bl-idejn permezza ta’ lima, minn xi bronż żejjed li jkun daħal f’xi xquq tal-forma. Wara dan il-proċess il-qanpiena tiġi ntunata billi titqaxxar minn ġewwa ħalli leħinha jiġi mużikalment rfinat u matematikament ikkoreġut. Din il-fażi hi proprja s-sigriet li jfassal il-valur u l-karattru ta’ qanpiena b’leħen tajjeb. L-ammont ta’ landa m’għandux ikun inqas minn 18% imma mhux iktar minn 23%. Kollox irid isir bil-qies għax wisq iżjed minn 23% landa isarraf f’leħen isbaħ imma jagħmel l-istruttura tal-qanpiena aktar fraġli. Min-naħa l-oħra, inqas minn 18% landa jirriżulta f’qanpiena li tkun aktar b’saħħitha imma leħinha jkun wieħed limitat fil-ħlewwa mużikali u fit-timbru.”

    Skoprejt li l-qniepen f’Malta jindaqqu b’mod differenti minn kif isir f’pajjiżi oħra.

    “Hawn Malta għandna t-tradizzjoni li l-qniepen ikunu marbutin ma’ travu u jindaqqu billi l-ilsien jitħabbat maż-żewġ naħat tagħhom. Iżda f’pajjiżi barranin il-qniepen iduru u b’hekk jarmu d-daqq tagħhom il-barra, b’riżultati ferm differenti. Fuq kollox, dan il-mod ta’ daqq lokali jippermetti illi l-qanpiena tkun għall-ħniena ta’ dak li jkun qed iħabbat fuqha u dan jitfagħha aktar f’riskju li ssirilha l-ħsara. Il-fonditur tal-qniepen Pierre Paccard, is-sitt persuna mid-dinastija tal-familja Paccard li huma fondituri tal-qniepen Franċiżi, qalli illi aħna l-Maltin bilfors li għandna kontroll fuq l-ilsna tal-qniepen għax kif indoqquhom huwa l-mod perfett kif wieħed  jista jaqsam qanpiena!”

    L-imħabba li Kenneth għandu għall-qniepen hija anki evidenti f’daru hekk kif minn ħin għall-ieħor din l-intervista kienet imżewwqa bit-tokki ħelwin ta’ arloġġi differenti. Imma din in-namra tiegħu kif bdiet?

    “Meta kont żgħir kont abbati fil-Knisja tal-Imsida u kont narahom idoqqu l-qniepen. Ta’ 7 snin tħajjart nitgħallem indoqqhom jiena wkoll u għalhekk kont nitla’ fil-kampnari biex nitħarreġ mal-kampanara responsabbli tad-daqq tal-qniepen. Ftit ftit l-interess tiegħi beda dejjem jikber sakemm ħadt dax-xogħol bis-serjetà u għalkemm żgħir fl-età kont immur indoqq regolarment biex nagħti  servizz meta jkun hemm il-festi. Bdejt ukoll indur il-kampnari ta’ bosta parroċċi differenti ħalli nosserva l-varjetà bejniethom.

    Imma l-aktar kampnar li kien jiġbidni kien dak tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt. Niftakarni ċar irmunkat wara ommi meta kienet titla’ għall-monti tal-Belt li kien jarma proprju quddiem dan il-post. Minn ċkunitu  l-imħabba lejn il-qniepenHi tixtri u jien b’għajnejja ‘l fuq, mitluf inħares lejn kampnar minnhom li kien jidher abbandunat. Kien jagħti fuq Triq ir-Repubblika, ħa jaqa’ u ma jaqax u bil-qniepen imniżżla fuq il-ħoġor tal-kampnar u oħrajn siekta u ma jindaqqu qatt. Kont narah kampnar tassew misterjuż u kien jaffaxxinani… niftakarni niċċassa u ntenni “kemm nixtieq indoqq hemm, kemm nixtieq indoqq hemm.” Darba minnhom ħabib ta’ missieri mill-Belt, ċertu Godfrey D’Emmanuele, qagħad ikellimni dwar dawn il-kampnari fejn spjegali illi l-kampnar li kien tant jiġbidni lejh ma kienx jintuża għax kien ikkundannat minħabba l-ħsara strutturali kbira li kellu. Iżda din l-informazzjoni flok qatgħatli qalbi aktar kebbsitieli biex xi darba nwettaq ħolmieti.

    Insomma, minn hemm u minn hawn darba minnhom Godfrey rranġali biex nibda ndoqq fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ovvjament f’dak li jagħti fuq Triq Merkanti. Is-sagristan kien wissieni ħafna biex ma nidħolx fl-ieħor imma mur fiehem lit-tfal! Il-kampanari Żwieten kienu jgħallmuni kif indoqq il-qniepen tal-post imma kultant żmien, saqajja weħidhom kienu jeħduni fil-kampnar l-ipprojbit. L-ewwel darba li rajtu bqajt bla kliem. Kien jidher li kien ilu ma jintuża. Kien mimli qniepen u kollox kien wieqaf apparti mill-ħamiem li kienu qed jagħmlu festa hemm fuq. Niftakar li kien hemm żewġ qniepen kbar imniżżlin mal-art, waħda minnhom imkissra. Qalbi ngħasret u minn dakinhar mhux darba u tnejn li ħrabt bis-serqa ħdejhom u daqqejt xi tokki ħfief fuq dawk li kien ghad fadal imdendla. Biex naqtagħlek storja twila fil-qasir ħafna, wara ħafna taħbit, ġiri ‘l hemm u ‘l hawn, ittri fil-gazzetti, telefonati u laqgħat mal-arċisqof u saħansitra ma’ xi politiċi, il-kampnar ġie restawrat u l-qanpiena li kienet għadha tajba ttellgħet mill-ġdid f’postha mentri l-oħra li kellha xi ħsarat, ġie deċiż li titranġa biss b’mod estetiku u li titħalla għall-esebizzjoni ġol-mużew ta’ San Ġwann.”

    Kienet tabilhaqq sitwazzjoni stereotipika mill-ktieb Great Expectations ta’ Charles Dickens meta Kenneth ġie afdat biex imexxi l-proġett ta’Fondaturi tal-qniepen restawr tal-qanpiena l-miksura ta’ San Ġwann fl-2006, kważi 20 sena minn meta kien xiref l-ewwel darba fil-kampnari tal-Katidral! Huwa lagħab ukoll parti kruċjali waqt in-negozjati li saru biex tiġi retifikata xi ħsara li nqalgħet lill-istruttura tal-ikbar qanpiena f’ Malta; dik tal-Assedju li tinsab il-Belt. Dan l-involviment tiegħu wassal biex hu jiġi mitlub li jirrappreżenta l-Funderiija rinomata ta’ John Taylor & Co. ta’ Loughborough fl-Ingilterra. Bi kburija, urieni qanpiena mdaqqsa u tqila ferm li Taylor irregalawlu bħala gratitudni lejn ix-xogħol li wettaq.

    “Ma ridtx nemmen għall-ewwel meta waslitli dil-proposta. Moħħi mar lura s-snin meta ‘l ommi kont nitlobha qanpiena ta’ Taylor bħala rigal tal-Milied u llum għandi din hawn ġew! Naturalment aċċettajt li nkun ir-rappreżentant uffiċċjali tagħhom u fi ftit żmien sibt ruħi nvolut biex saru diversi qniepen fostom dawk ta’ San Bastjan f’Ħal-Qormi, l-Katidral t’Għawdex, x-Xewkija, iż-Żejtun, Santa Tereza f’Birkirkara u bosta oħrajn li mpossibbli nsemmihom kollha.”

    Nadia, il-mara ta’ Kenneth, poġġiet ħdejna u bejn kelma w oħra tatni x’tifhem li l-imħabba li żewġha għandu lejn dal-qniepen kultant iġġiegħla tgħir xi ftit. Tant hu hekk illi biex jaħdem fuq dawn l-imberkin qniepen, lejliet it-tieġ tagħhom bil-mohbi kellu jisraq siegħa biex ċaqalqu l-qniepen il-ġodda tax-Xewkija li kienu mgħobbija fuq trakk f’Malta jistennew li jibdew triqithom lejn Għawdex. Dawn il-qniepen kienu wkoll il-kawża li minħabba fihom saħansitra tmexxiet id-data tal-honeymoon biex huwa jkun jista’ jlesti. Iżda dan kollu Nadia setgħet tobsru minn qabel għax Kenneth mill-ewwel kien uriha fejn kienet qalbu…

    “L-ewwel darba li ltqajna konna ma’ grupp ħbieb għall-festa tal-Imqabba. Jien inzertajt li nħobb ħafna n-nar u għalhekk inxtħett ħdejn Kenneth biex nispjegalu dak li kien qiegħed isir fejn fostom wara kull Kenneth Cauchi  jeżamina l-qniepenraddiena kienet iddoqq il-qanpiena l-kbira tal-Imqabba. Iżda hu b’dahru lejn in-nar kien mitluf iħares il-fuq lejn il-kampnar u jlissen “illistra x’qanpiena għandkom!”. U f’qalbi għedt dal-ġuvni xejn mhu sew. Imma mbagħad meta erġajna ltqajna u fhimt li l-qniepen kellhom tifsira iktar profonda minn dik li ħsibt jien, bdejt nifhimha xort’oħra u l-istorja tkompliet minn hemm.”

    Kenneth u Nadia rħewlha jinku ftit lil xulxin sakemm wara ftit hu ftakar x’rigal sabiħ tawh il-qniepen tiegħu stess waqt it-tieġ.

    “Iżżewwiġt fil-Knisja ta’ San Bastjan f’Ħal-Qormi, l-ewwel Knisja fejn nista ngħid li nstallajt sett sħiħ ta’ qniepen ġodda meta kien għad għandi 22 sena. Il-kampanara Qriema ddeċidew li jdoqquli l-qniepen li kont ġibt jien stess u ma nafx kif ser naqbad nispjegalek l-emozzjoni kbira li ħassejt hekk kif kont fil-knisja biex niżżewweġ u nisma’ l-qniepen ‘tiegħi’ isejjħuli biex noħroġ mis-sagristija ħalli tibda l-quddiesa.”

    Illum Kenneth huwa gradwat fil-Konservazzjoni u r-Restawr prinċiparjament fil-ġebel u l-metall. Jiftakar iż-żmien meta kien għadu żgħir u kien jinnota li t-tagħmir tal-qniepen f’ċerti kampnari ta’ Malta ma kienux maħduma bl-aħjar mod.

    “Kont insib ilsien ta’ qanpiena f’kampnar b’ċertu daqs ta’ boċċa u mbagħad immur f’kampnar ieħor u ninduna li l-istess qies ta’ qanpiena kellha boċċa ittieklet u saret qisha lasta ta’ xkupa. U kont ngħid Qanpiena tinħademimma għaliex did-differenza? Maż-żmien għaraft illi fil-kompetizzjoni sfieqa li kien hawn biex jinxtraw il-qniepen, ċertu funderiji kienu bagħtu qniepen b’tagħmir li għalkemm ta’ kwalita’ tajba ma kienx appropriju għall-kampnari Maltin, minħabba li minn fonda dawn il-qniepen, ma kellux idea dwar it-tradizzjoni partikolari Maltija. Għal kull tip ta’ moviment li jagħmlu l-qniepen hemm ukoll tip ta’ lsien adattat u kull wieħed jipproduċi tonalità u timbru mużikali differenti. Għalhekk il-qniepen tagħna li jibqgħu fi stat statiku, kienu jirrikjedu ċertu tip ta’ lsien. Infatti matul is-snin għamilt numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex isiru t-tibdiliet adegwati ħalli joħroġ il-karattru veru tal-qniepen lokali tagħna u llum is-sitwazzjoni hija mużikalment ferm aħjar.”

    Meta titgħallem iddoqq qanpiena, tkun taf iddoqq l-oħrajn kollha?

    “Iva fit-teorija hekk kif titgħallem iddoqq qanpiena waħda tkun kapaċi ddoqq l-oħrajn ukoll imma l-istorja ma tieqafx hemm. Il-qniepen iż-żgħar huma iktar diffiċli mill-kbar u għaldaqstant wieħed għandu jħalli l-qniepen iż-żgħar f’idejn il-kampanara li huma mħarrġa sew. F’kull knisja hemm l-użanza partikolari tal-post dwar kif jindaqqu l-qniepen u ma tistax tkun żatat u tmur u taqbad iddoqq. Trid issegwi l-istruzzjonijiet tal-kap tal-kampanara tal-qniepen li jkun hemm f’kull knisja u timxi minn hemm. Ngħidu aħna fil-Kottonera għandhom it-tradizzjoni li jibdew bl-ikbar waħda l-ewwel, mentri n-naħa ta’ Tas-Sliema dejjem jibdew u jispiċċaw biż-żgħar.  Is-sekwenzi jinbidlu wkoll skont it-tip tal-okkażżjoni li tkun, per eżempju fil-Milied il-qniepen jindaqqu b’mod differenti minn kif jindaqqu fil-festa tar-Rużarju, dan qed ngħiduh mill-aspett tan-numru tal-moti li jitfasslu.”

    Kenneth kellu x-xorti li jaħdem fuq għadd ta’ qniepen inkluż dik l-aktar antika f’Malta – Petronilla li ssawret fl-1370.

    “Petronilla kienet tinsab fil-Katidral tal-Imdina u dwarha kelli nieħu deċiżjoni ferm diffiċli. Kien każ uniku fejn l-antikità tagħha wasslet biex din il-qanpiena titniżżel minn fejn kienet ħalli ma ssiriliex aktarKenneth Cauchi ma' Petronilla ħsara. Il-valur ta’ Petronilla huwa ta’ livell ta’ patrimonju dinji u għalhekk li kieku kellha tinqasam u titlef it-tonalità tagħha, d-dinja tkun tilfet parti mill-wirt storiku tagħha. Għaldaqstant l-istess raġuni żammitna milli nippruvaw nirrestawrawha. Fl-istess ħin il-karattru ta’ dil-qanpiena medjevali, tant kien uniku li kien jistona mal-bqija tal-qniepen. Idealment leħen qniepen bħal dawn jiġi rrekordjat qabel ma jitniżżlu ħalli jibqa’ jitgawda. U wara, preferibilment dal-qniepen għandhom jiddendlu f’post adattat fejn forsi jkunu jistgħu jindaqqu almenu darba f’sena. Impoġġija mal-art, qanpiena bħal dik, tkun fgatha.”

    L-informazzjoni li għandu Kenneth dwar is-settur tal-qniepen, speċjalment dak lokali, huwa bla tarf. Bosta minn dawn id-dettalji ġew miġbura fit-teżi tiegħu li fiż-żmien li ġej huwa ttamat li għandhom jiġu ppubblikati fi ktieb.

    “Meta tibda taħdem fuqhom dawn l-affarijiet issib li ma tista’ tispiċċa qatt. Waqt ir-riċerka tiegħi biex bnejt dit-teżi ltqajt ma’ bosta tagħrif interessanti u ta’ kull xorta. Ngħidu aħna l-mod ta’ kif dari l-ilsien tal-qniepen kien jiddendel permezz ta’ numru ta’ organi sesswali tal-barri mnixxfin u mmaljati. Darb’oħra fl-arkivji ta’ John Taylor & Co fl-Ingilterra, sibt dokumenti antiki li kienu jiddeskrivu x’kien hemm miktub fuq qniepen lokali li minħabba l-ħsara li sofrew ġie deċiż li jitkissru għat-tidwib u allura llum m’għadhomx jeżistu. Ġbart ukoll informazzjoni vasta minn sorsi primarji dwar il-qniepen kollha lokali fostom dwar min ħadimhom, min ħallas għalihom, x’tip ta’ ħsarat kellhom u liema interventi saru fuqhom.

    Permezz ta’ dax-xogħol xtaqt ukoll nitfa’ dawl dwar kif dawn il-qniepen jiffurmaw parti mill-identità kulturali tagħna. L-istorja tal-kampanoloġija Maltija teħodna lura sal-1370 u tinfurmana dwar min kienu n-nies prominenti tar-raħal jew belt ta’ dawk iż-żminijiet li ffinanzjaw dawn il-qniepen. Jissemma l-kappillan, l-isqof u l-Papa u allura għandek ukoll ġabra ta’ tagħrif dwar l-istorja tal-Knisja. Ir-rilievi tal-qniepen juruna l-livelli differenti tal-arti u l-artiġġjanat matul is-snin. F’kelma waħda nistgħu ngħidu li l-qniepen tagħna huma teżori storiċi li ironikament qegħdin impoġġija ‘l fuq fil-kampnari u l-bqija tan-nies bilkemm taf bihom.”

    Fil-fatt sfortunatament Kenneth ma tantx jara futur sabiħ għal dawn il-qniepen.

    “Futur imċajpar nara għax naħseb li fi żmien mhux daqstant imbiegħed ħafna mill-qniepen tagħna ser ikunu qed jaħdmu b’mod awtomatiku u mhux b’mod manwali, li hija ħasra kbira. Id-daqqa tal-Kenneth Cauchi u l-qniepenbniedem hija dejjem unika b’kuntrast ma’ dik tal-martell kontrollat elettronikament li kull darba ser idoqqlok bl-istess mod u fuq naħa waħda biss tal-qanpiena. Imma l-interess fil-qniepen qed jonqos wisq u t-triq li mexjin fiha ‘l hemm qed teħodna.

    Xorta waħda jiena ma rridx naqta’ qalbi u kull min jixtieq aktar informazzjoni lest li ngħinu kif nista’. Fuq kollox, dawk li huma mħajjra jidħlu f’did-dinja tal-qniepen huma mistednin jikkuntattjawni sabiex flimkien naqsmu l-ġmiel li dawn kapaċi joffru.”

    Ma kellix qalb inwaqqfu jkompli jgħidli dwar il-qniepen li Kenneth tant iħobb imma l-ħin hu l-għadu ta’ kulħadd. Xorta waħda jkolli nistqarr li miegħi xogħlu kien wettqu sewwa għax ċertament qatt aktar mhu ser nisma’ qanpiena ddoqq b’widnejn torox!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-27 ta’ Frar 2011)

    2011.02.27 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • EJJA SKOPRI L-ORJENT

    Jingħad li l-popli li jgħixu fuq il-gżejjer sikwit  ikollhom storja partikolari ħafna. Dan minħabba illi l-baħar innifsu, speċjalment fiż-żminijiet antiki, kien joffri protezzjoni siewja lil dawn l-artijiet billi jservi ta’ ostaklu għal dawk il-qawwiet li ma kellhomx saħħa navali. Iżda oħrajn isostnu illi ambjent bħal dan ħafna drabi ħonoq il-perspettiva tal-abitanti u tahom l-impressjoni falza illi d-dinja ma kinetx ħafna akbar minn pajjiżhom. Madanakollu opinjoni ta’ xort’oħra tissuġġerixxi illi proprju dan l-iżolament serva bħala fosdqa għal ċerti elementi, b’konsegwenza li dawn ma ntmessux daqstant mill-bidla tal-milja taż-żminijiet. Konxja minn dan kollu, ħassejtni tassew kurjuża biex niskopri x’kienet il-funzjoni ta’ Soċjetà ġdida li għandha l-għan li tqarreb lil Malta mal-Orjent…

    Il-moħħ wara din is-Soċjetà magħrufa bħala Maltese Oriental Society huwa l-Prof. Anthony J Frendo. Maħtur bħala l-president tas-Soċjetà, preżentement huwa wkoll il-kap tad-dipartiment tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Malta.

    “Din l-idea bdiet tbherren f’moħħi hekk kif inħtart bħala l-kap ta’ dan id-dipartiment li oriġinarjament kien tal-Għarbi. Niftakar li meta tkellimt dwarha ma’ Dr Martin R Zammit, hu kien approva mill-ewwel Mix-xellug - Dr Dennis Mizzi, Prof. Anthony J Frendo u Dr Martin R Zammitu anki tani s-sapport morali kollu. Imma peress li konna ftit wisq li qed naħdmu f’dan id-dipartiment u billi wkoll kien hemm għadd ta’ affarijiet oħra li kellhom isiru, din l-idea baqgħet fuq l-ixkaffa. Iżda madwar sena u nofs ilu  tarraft dan il-ħsieb tiegħi lil Dr Dennis Mizzi u huwa wkoll qabel mill-ewwel mal-idea ta’ din is-Soċjetà.  Sadanittant seħħu wkoll xi bidliet importanti fostom li d-dipartiment tal-Għarbi twessa’ u sar jinkludi kemm l-Istudji ta’ Lvant qarib u anki l-Istudju taċ-Ċiniż, dan tal-aħħar permezz ta’ arranġamenti li saru mal-Confucius Institute. Għalhekk intbaħt li finalment kien wasal iż-żmien biex nibdew nagħmlu l-ewwel passi ħalli niffurmaw din is-Soċjetà. Fi ftit żmien, tellgħajna kumitat u flimkien waqqafna l-Maltese Oriental Society.”

    X’inhu l-iskop ta’ din is-Soċjetà?

    “L-għan tas-Soċjetà huwa li tipprovdi għarfien lill-Maltin dwar il-bqija tal-Orjent kollu li skont il-perspettiva Ewropeja jinkludi il-Lvant Qarib li jibda proprju mill-Mediterran u jinkludi s-Sirja, il-Lebanon, il-Palestina, l-Iżrael, il-Ġordan, is-Saudi Arabia u l-Iraq. Imbagħad hemm il-Lvant Nofsani li jitlaq mill-Lvant tal-Iran u jibqa’ sejjer sa qabel iċ-Ċina u jinżel sa Burma fejn minn hemm insibu l-Lvant Imbiegħed u allura niltaqgħu maċ-Ċina, il-Ġappun u l-madwar.

    Permezz ta’ lectures, attivitajiet kulturali, wirjiet artistiċi u ħarġiet f’postijiet ta’ interess kemm f’Malta u aktar il-quddiem, anki f’pajjiżi oħrajn, is-Soċjetà ser ikollha r-rwol li tinkoraġġixxi u tiffaċilita aktar Żeffiena Orjentalil-istudju u l-apprezzament tal-Orjent fost il-membri tagħha. Nixtieq nenfasizza illi l-mira tagħna mhiex biss li nintroduċu l-lingwi differenti li jintużaw f’dawn il-partijiet tad-dinja. Aħna rridu nħarsu wkoll lejn l-aspetti arkeoloġiċi, storiċi u kulturali tal-Lvant kollu u b’hekk is-Soċjetà ser ikollha natura pjuttost inter-dixxiplinari fejn ser tiftaħ il-bibien tagħha għal kelliema minn diversi oqsma bħal dawk tal-istorja, l-arkeoloġija, l-arti, il-letteratura, il-lingwistika, il-filoloġija, it-teoloġija, l-antropoloġija, l-etnografija, is-soċjoloġija u l-ġografija fost oħrajn. Barra minn hekk ser ikollna wkoll il-kontribuzzjoni ta’ numru ta’ awturi, artisti, nies tas-sengħa, mużiċisti u individwi oħra li b’xi mod jew ieħor ikunu jixtiequ jesponu u jaqsmu mal-oħrajn ix-xogħol jew il-kapaċità tagħhom hekk kif inhi relatata mal-Orjent.

    Għalissa peress li għadna qed nagħmlu l-ewwel passi, ser niffukaw ftit fuq numru ta’ taħditiet minn diversi esperti li għandna fi ħdan id-dipartiment u allura ser inkunu qed nitrattaw studji u xogħolijiet dwar il-gżejjer Maltin li fl-istess ħin għandhom konnessjoni mal-Orjent. Ser nimirħu anki fil-Mediterran, filwaqt li bl-għajnuna tal-Confucius Institute ser inkunu nistgħu ninkludu wkoll taħditiet ta’ interess dwar iċ-Ċina. Min-naħa ta’ lingwi u l-kultura intrinsika tagħhom ser nitfgħu dawl fuq l-Għarbi, l-Ebrajk u s-Sanskrit. Kull tant żmien ser inkunu wkoll qed nistiednu xi kelliema barranin sabiex jagħtuna tagħrif dwar aspetti jew pajjiżi oħra.”

    Kont ilni nixtieq niċċara l-idea tiegħi dwar xi jfisser preċiżament dan it-terminu ‘Orjent’ iżda qatt ma kont bsart li kellu firxa daqshekk wiesa’! Ma ridtx wisq biex nifhem il-potenzjal li kapaċi toffri Soċjetà bħal din sabiex wieħed jintroduċi ruħu ma’ dan il-mużajk sabiħ ta’ kulturi differenti. Iżda min seta’ jissieħeb ma’ din is-Soċjetà?

    “Għalkemm il-Maltese Oriental Society qed titwieled minn ġewwa dan id-dipartiment, għandna l-ħsieb li eventwalment din tiġi indipendenti mid-dipartiment innifsu. Għalhekk nixtiequ niċċaraw illi din is-Soċjetà hija miftuħa għal kulħadd, għal kull min jixtieq isir jaf aktar dwar l-Orjent u anki jduq il-ġmiel u l-faxxinu tiegħu.”

    Dr Martin R Zammit, il-viċi-president tal-Maltese Oriental Society u anki l-arabista prinċipali tad-dipartiment tal-Istudji Orjentali fl-Università ta’ Malta, sostna miegħi kemm huwa neċessarju li aħna l-Maltin nesponu ħafna aktar ruħna għal tagħrif iżjed vast dwar il-bqija tad-dinja.

    “Jien nara li dis-Soċjetà għandha sehem qawwi li tista’ tagħti lill-poplu Malti. Sfortunatament ninnota li hawn Malta donnu għandna viżjoni waħda biss u għalhekk il-maġġoranza tan-nies iħarsu biss lejnL-Orjent 2 it-tramuntana. Ngħidu aħna jekk tistaqsi lil numru ta’ Maltin dwar fejn tiġi eżattament il-Greċja, aktarx ser jgħidulek li qiegħda x’imkien lejn l-Italja iżda x’hemm ħdejha jew fuqha, bħala pajjiżi oħra, ġeneralment mhux ser ikollhom idea ċara. L-istess jiġri jekk tistaqsi fejn hi l-Polonja per eżempju. L-iktar l-iktar forsi jgħidulek li tinsab fl-Ewropa imma s’hemm jaslu. Prinċiparjament il-viżjoni ta’ numru kbir ta’ Maltin iwassal sal-Ingilterra, sal-Italja u forsi sa Lourdes, mill-bqija ser ikollhom diffikultà biex jgħidulek xi ħaġa dwar pajjiżi oħra. X’nafu per eżempju dwar il-mużika Griega jew dik Franċiża? X’nafu fuq Franza, neħħi t-torri Eiffel, l-inbid u l-Eurodisney?U dan ma nafux tagħrif dwar l-Ewropa! Aħseb u ara dwar pajjiżi oħra!

    Aħna poplu ewropew imma aħna wkoll poplu mediterranju. Barra minn hekk, inħobbu nsostnu wkoll li aħna pont bejn l-Afrika u l-bqija tal-Ewropa. Iżda wisq nibża’ li din mhiex ħlief ħolma fiergħa għax pjuttost narana poplu ggranfat mal-Ewropa. Huwa għalhekk li naħseb li din is-Soċjetà tista’ tagħti kontribut biex għallinqas niftħu ftit din il-viżjoni dejqa tagħna li għandna tad-dinja.”

    Permezz tax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-Għarbi, Dr Zammit stqarr li sal-ġurnata ta’ llum għadu jara sinjali ċari ta’ stigma fost il-Maltin dwar dak li hu Għarbi.

    “Ikollna studenti Maltin li jagħżlu li jitgħallmu l-Għarbi imma xorta waħda tinnota li għad fadal sentiment anti-Għarbi f’pajjiżna. Donnu ċertu għanqbut li tnissel matul il-passat tagħna, weħel sewwa ma’ diversi rkejjen u mhux la kemm tneħħieh kif ġieb u laħaq. Min-naħa l-oħra meta tara studenti barranin fostom dawk Sqallin, Spanjoli u anki Amerikani, li huma wkoll kellhom inflwenza Għarbija fl-istorja tal-pajjiżi tagħhom, tintebaħ li l-attitudni tagħhom hija għal kollox differenti u ma jħossux din l-istmerrija. Ironikament dan iwassal biex b’mod ġenerali l-istudenti barranin imorru ħafna aħjar fl-istudji tagħhom tal-Għarbi mill-istudenti Maltin li wara kollox għandhom din il-lingwa fid-dna tagħhom!” 

    Hawnhekk deherli li għandi nistaqsi għaliex wieħed għandu jitħajjar jistudja l-lingwi Orjentali? Dr Dennis Mizzi, segretarju onorarju tal-Maltese Oriental Society u lecturer tal-Ebrajk u l-Istudju Lhudi spjegali kif finalment l-istudju ta’ lingwi bħal dawn kapaċi jiftaħlek il-bibien għal orizzonti oħra.

    “Għalkemm oriġinarjament ħafna jersqu lejn dawn is-suġġetti sforz l-imħabba jew l-interess li jkollhom lejn dan il-qasam, l-istudji nfushom jafu jiftħulek triqat li inti stess ma kontx tobsor li għad trid tasalKultura Orjentali fihom. Il-korsijiet ta’ dan id-dipartiment prattikament huma ppreżentati fuq żewġ livelli: fuq livell minnhom qed titgħallem lingwa u kultura u allura għandek l-aspett tat-tagħrif, filwaqt li fuq livell ieħor għandek il-kunċett dwar kif wieħed jitħarreġ f’kapaċità partikolari. Għaldaqstant, jiena naf b’individwi li finalment intagħżlu għal pożizzjoni f’karriera proprju minħabba l-ħila tagħhom li jfittxu d-dettall. Imma apparti minn dawn ir-raġunijiet prattiċi hemm ukoll il-punt li meta wieħed qed jitgħallem studju umanistiku, huwa jkun qiegħed ukoll jesponi ruħu biex jifhem anki l-kultura ta’ pajjiż ieħor. Konsegwentement, studenti li jiggradwaw f’dawn l-oqsma, jkunu kapaċi jirrelataw aktar faċilment ma’ dawn il-kulturi u b’hekk ikunu ippreferuti għall-pożizzjonijiet speċifiċi fid-dinja tax-xogħol.”

    Waqt din l-intervista stajt inħoss li dawn it-tliet individwi kellhom imħabba kbira lejn dawn l-oqsma Orjentali. Meta staqsejthom x’kien dak li nebbaħħhom għal dan is-settur, kollha kellhom l-istorja individwali tagħhom. Il-Prof. Frendo spjegali kif minn dejjem kien affaxxinat mill-iskrittura…

    “L-iskrittura minn dejjem laqtitni kemm mill-aspett reliġjuż u kif ukoll minn dak letterarju. Issa jiena dejjem emmint li jekk trid tistudja xi ħaġa b’mod tajjeb, l-aħjar li ssir tafha bl-ilsien oriġinali tagħha. Għalhekk minħabba li t-testment il-qadim għandu 90% minnu miktub bl-Ebrajk u 10% tiegħu bl-Aramajk spiċċajt biex tgħallimt dawn il-lingwi. Aktar il-quddiem dan l-għarfien wassalni biex ninteressa ruħi anki fil-lingwa Feniċju-Punika li tqarreb sewwa lejn il-lingwi l-oħra. Naturalment, ftit ftit issib ruħek ukoll midħla tal-kulturi diversi ta’ dawn il-popli u l-istorja tkompli tiżvolġi hekk.”

    Ir-rakkont ta’ Dr Zammit beda mill-interess kbir li kellu għall-Malti…

    “Għal żmien twil kont inħoss ġibda qawwija lejn l-ilsien Malti. Kont inqisu bħala lingwa sabiħa u interessanti ferm u ntfajt b’ruħi u ġismi napprofondixxi fuqu. Finalment meta tibqa’ tfittex u tfittex dwar il-Riċerkatur tad-Dead Sea ScrollsMalti, dan bla dubju jwasslek għall-Għarbi. B’hekk sibt ruħi qed niffoka fuq l-Għarbi u minn hemmhekk intbaħt kemm il-lingwa Maltija għandha għeruq Għarab isawwruha. Infatti l-Għarbi jitfa’ dawl fuq l-oriġini tal-Malti imma ta’ min isemmi illi min-naħa l-oħra, anki l-Malti jiftaħ bieb interessanti fuq l-Għarbi nnifsu. Forsi aħna stess lanqas napprezzaw li l-Malti li nitkellmu bih illum huwa tip ta’ Għarbi antik. Infatti meta studjużi tal-lingwa Għarbija jiġu Malta u jisimgħuna nitkellmu, jirrealizzaw li qed jisimgħu l-Għarbi ta’ madwar 800 sena ilu. Meta lura fis-snin l-Għarbi ġie ntrodott f’pajjiżna, peress li Malta hija gżira, l-lingwa baqgħet bħal fossilizzata fil-limiti ta’ din l-art filwaqt li fil-bqija tad-dinja Għarbija, l-Għarbi kompla jiżviluppa. Dan wassal biex biż-żmien inġbidt lejn din il-logħba ħelwa fejn il-Malti u l-Għarbi jservu bħal lenti li bihom wieħed jiffoka minn wieħed għall-ieħor u kull darba joħroġ xi aspett ġdid minnhom. Per eżempju dan l-aħħar qed nikkunsidraw l-evidenza illi aktarx id-djaletti Maltin, għall-kuntrarju ta’ kif konna naħsbu qabel, mhumiex kliem Malti ‘mgħawweġ’ imma kliem kif oriġinarjament ġie introdott minn djaletti differenti Għarab.”

    Dr Dennis Mizzi beda din it-triq tiegħu mill-istudju tal-arkeoloġija…

    “Bħal sħabi nista’ ngħidlek li ħaġa twasslek għall-oħra. Sa minn meta kont żgħir kont nintilef insegwi d-dokumentarji arkeoloġiċi speċjalment dwar il-pajjiżi tal-QumranLvant. Eventwalment sibt ruħi qed nistudja l-arkeoloġija fejn komplejt nikkonferma l-passjoni tiegħi għas-suġġetti dwar il-Feniċi, is-Syro-Palestine, l-Iżrael u l-Eġittu. Maż-żmien xtaqt insir naf aktar dwar dawn il-postijiet u b’hekk irrealizzajt illi apparti l-arkeoloġija tagħhom kelli nitgħallem ukoll xi lingwa minn dan ir-reġjun sabiex b’hekk inkun nista’ nifhem aktar b’mod globali. Bdejt bl-Ebrajk u ntlift wara l-opportunitajiet li fetħitli din il-lingwa. Għalhekk meta ġejt biex nispeċjalizza u ddeċidejt li nintegra l-arkeoloġija mal-interess lingwistiku li kont żviluppajt fl-Ebrajk, ftit ftit sibt ruħi niddedika l-istudji tiegħi lill-manuskritti tal-Baħar il-Mejjet. B’hekk apparti li nistudja lilhom għall-kontenut ideoloġiku u teoloġiku tagħhom, kont ukoll qed nirriċerka dwar is-sit arkeoloġiku fejn dawn instabu. Aktar ma tfittex tispiċċa biex tinteressa ruħek fil-poplu nnifsu u allura fil-kultura tiegħu biex tifhem aħjar il-kuntest ta’ dawk iż-żminijiet.U peress li dak il-perjodu kien Ħellenistiku kelli bżonn nistudja wkoll il-Grieg u l-Aramajk.”

    Quddiem għajnejja bħal feġġet it-tixbieħa ta’ qatra linka skura li taqa’ fuq karta xuga bajda u minnufih minnha, f’temp ta’ sekondi, jinfirxu ħjut u friegħi twal matul il-karta kollha…. il-ġmiel tal-opportunità li ssir taf dejjem aktar. Infatti t-tliet individwi intervistati saħqu miegħi illi aktar ma tistudja u ssir taf dwar diversi suġġetti, iżjed tifhem kemm fadallek aktar x’tiskopri, tant li jekk trid, ma tieqaf titgħallem qatt!

    Intant sirt naf illi l-Prof. Frendo dalwaqt ser ikun qed jippubblika ktieb li ilu ħafna jaħdem fuqu bit-titlu: Pre-Exilic Israel, The Hebrew Bible, and Archaeology: Integrating Text and Artefact. Dan il-ktieb jirrifletti dwar waħda mill-problemi li ilhom jaffaxxinawh ħafna – dik kif wieħed jirrelata l-evidenza materjali mal-evidenza lingwistika mingħajr ma jħallathom. Min-naħa l-oħra fost xogħolijiet oħra tiegħu, Dr Zammit kien wieħed mill-ko-tradutturi tal-Koran mill-Għarbi għall-Malti f’verżjoni aċċettata mill-Misilmin. U finalment, Dr Mizzi għandu numru ta’ artikli li jispeċjalizzaw dwar il-manuskritti magħrufa bħala d-Dead Sea Scrolls u bħalissa qiegħed fil-proċess li jippubblika t-teżi tad-dottorat.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tal-20 ta’ Frar 2011)

    2011.02.20 / 2 responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WIRJA ETNOGRAFIKA TA’ VARI PROĊESSJONALI

    Kultant ikun hemm post li għal xi raġuni jew oħra tiddeċiedi li tevitah…. hekk ġrali bil-Palazz tal-Inkwiżitur li jinsab fil-Birgu. Mingħajr qatt ma żortu, bnejt opinjoni Il-Palazz tal-Inkwiżitur, Birgunegattiva dwaru, bbażata fuq il-kunċett mistkerrah tal-inkwiżizzjoni. Iżda, lekċer partikolari li attendejt għalih dil-ġimgħa, qalibli ħsibijieti ta’ taħt fuq u tefa’ dawl qawwi ta’ għarfien dwar x’seħħ tassew f’dawk iż-żminijiet. Għaldaqstant tħajjart nagħmel daqsxejn riċerka dwar dan il-palazz u fostom skoprejt li dal-bini kien l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa li kien għadu eżistenti u fuq kollox miftuħ għall-pubbliku. Apparti minn hekk sibt illi dal-palazz iħaddan fih ukoll bosta affarijiet interessanti, fostom Mużew Nazzjonali tal-Etnografija u diversi esebizzjonijiet. Irrealizzajt li wara kollox, dak li qatt ġara f’dal-palazz,  kien jifforma parti mill-passat ta’ niesi u allura ma stajtx naħarbu aktar…

    Il-kuratur anzjan tal-etnografija, Godwin Vella, laqa’ mill-ewwel it-talba tiegħi biex inżur dan il-post u għalhekk irħejtilha lejn il-Birgu. Wasalt quddiem il-palazz faċilment u did-darba ma ħallejtx lil dal-bini kbir u għoli jintimidani. Kull inċertezza kompliet tisfuma fix-xejn hekk kif intbaħt li wħud mill-ħaddiema tal-palazz kienu ħbieb antiki tiegħi fi żmien l-iskola sekondarja. Dur minn hemm u itla’ minn hawn, finalment wasalna fl-uffiċċju tal-kuratur.

    “Dawn id-diżlivelli, turġien u kurituri huma xhieda ċara tat-tibdiliet li saru f’dan il-palazz. B’xorti tajba, għand kull min għadda dal-palazz, għalkemm bosta minnhom żieduGodwin Vella u rranġaw fih, dawn qatt ma waqqgħu kollox u bnew mill-ġdid. B’hekk il-faxxinu ta’ dal-post huwa illi jekk wieħed ikun kapaċi jaqra dawn il-bidliet fil-binja, jkun jista’ jilmaħ l-iżvilupp arkitettoniku li sar f’Malta bejn is-seklu 15 u s-seklu 18.  Tajjeb ngħidu li partijiet mill-palazz huma magħrufa bħala eżempji eċċezzjonali arkitettoniċi, bħal ngħidu aħna l-bitħa mibnija fi stil Gotiku jew it-taraġ ewlieni li huwa wieħed mill-ifjen spazji barokki.”

    Madakollu, dan l-aħħar, waqt xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-bini, moħbi taħt sekli ta’ tibjid, instab li l-palazz kellu ħafna aktar x’jirrakkonta…

    “Sa ftit tax-xhur ilu dejjem konna ngħidu, naħsbu u nemmnu li dan il-palazz oriġina madwar l-1530. Iżda r-riżultati li qed joħorġu waqt proġett ta’ konservazzjoni fil-parti tal-Castellania jindikaw biċ-ċar illi l-binja oriġinali tmur lura għall-medju evu. M’għandnix ħafna imma l-fdalijiet huma konsistenti. Nixtieq niċċara illi fl-ebda ħin ma għamilna skavi fuq il-post, imma sempliċiment waqt it-tneħħija tas-saffi ta’ tibjida wara l-oħra, qed jinkixfu karatteristiċi medjevali.

    Meta l-Ordni waslet f’Malta fl-1530, hija għażlet il-Birgu bħala l-belt kapitali l-ġdida minflok l-Imdina u hawnhekk hija bniet il-bini pubbliku tagħha. Infatti l-Ordni tefgħet għajnejha fuq l-inħawi li jibdewArkitettura fil-Palazz tal-Inkwiżitur minn Triq il-Mina l-Kbira fil-Birgu sal-bidu tal-Kalkara u hemm hi bdiet takkwista xi artijiet u postijiet għaliha. Mill-informazzjoni li għandna jidher li fil-Birgu l-Ordni sabet xi bini medjevali li kien qed jiffjorixxi għad-dell ta’ Kastell Sant’Anġlu u allura riedet tara kif ser tinfilza l-bini tagħha ma’ dak li kien hemm diġà. Kien hemm każi fejn l-Ordni xtrat xi binjiet u waqqgħet biex tibni mill-ġdid dak li kellha bżonn, bħal fil-każ tal-bini tal-isptar ta’ Santu Spirtu li llum huwa l-Kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura. Iżda fil-każ tal-Castellania jidher li ġara bil-kontra, fejn il-bini eżistenti sarulu xi alterazzjonijiet bħal twaqqgħu xi soqfa u tbaxxew xi ħitan imma mill-bqija l-pjanta eżistenti nżammet u kompla jinbena fuqha.”

    Meta fl-1571 l-Ordni mxiet għall-Belt Valletta, uħud mill-binjiet tagħha bdew jintużaw għal skopijiet oħra. Fostom fl-1574, meta l-Monsinjur Pietro Dusina wasal f’Malta biex iwettaq vista pastorali tal-gżejjer u anki biex jaqdi l-funzjoni bħala l-ewwel inkwiżitur ġenerali, l-Gran Mastru La Cassiere offrielu dal-palazz bħala s-sede uffiċċjali tiegħu.

    “Monsinjur Dusina kellu żewġ rwoli prinċipali: r-rwol ta ambaxxatur, dak li llum insejjħulu n-nunzju appostoliku u r-rwol ta’ inkwiżitur fejn hu kellu r-responsabbiltà li jgħallem lin-nies jgħixu skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

    Il-palazz li issa kien sar magħruf bħala ‘tal-inkwiżitur’, kien maqsum fi tliet sezzjonijiet. L-aktar waħda spettakolari kienet il-piano nobile fejn hu kien jaqdi l-parti tiegħu bħala ambaxxatur u fejn allura Il-kappella fil-Palazz tal-Inkwiżiturkellu l-uffiċċji tiegħu u tal-ħaddiema li kellu bżonn. Fl-istess sezzjoni l-inkwiżitur kellu wkoll l-appartament privat tiegħu li kien jinkopora numru ta’ swali ta’ ċertu daqs u statura u anki kappella privata. Kien hemm żmien meta kien hawn żewġ appartamenti f’dan il-palazz imma llum għad fadal biss l-aħħar wieħed li nbena. It-tieni sezzjoni kienet isservi għall-funzjoni marbuta mal-inkwiżizzjoni u allura nsibu t-tribunal fejn kienu jinstemgħu l-każi, il-ħabs u l-kamra tat-tortura. Kollox kien isir taħt segretezza kbira fejn min jissejjaħ hemm ġew, kellu jżomm ħalqu magħluq dwar dak kollu li jkun ġara hemmhekk. Iżda min-naħa l-oħra, dak kollu li ntqal waqt dawn il-każi, ġie mniżżel bi skruplu kbir sal-inqas dettall f’dokumenti apposta li llum jinsabu miġbura f’parti mill-Mużew tal-Kattidral tal-Imdina. It-tielet sezzjoni kienet tikkonċerna l-aspett domestiku u fostom tinkludi l-kċina, xi mħażen tal-ikel u oġġetti oħra.

    Ħafna nies għandhom impressjoni ħażina ħafna ta’ daż-żmien f’Malta peress li jqabblu lil din l-inkwiżizzjoni Rumana mal-ħruxija tal-inkwiżizzjoni medjevali jew dik Spanjola. Madanakollu f’Malta jingħad li l-inkwiżizzjoni kienet aktar kawta u li l-iskop prinċipali tagħha kien aktar ibbażat fuq ir- riforma milli fuq il-kastigi u t-tortura.”

    Diversi inkwiżituri oħra li kienu joqogħdu fil-palazz komplew jixtru xi proprjetà tal-madwar u jniffduha mal-bini ħalli jkomplu jkabbruh uPalazz tal-Inkwiżitur, Birgu (3) jsebbħuħ. Il-palazz għadda f’idejn diversi individwi, fostom anki f’idejn uffiċċjali Ingliżi li użawh bħala l-kwartieri tagħhom u huma wkoll adattawh għall-esiġenzi ta’ dak iż-żmien.

    “Għalkemm hemm min ma jaqbilx ma’ dawn l-interventi li saru fuq il-palazz matul iż-żminijiet, nistgħu ngħidu li dawn it-tibdiliet li saru kienu sagrifiċċji żgħar biex il-bini baqa’ ntatt. Kien proprju minħabba li l-palazz dejjem instablu użu li hu baqa’ protett. Ix-xorti daħkitlu wkoll għax il-palazz għadda minn taħt gwerra qalila b’wiċċ il-ġid, ħlief għal xi marki tax-shrapnel mal-ħitan tiegħu.

    Huwa importanti li nsemmu wkoll il-ħafna xogħol ta’ restawr li sar fuq dan il-palazz fostom dak taħt id-direzzjoni tal-Kuratur Vincenzo Bonello fis-snin tletin meta l-bini ġie miftuħ bħala Mużew qabel il-gwerra u aktar tard fis-snin sittin meta l-Mużew reġa’ nfetaħ għall-pubbliku. Riċentement, il-Kuratur Kenneth Gambin għamel ukoll karriera ta’ snin sħaħ f’konservazzjoni kbira tal-bini fejn neħħa diversi artijiet tal-konkos u oġġetti oħra sabiex ħalla biss dak li hu tassew importanti storikament.”

    Fl-1981 parti mill-Palazz tal-Inkwiżitur inbidlet f’Mużew tal-Folklor. U aktar tard, fl-2003 il-Palazz ġie assenjat lill-Heritage Malta u l-post ġie individwat bħala Mużew Nazzjonali tal-Etnografija.

    “B’etnografija qed nifhmu l-kultura, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tas-soċjetà, kemm dik urbana u kemm dik rurali. Heritage Malta għandha tliet mużewijiet oħra ddedikati għall-etnografija li kollha Esebizzjoni Permanenti - Mużew Nazzjonali tal-Etnografijaqegħdin f’Għawdex: tnejn fiċ-Ċittadella; il-Mużew u l-Ħabs u l-oħra hija l-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra. Il-kunċett huwa illi dawn flimkien joffru perspettiva in ġenerali tal-kultura Maltija: dal-palazz jagħmel enfażi fuq il-kultura reliġjuża u dik urbana, filwaqt li dawk t’Għawdex jiffukaw aktar fuq il-kuntest rurali; id-drawwiet u s-snajja. B’hekk b’dawn is-siti qed nagħtu stampa kkulurita, għalkemm mhux kompluta, tal-kultura u l-identità Maltija kif żviluppat f’dawn l-aħħar sekli.”

    Fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija wieħed isib numru ta’ esebizzjonijiet permanenti li juru l-kultura urbana u reliġjuża ta’ pajjiżna. Fostom laqgħatni ħafna mudell mill-isbaħ u mill-aktar dettaljat tal-Mandraġġ. Barra minn hekk minn żmien għal żmien, Heritage Malta torganizza numru ta’ attivitajiet minn dan il-post…

    “Bħala Mużew, minn sena u nofs ‘l hawn, ħloqna programm ta’ attivitajiet annwali li jitrattaw l-aspett intanġibbli tal-patrimonju Malti fostom it-Mudell tal-Mandraġġtradizzjonijiet u d-drawwiet antiki. Dawn jinkludu l-festival tal-logħob tradizzjonali u attività annwali li għandha x’taqsam mal-kultura tal-festi. Is-sena li għaddiet għamilna wkoll wirja bbażata fuq l-armar tal-festi u dis-sena bħala t-tieni edizzjoni tagħha, qed niffukaw fuq il-vari titulari jew proċessjonali, kemm dawk li joħorġu minn festi primarji, kemm dawk sekondarji u kif ukoll minn knejjes oħrajn li mhumiex parroċċi. Forsi ftit jafu li f’Malta hawn kważi il-fuq minn 110 statwa li joħorġu kull sena f’purċissjoni u bejniethom dawn saru fuq medda ta’ 400 sena, fejn l-iktar waħda antika hija l-Bambina tal-Isla u l-aktar ġodda nħadmu wara s-sena 2000.

    Din il-wirja ser tkun tikkonsisti f’numru ta’ minjaturi ta’ dawn l-istatwi li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew mislufa lil Heritage Malta minn għadd ta’ kollezzjonisti dilettanti. Minħabba problema ta’ spazju ma kienx possibbli li ninkludu rappreżentazzjoni ta’ kull statwa eżistenti. Madanakollu ffukajna fuq selezzjoni li turi b’mod partikolari l-iżvilupp artistiku tal-istatwi filwaqt li tagħti wkoll idea ċara tal-esponenti ewlenin ta’ dawn ix-xogħolijiet, kemm dawk Maltin u anki wħud barranin. Xorta waħda iżda, kull min jattendi għall-wirja, ser jingħata fuljett b’informazzjoni bażika dwar l-istatwi kollha oriġinali.”

    Għalkemm il-wirja fetħet il-bieraħ u ser tkompli għaddejja sat-3 t’April 2011, għall-ġurnata ta’ llum biss, ser ikun hemm attività speċjali li mhux ta’ min jitlifha!

    “Il-Ħadd, apparti l-wirja li semmejna,  fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, ser ikollna  wkoll attività prinċipali fejn numru ta’ nies tas-sengħa se jkunu qed jagħmlu xogħol relatat ma’ dal-qasam tal-istatwi Palazz Inkwiżitur, Birgu (2)fil-minjaturi. B’xorti tajba l-kollezzjonisti tal-istatwi f’Malta huma numerużi ħafna u għalhekk hawn suq interessanti li jirrendi ruħu f’numru ta’ snajja’ u arti relatati. Infatti min jattendi għall-wirja ser ikun jista’ jara mhux biss il-minjaturi imma anki kif jinħadmu permezz ta’ individwi li ser ikunu  qed jagħmlu xogħol fit-tafal, xogħol fuq il-bradelli u xogħol fuq il-pewter.

    Primarjament din l-attività ġiet maħsuba għall-familji u għalhekk ser issir bejn is-1:00pm u l-5:00pm filwaqt li l-prezz tad-dħul tnaqqas konsiderevolment: €2 kull adult u tfal taħt it-12 il-sena jidħlu b’xejn. Barra minn hekk, għal min ikun jixtieq, bil-ħlas ta’ €1 oħra jkun jista’ jidħol ukoll fil-Mużew Marittimu.”

    Iżda dan mhux kollox, għax nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar 2011, bejn is-6:00pm u t-8:30pm, ser jiġi organizzat seminar b’numru ta’ kelliema li ser jiddiskutu dwar diversi aspetti tal-vari titulari.

    “Dan l-avveniment huwa maħsub biex jilħaq ukoll settur ta’ nies li jinteressawhom aspetti oħra tal-vari titulari. Id-dħul għal dan is-seminar huwa bla ħlas. Il-kelliema li ser jieħdu sehem m’għandhom Poster tal-Wirjabżonn tal-ebda introduzzjoni: Rev. Fr. Gino Gauci, H.E. Dr. Ray Bondin, Mr. Charles Coleiro, Mr. Mario Coleiro u Mr. Victor Caruana. L-aspetti li ser jitkellmu dwarhom huma varji u jinkludu fostom l-aspett teoloġiku tal-vara u l-aspett tal-iżvilupp artistiku. Ma jistax jonqos li jiġi trattat ukoll l-aspett folkloristiku fejn naraw id-dimensjoni differenti li tieħu l-vara hekk kif toħroġ mill-knisja. Il-festi parrokkjali ta’ pajjiżna huma ħafna aktar minn ċelebrazzjonijiet ikkuluriti. Huma manifestazzjoni importanti ta’ soċjeta’ reliġjuża li tiltaqa’ biex tesponi pubblikament id-devozzjonijiet li waslu għandha tul is-sekli. Il-festi jilħqu bilanċ sottili bejn ir-reliġjuż u s-sekulari, tant li ħafna drabi ma jibqax distinzjoni bejn it-tnejn. Għalkemm reliġjużi fin-natura tagħhom, il-festi Maltin iħaddnu patrimonju kulturali ta’ identita’ nazzjonali u wirt intanġibli li jinkludi ċerimonji solenni u pompużi, mużika, artistrija, ċelebrazzjonijiet popolari, piroteknika u ikel. U dan kollu ser jiġi diskuss u trattat f’dan is-seminar li qed nippreżentaw.”

    Ma stajtx nirreżisti milli nitlob lil Godwin jeħodni dawra mal-palazz fejn fostom laqqagħni wkoll maż-żewġ kuraturi sħabu li flimkien miegħu jieħdu ħsieb dal-post (għalkemm l-aħħar kuratur għadu jibda dil-ġimgħa). Kif qalli Godwin, il-palazz huwa ġojjell arkitettoniku u anki bejta interessanti ta’ numru ta’ oġġetti li jixhdu l-kultura tagħna l-Maltin.

    “Nistqarr miegħek li kultant mhiex daqshekk faċli li żżewweġ iż-żewġ aspetti f’daqqa, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Palazz tal-Inkwiżizzjoni u l-Mużew tal-Etnografija. ImmaPalazz tal-Inkwiżitur, Birgu (1) ftit ftit qed nippruvaw intejjbu l-esperjenza ta’ dawk li jiġu jżuru dan il-post billi qed naħdmu biex nerġgħu nlibbsu l-palazz bid-dehra grandjuża u sofistikata li kellu qabel. Pjan ieħor prinċipali tagħna huwa li nagħmlu lil dal-palazz kemm jista’ jkun aċċessibbli għall-pubbliku. Infatti sa tliet snin ilu kien hawn inqas minn nofs il-palazz li ma kienx miftuħ, mentri llum il-viżitaturi jistgħu jżuru madwar żewġ terzi minnu. F’dawn l-aħħar snin qed nieħdu wkoll in konsiderazzjoni l-kummenti li jħallilna l-pubbliku fir-reġistri tagħna u wara li ddiskutejna wħud minnhom ġie deċiż li noħolqu sekwenza madwar il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija sabiex b’hekk l-esperjenza madwar dawn il-postijiet tkun aktar informattiva u pjaċevoli.”

    Innutajt illi kienu qed isiru diversi xogħolijiet madwar il-palazz…

    “Ix-xogħol hawnhekk għaddej il-ħin kollu, kemm bħala konservazzjoni tal-bini u tal-esebizzjonijiet u anki fl-akkwist ta’ numru ta’ esebiti ġodda. Għalkemm strutturalment il-bini tal-palazz huwa pjuttost solidu, jien inħobb inqabblu ma’ silġa għax li kieku kellu jieqaf il-manteniment tiegħu, mill-ewwel jibda jinħall u jiddeterjora.”

    Bi pjaċir sirt naf illi l-attendenza f’dan il-palazz tilħaq l-40,000 viżitatur fis-sena, li minnhom 6000 huma tfal tal-iskejjel, 9000 oħra huma Maltin u l-bqija barranin. Il-Palazz Attività edukattiva fil-Palazz tal-Inkwiżiturtal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija joffru wkoll l-opportunità lil min jixtieq jagħmel xi xogħol volontarju f’dan il-post.

    “Kull min jixtieq jgħin huwa apprezzat ħafna. In-natura tax-xogħol tvarja sewwa hawnhekk, skont x’ikun irid jagħmel l-individwu. Hawnhekk jista’ jsir xogħol amministrattiv, xogħol ta’ riċerka jew anki xogħol ta’ manteniment tal-bini.”

    Il-Palazz tal-Inkwiżitur flimkien mal-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija jkunu miftuħin kuljum id-9:00am u l-5:00pm bl-eċċezzjoni ta’ xi ġranet partikolari. Aktar dettalji dwar dan is-sit u anki dwar siti oħra ta’ Heritage Malta jinsabu fuq il-website www.heritagemalta.com

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-13 ta’ Frar 2011)

    2011.02.13 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • IT-TNEBBIH TA’ ĦOLMA

    Sue Flask Kultant jiġi żmien meta tinduna li ħajtek ħadet rotta li ma twassal għal imkien jew almenu mhux għal dak il-post li tixtieq int. Tibda tħossok qisek qiegħed fuq it-tren żbaljata li b’veloċità qawwija qed tgħaddi minn postijiet li forsi inti xtaqt tieqaf fihom u tgawdihom. Jibda jgħaddi minn rasek li tieqaf fl-istazzjon li jmiss jew li saħansitra taqbeż minn fuqha u tiskappa. Imma did-deċiżjoni mhiex faċli daqs kemm tinstema’. Għax miegħek, fuq dik it-tren, hemm ukoll għadd ta’ bagalji magħmula minn esperjenzi, memorji, konoxxenzi u sigurtajiet li mhux la kemm tħallihom warajk. Trid ħafna kuraġġ biex tagħżel li tibdel għax jekk dik it-tren qed tieħdok fejn ma tixtieqx, ma’ tren oħra xorta waħda m’għandikx il-garanzija li ser tkun kuntent. Iżda jekk tassew trid tasal fl-art mixtieqa, fir-realtà m’għandikx għażla oħra…

    “Ħassejtni qisni qed noqtol lili nnifsi ftit ftit, inpinġi għalija biss id-dar,” stqarret miegħi Sue Flask, l-artista li ntervistajt dil-ġimgħa.

    “Sa minn meta kont żgħira, kont inħobb inpinġi ħafna. Kull fejn tarani, kont inkun qed inħażżeż xi ħaġa. Iżda ma kontx inqis it-tpinġija tiegħi bħala talent għax kont naħseb li kulħadd kien kapaċi jpinġi bħali.

    Dak iż-żmien fil-primarja ma kienux jgħallmuna l-arti. Ironikament, darba kultant kien jiġi għalliem tal-arti fil-klassi li kien jagħżel lis-subien u jagħtihom lezzjoni filwaqt li lilna l-bniet kienet teħodna magħha għalliema oħra u tħarriġna fil-ħjata, irridu jew ma rridux. Darba biss, fis-snin tal-primarja kollha, ġie għalliem tal-arti u ta lezzjoni lil kulħadd!

    Madanakollu n-namra lejn l-arti kompliet tikber, probabbilment minħabba li missieri kien fotografu u kienu jogħġbuni ħafna r-ritratti li kien jieħu. Meta kelli xi disgħa snin, bagħtuni nitħarreġ fl-Iskola 13  Paul 2008 - Oils on canvas - Honourable Meniton 2008 - 60x60cm SOLDtal-Arti tal-Belt għat-tliet xhur tas-sajf u hemm għaraft li t-tpinġija kienet tassew għal qalbi. Sfortunatament, fl-iskola li kont nattendi, lanqas fis-sekondarja ma kienu jgħallmu l-arti. Imma webbist rasi u wara aktar taħriġ fl-Iskola tal-Arti, għamilt l-eżami fil-livell Ordinarju u mort tajjeb ħafna. Għamilt il-qalb u bdejt inpinġi fuq li npinġi d-dar. Għadda ż-żmien u sibt xogħol bħala skrivana mal-gvern. Iżda wara x-xogħol, xorta waħda kont bqajt immur ngħaddi sagħtejn fl-Iskola tal-Arti għax hekk biss kont inħossni qed ngħix f’dinja. Finalment għamilt aktar eżamijiet u akkwistajt diploma u anki ċertifikat f’livell Avvanzat.

    Wara sitt snin naħdem bħala skrivana bdejt inħossni fgata. Kont ċerta li kont kapaċi nagħmel aktar minn hekk. Ma stajtx nimmaġinani nibqa’ nagħmel dak ix-xogħol għal ħajti kollha. Bdejt nitħajjar nidħol l-università. Dejjem xtaqt nara dik l-atmosfera li jkun hemm hemmhekk. Bdejt intella’ u nniżżel għax sibt min jaqtagħli qalbi. Kien hemm min wissieni li kelli job tajjeb biżżejjed u li għalhekk ma kellix għalfejn inbiddel. Oħrajn qaluli li issa kont kbirt u l-istudju ma kellix bżonnu. Għaddiet sena u m’applikajtx imma s-sena ta’ wara għalaqt għajnejja u bla ma għedt lil ħadd, dħalt għall-kors tal-arti fl-università bħala studenta matura. Ma stajtx ma nippruvax. Hekk jew hekk kienu ma rnexxiliex ngħaddi mill-eżamijiet kont immur lura minn fejn ġejt.”

    Iżda l-istorja tispiċċa tajjeb ħafna għax Sue mhux biss gradwat imma issa hi għalliema tal-arti fil-primarja fejn tista’ tgħaddi din l-imħabba19 James 2010 - Oils on Board 80x60cm tagħha lil bosta tfal. Kelli kurżità jekk it-tfal jeħdux gost waqt il-lezzjoni tal-arti. Aktar minn hekk, jekk hawn min isostni li artist jitwieled, kienet kapaċi tindividwa fost l-istudenti tagħha, lil min seta’ jkollu suċċess f’dal-qasam?

    “Tara differenza fit-tfal. Hemm min jieħu pjaċir waqt il-lezzjoni tal-arti, hemm min ma tantx u mbagħad issib lil dawk li dik il-lezzjoni tkun għal qalbhom ħafna. Tara tfal li jippromettu imma xorta waħda ma tistax tgħid min jista’ jkun li jirnexxi minnhom. Ikun hemm uħud li jpinġulek oġġett eżatt u bi preċiżjoni kbira filwaqt li student ieħor jidher li qed iċaflas ħdejhom. Imma ara l-arti ta’ Jackson Pollock u tifhem x’qed ngħidlek. Għax wara kollox, x’inhi l-arti n-nies jiddeċiedu u tirnexxi biss skont kemm tintogħġob u tinbiegħ l-arti tiegħek.”

    Artist titwieled jew issir?

    “Jiena nemmen li artist jitwieled u mhux isir. Għalija il-kapaċità ta’ artist veru hija l-istess waħda li tindividwa bejn pjanist tajjeb ħafna u l-ġenjożità ta’ Mozart. Aħna l-artisti kollha nixxenqu li għandna dik il-kwalità fina imma nafu sewwa li mhux kollha aħna ta’ dak il-livell. Personalment nipprova naħdem ħafna biex ix-xogħol tiegħi javvanza fil-kalibru dejjem aktar. Jiena bniedma ambizzjuża ferm u hekk kif nara xi biċċa xogħol li għamel ħaddieħor li hija ta’ livell għola minn tiegħi, nibqa’ nipprova sakemm nagħmilha u  jekk jista’ jkun, nagħmel xi ħaġa isbaħ.”

    Sue kompliet tispjegali li kull medium jagħtik is-sodisfazzjon tiegħu…

    “Pinġejt diversi suġġetti b’materjali differenti fostom biż-żejt, bl-acrylic, biċ-charcoal, bis-soft pastel u bil-gouache. Ħdimt ħafna bl-abjad u l-iswed biex nirfina t-tattika tad-dellijiet u d-dawl, fejn kull 18 Kat's Joaaeefoa 2010 - Oils on Board 100x80cmspazju jirrikjedi natura ta’ sfumatura partikolari. Hekk kif rajt li lħaqt ċertu livell għaddejt għall-kulur. Imma eventwalment deherli li xtaqt nieħu linja partikolari u nipperfezzjona ruħi fiha. Għaldaqstant għażilt li niffoka fuq il-portraits – l-uċuh tan-nies. Jaffaxxinawni ħafna l-għajnejn tal-bniedem, għalhekk nieħu gost inpinġi l-uċuh. Il-varjetà fl-uċuh tan-nies tagħmel dax-xogħol interessanti ferm. Kien dan li wassalni biex nibda nimrah li npinġi lil nies oħra wara li tħarriġt fuq għadd ta’ portraits ta’ wliedi stess. Għamilt naqra kuraġġ u bdejt inxerred il-kelma li qed inpinġi l-portraits u ftit ftit, bdew ġejjin il-klijenti.”

    Infatti din l-intervista tnisslet hekk kif darba minnhom iltqajt ma’ xi xogħol ta’ Sue. L-interpretazzjoni tagħha tal-uċuh u speċjalment tal-għajnejn hija impressjonanti ferm, tant li ċertu xogħolijiet, meta tarahom mill-bogħod, taħlef li huma ritratti. Xtaqt inkun naf x’tipprova toħroġ minn wiċċ u liema tip ta’ wiċċ kien l-aktar diffiċli biex tpinġi.

    “L-ewwel nett nipprova noħroġ ix-xebħ għax jekk tibdel fattizz wieħed, tibdel il-bniedem għal kollox. Tagħmel imnieħer naqra itwal jew għajnejn naqra ikbar u daqshekk, ikollok wiċċ ħaddieħor. Imma fl-aħħar mill-aħħar il-punt kruċjali huwa li l-għajnejn ikunu ħajjin. Infatti dak kien is-sigriet tas-suċċess wara l-portrait Joaaeefoa li juri t-tifla tiegħi b’ġiraffa f’idejha u li għalih, is-sena li għaddiet, irbaħt l-ewwel premju f’kompetizzjoni nazzjonali tal-arti.

    Bħala diffikultà fit-tpinġija tal-uċuh, hemm min jaħseb li l-aktar iebes huwa l-wiċċ tal-anzjan. Imma fil-fatt, it-tikmix jagħmilha aktar faċli biex tibni wiċċ. Huwa wiċċ it-trabi u t-tfal li fih sfida kbira għax wiċċ lixx trid tara kif ser tagħmel biex ma jiġix jidher plastiku. Trid issib mod kif ser toħroġ id-dettalji u l-karattru ta’ dak li jkun.”

    Ġieli pinġejt lil xi ħadd u ma kienx kuntent bix-xogħol?

    “Ġieli tiġri, għalkemm rari. Normalment ikunu persuni li jkollhom perċezzjoni differenti dwar kif jidhru u meta jaraw l-interpretazzjoni tiegħi, jidhrilhom li dik ix-xbieha ma tirrappreżentax lilhom. Però 03 Patrick ii - 2010 - Graphite drawing on A3 paperġeneralment in-nies ikunu kuntenti ħafna b’xogħoli. Nieħu gost nara r-reazzjoni tagħhom hekk kif jaraw it-tpinġija. Il-ħarsa li jagħtuha, hekk kif jieqfu ċċassati quddiemha, tagħtini wisq sodisfazzjon. Fil-fatt nagħmel naqra buri meta ġieli jiġi xi ħadd u jaqbad u jieħu x-xogħol bla ma jgħidli xejn.”

    Kif isiru t-tpinġijiet? Ikollok mudell quddiemek jew mir-ritratti?

    “It-tfal tiegħi għadhom żgħar wisq biex joqogħduli għal ħin daqshekk twil fl-istess pożizzjoni u nies oħra ma kellix lanqas. Għalhekk naħdem mir-ritratti. Normalment nitlob iktar minn ritratt wieħed għax kultant persuna kapaċi tiġi totalment differenti minn ritratt għall-ieħor. Daqqa jkun każ ta’ dawl, ġieli għax waħda tgħolli xagħarha, tillixxah jew tinnukklah… tiskanta x’differenza tagħmel. Anki l-karnaġġjon ta’ dak li jkun. Kultant taħseb li bniedem huwa ferm aktar ismar jew aktar bjond milli hu u mbagħad tarah quddiemek u tinduna li hu xort’oħra.

    Nixtieq ħafna li jkolli l-opportunità li jimmudellali xi ħadd għax hekk waqt li tkun qed taħdem, issir taf aktar lill-bniedem, u ċertament joħroġ ħafna aktar il-karattru tiegħu anki fit-tpinġija nfisha.”

    Sue saħqet miegħi kemm kien importanti li tpinġi ftit kuljum.

    “L-ewwel nett jekk ma npinġix ftit jaqbduni nervi kbar. Infatti r-raġel mill-ewwel jinduna meta jarani naqra urtata; jgħidli “jaqaw ma pinġejt xejn illum?”Barra minn hekk, hekk biss tista’ tavvanza ‘l quddiem. Jekk ma tipprattikax teħel fl-istess post u ma tarax progress f’xogħolok.”

    Sue kellha suċċess sabiħ f’numru ta’ kompetizzjonijiet però b’dispjaċir qaltli wkoll kemm f’pajjiżna ma tantx hawn fejn tikkompeti.

    “Il-kompetizzjoni tagħtik il-grinta biex tagħmel xogħolijiet ġodda u biex tara fejn wasalt ħdejn l-oħrajn. Tagħtik ir-rispons ta’ dawk li jiġġudikaw ix-xogħol tiegħek u ta’ dawk li jiġu jarawh. Tagħnik ukoll Giraffe 2009 - Art 12 [March09]bir-rikonoxximent li aħna l-artisti Maltin inbatu ħafna min-nuqqas tiegħu.”

    Kien hemm xi ħadd partikolari li xtaqet tpinġi?

    “Iva. Nixtieq li jkolli l-opportunità li npinġi lil xi ħadd magħruf sabiex b’hekk nakkwista naqra aktar popolarità. Imma m’għandi lil ħadd f’moħħi bħalissa.”

    Ħdejna, matul din l-intervista, kien hemm it-tifla tagħha Kathleen li mid-dehra wirtet sewwa t-talent t’ommha għax ma waqfitx tpinġi sekonda, u sabiħ ħafna wkoll!

    “It-titlu ta’ Joaaeefoa ħadtu minn tpinġija li għamlet hi stess ta’ ġiraffa u spelliet isimha hekk. Nara lili nnifsi f’binti meta kull fejn tmur ssibha tpinġi l-ħin kollu. Ċertament la tikber, għad tkun ħafna aħjar minni!”

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-6 ta’ Frar 2011)

    2011.02.06 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • WIRT IŻ-ŻEJTUN

    Kull meta nċempel lill-ġenituri tiegħi, tiġri ħaġa partikolari – awtomatikament naqleb l-istil tal-lingwaġġ għad-djalett Żejtuni u hekk kif naqta’, nerġa’ lura għal Malti tas-Dar antika fiż-Żejtunsoltu. Ma nagħmiliex apposta imma nieħu gost meta xi ħadd jiġbidli l-attenzjoni għal dan il-fatt għax fir-realtà nħossni kburija li jiena waħda minn dawk il-ftit li għadni kapaċi nitkellem bid-djalett Żejtuni. U akkost li llum mort noqgħod f’post ieħor, li huwa għall-qalbi ħafna wkoll, belt twelidi ż-Żejtun hija bħal dik l-ewwel imħabba, li trid jew ma tridx, ma tneħħiha qatt minn qalbek!

    Għalhekk meta dan l-aħħar sirt naf li kienet ser titwaqqaf l-għaqda Wirt iż-Żejtun, dlonk ikkuntattjajt lill-moħħ wara l-ħolqien tagħha, il-perit Żejtuni Ruben Abela.

    “Peress li minn dejjem kont kburi li jien Żejtuni, niftakar li meta kont għadni tifel u kont nattendi fi skola primarja tas-sorijiet, spiss kienu jħobbu jaqbdu miegħi għax kont miż-Żejtun. Aktar tard meta kbirt u bdejt naħdem, kienu joqogħdu jinkuni b’Santa Katarina u jsostnu miegħi li mhiex qaddisa. Imma jien qatt ma ħallejt lil ħadd b’xejn taf!”

    Illum Ruben jaħdem bħala Manager ma’ Heritage Malta fil-qasam tal-konservazzjoni u dan l-aħħar ġie nkarigat mill-proġetti kollha tar-restawr. Kelli kurżità jekk il-fatt li trabba’ f’belt tant storika bħal mhu ż-Żejtun, kellux sehem biex hu jaqbad din il-linja tax-xogħol?

    “Meta kont qed nistudja għall-perit, l-għan tiegħi dejjem kien li xi darba għad nagħti kontribut liż-Żejtun. Il-wirt storiku in ġenerali u l-protezzjoni tiegħu minn dejjem kienu l-linja tiegħi imma Ruben Abelanaturalment il-postijiet fiż-Żejtun niffoka fuqhom aktar. Infatti jiena l-perit responsabbli mir-restawr tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun, għalkemm dan l-aħħar dax-xogħol kellu jieqaf peress li m’hemmx fondi biżżejjed biex inkomplu.”

    Kif nibtet l-idea ta’ din l-għaqda Wirt iż-Żejtun?

    “Lejn l-aħħar tas-sittinijiet u l-bidu tas-sebgħiniejat kienet teżisti għaqda simili bl-isem Żejtun Historical Society li kienet immexxijja minn Walter Zahra.

    Nistqarr li kont ilni ħafna naħseb kif nista’ nagħmel biex noħloq aktar kuxjenza u interess dwar il-valur tal-wirt kulturali taż-Żejtun. Imbagħad is-sena l-oħra nnutajt fenomenu jseħħ dwar il-futbol, fejn iż-Żejtun Corinthians irnexxielhom joħolqu sapport kbir għat-tim tagħhom. Bejni u bejn ruħi għedt, jekk dawn irnexxielhom joħolqu xi ħaġa daqstant b’saħħitha, għaliex m’għandux jirnexxieli jien ukoll li nibni xi ħaġ’oħra simili imma dwar il-wirt storiku Żejtuni li jagħtina l-identità tagħna?

    Stħarriġt diversi ideat speċjalment permezz tal-facebook fejn bdejt intella’ xi paġni li kienu jinkludu vidjows u informazzjoni interessanti dwar iż-Żejtun. Xtarrejt il-possibilità li nwaqqaf fondazzjoni imma Logo - Wirt iż-Żejtunwara xi żmien deherli li jekk minflok noħloq għaqda, inkun qed inqarreb ħafna aktar lejn l-iskop aħħari tiegħi; dak li nqajjem kuxjenza dwar il-wirt kulturali taż-Żejtun. Minn hemm ħareġ l-isem Wirt iż-Żejtun u hekk kif ftaħt paġna fil-facebook taħt dan it-titlu u rajt li fi żmien sena, l-membri telgħu għal aktar minn 1300, ikkonfermajt li finalment kien wasal iż-żmien li nagħmel l-ewwel pass biex din l-għaqda ssir realtà.

    Inizzjalment bżajt li qed nimmira fl-għoli żżejjed u meta fit-3 t’Ottubru 2010 saret l-ewwel laqgħa, ma stennejtx aktar minn 20 persuna. Iżda minflok attendew 65 u l-entużjażmu tan-nies għamilli kuraġġ u wrieni biċ-ċar li dakinhar twieled Wirt iż-Żejtun. Infatti waqt l-istess laqgħa ġiet approvata r-riżoluzzjoni minn dawk preżenti u twaqqaf kumitat ad hoc li l-membri tiegħu huma Dr Malcolm Borg, Dr Joe Buttigieg, is-Sur Jesmond Cutajar, is-Sinjura Ninette Sammut, il-Perit Audrey Testaferrata de Noto u Dr Nadia Theuma. Dawn kienu ta’ għajnuna kbira b’mod speċjali fit-tfassil ta’ l-istatut ta’ l-għaqda.

    Fit-30 ta’ Jannar 2011 ser issir l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Wirt iż-Żejtun fejn dawk li jkunu ssieħbu bħala membri, jkunu jistgħu jikkontestaw jew jivvutaw għal diversi ħatriet konnessi mal-għaqda.”

    Intant bħalissa Wirt iż-Żejtun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet mingħand dawk li jixtiequ jissieħbu f’din l-għaqda. Tlabt lil Ruben jikkonfermali jekk il-membri kellhomx ikunu Żwieten biss?

    “Assolutament li le! Wirt iż-Żejtun mhiex għaqda ta’ grupp partikolari għax nemmen li l-wirt storiku huwa ta’ kulħadd. Ovvjament qed nistenna li l-maġġoranza ser ikunu Żwieten imma l-għaqda hija miftuħa għal kulħadd.

    Bi pjaċir ngħidlek li diġà għandna membri minn postijiet oħra li ngħaqdu magħna sempliċiment għax jinteressaw ruħhom fil-qasam tal-wirt storiku u għax raw xi ħaġa pożittiva f’din l-inizzjattiva. Triq fiż-ŻejtunSinċerament għalina, aktar ma jkun hemm diversità fil-membri, tant l-aħjar, għax jekk jissieħbu magħna nies li qed japprezzaw il-wirt taż-Żejtun u mhumiex minn din il-belt, allura dawn ikunu qed jagħtu eżempju lil dawk iż-Żwieten li forsi ma jkunux qed japprezzaw daqshekk.”

    X’ser ikun mistenni mill-membri ta’ Wirt iż-Żejtun?

    “Mill-membri ser ikun mistenni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-għaqda u li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom magħna. Finalment l-iktar kontribut importanti tagħhom ikun dak li jwasslu l-messaġġ lill-oħrajn dwar il-valur tal-wirt kulturali Żejtuni.”

    X’tip ta’ attivitajiet beħsiebkom torganizzaw?

    “Għal dis-sena diġà għandi programm t’attivitajiet imma naturalment irid jitwaqqaf il-kumitat l-ewwel.

    Nibda biex ngħidlek li nixtieq ħafna li niffukaw fuq it-tfal Żwieten sabiex nibdew inrawwmu fihom l-imħabba lejn belt twelidhom u ngħallmuhom japprezzaw is-sabiħ tal-post li jgħixu fih. Dan hu possibbli Dettalji arkitettonici ta' dar fiż-Żejtunbilli nersqu aktar lejn l-iskejjel u norganizzaw attivitajiet relatati mat-tfal u l-wirt kulturali. Meta kont kunsillier fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun, kont diġà bdejt xi ħaġa simili u nista’ ngħid li t-tfal ta’ dak iż-żmien telgħu b’ċerta mħabba lejn belt twelidhom. Huwa għalhekk illi f’Wirt iż-Żejtun ftaħna applikazzjonijiet b’rati speċjali għall-membri tfal.

    Ħsieb ieħor tiegħi huwa li kull sena norganizzaw symposium ma’ grupp ta’ esperti sabiex finalment minnu tinħareġ pubblikazzjoni. Idealment das-symposium ikun marbut mal-attivitajiet ta’ Żejt iż-Żejtun.

    Attivitajiet oħra ser jinkludu t-twaqqif ta’ numru ta’ heritage trails madwar inħawi differenti fiż-Żejtun. Ta’ min isemmi li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun diġà fassal xi ħaġa simili f’forma ta’ fuljett maħdum f’diversi lingwi.”

    X’funzjoni ser ikollha Wirt iż-Żejtun?

    “Eventwalment l-iskop tal-għaqda huwa illi flimkien inkattru l-interess u r-rispett lejn il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli li għaddewlna ż-Żwieten ta’ qabilna biex inħarsuh, nivvalorizzawh, inkattruh u ngħadduh liż-Żwieten ta’ warajna fl-aħjar stat possibbli, f’kull livell tas-soċjeta’ u fl-isfond ta’ żvilupp sostenibbli.

    Jiena nemmen li kull lokal għandu jkollu NGO simili. Din L-Art Ħelwa u Fondazzjoni Wirt Artna jagħmlu ħafna xogħol siewi madwar Malta kollha imma dawn ma jistgħux jagħtu l-attenzjoni diretta lil kullBini fiż-Żejtun lokal. F’dan il-punt ma nistax ma nsemmix ukoll ix-xogħol impekkabbli li għamel il-Kunsill Lokali taż-Żejtun fejn permezz tas-sottokumitat tal-arti u l-kultura, huwa għamel ġid kbir f’dik li hija ħolqien ta’ kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-lokal. Dan kollu sar permezz tal-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet fostom fil-promozzjoni tad-djalett, l-għana u l-poeżija. Iż-żmien meta kien hawn min jistħi li hu miż-Żejtun issa għadda u mar, grazzi għall-kampanja sħiħa li għamel il-Kunsill Lokali biex titneħħa l-immaġni negattiva li nħolqot minħabba parti mill-istorja tal-post. Tant hu hekk illi illum kunsilli oħrajn iħarsu lejn il-kunsill taż-Żejtun bħala suċċess.

    NGO bħal Wirt iż-Żejtun tista’ tkompli tibni fuq dan kollu. Kunsill lokali huwa marbut bil-liġijiet tiegħu u għandu ċertu limiti sa fejn jista’ jasal, bħal ngħidu aħna ma jistax jagħmel inizzjattivi f’qasam privat, mentri NGO tista’.  Anki f’dak li jirrigwarda fondi mill-Unjoni Ewropea, biex tingħata għajnuna f’dan il-qasam, jeħtieġ li jkun hemm NGO fil-lokal u bħalissa fiż-Żejtun m’hemmx NGO relatata.”

    Il-ħerqa u l-entużjażmu ta’ Ruben flimkien mal-ideat interessanti tiegħu ċertament ser isarrfu f’ġid kbir għal-lokal taż-Żejtun hekk kif jiġu attwati. Tkellimna dwar diversi proġetti li għandu ppjanati…

    “Forsi ftit jafu li ċ-ċangatura taz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Katarina fiż-Żejtun hija l-istess ċangatura li kien hemm fl-art tal-barracks tal-kavallieri ta’ Forti Rikażli. Sabu ruħom iż-Żejtun meta fi żmien l-Ingliżi, kuntrattur Żejtuni ġie mqabbad jaqla’ ċ-ċangatura tal-forti u dan wara ħadem bihom iz-zuntier tal-knisja. Xi snin ilu kien hemm lapida tal-irħam taħt il-bieb prinċipali tal-knisja li kienet tixhed din l-istorja. Sfortunatament xi vandali kissru din il-lapida u minflok ġiet irrestawratha, intremiet! Qed nittamaw li erbgħa snin oħra, Wirt iż-Żejtun jkun jista’ jikkommemora l-100 sena anniversarju taz-zuntier billi fostom nerġgħu nagħmlu lapida ta’ tifkira.

    Każ ieħor li ilu ħafna fuq moħħi hija l-Knisja ta’ San Girgor li ċertament hija waħda mill-akbar teżori li għandna ż-Żejtun. Hija magħrufa fost l-oħrajn bħala enċiklopedija tal-arkitettura peress li fiha Il-knisja ta' San Girgorgħandek l-istili kollha tal-arkitettura, ibda mill-perjodu sikolo-normann u ibqa’ sejjer sal-perjodu neo-klassiku. Iżda barra minn hekk din il-knisja antikissima tħaddan potenzjal kbir storiku u arkeoloġiku. Ngħidu aħna, taħt dil-knisja qatt ma ġie skavat b’reqqa u dan meta viċin sewwa tagħha, fl-inħawi tal-iskola sekondarja taż-Żejtun, instabu fdalijiet arkeoloġiċi ta’ villa Rumana. Infatti waslitli informazzjoni illi meta attwalment saru xi skavi żgħar taħt iz-zuntier, kien instab xi fuħħar li llum jinsab fil-mużew tal-knisja.”

    Marbuta wkoll mal-Knisja ta’ San Girgor hemm diversi kurżitajiet u misteri oħra li personalment nixtieq ħafna li xi darba narahom solvuti. Għaldaqstant ħassejtni tassew fuq ix-xwiek meta Ruben żerżaqli din l-informazzjoni…

    “Waħda mill-kurżitajiet li Wirt iż-Żejtun jista’ jixħet dawl fuqha hija l-ġrajja tal-passaġġi sigrieti li jinsabu fil-knisja ta’ San Girgor fejn ġew skoperti għadd ta’L-iskeletri tal-passaġġi sigrieti f'San Girgor skeletri umani. Sal-llum ħadd ma jaf eżatt kif dawn sabu ruħhom hemm imma jiena nħossni determinat biex niċċara din l-istorja darba għal dejjem. Jinħtieġu ħafna xogħol u fondi biex din il-mira ssir realtà fejn fostom għandi ppjanat li dan l-għadam jitpoġġa għal analiżi xjentifika.”

    Hija eċċitanti u sabiħa ferm is-sensazzjoni li tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jħaddan l-istess valuri u mħabba lejn xi ħaġa li tgħożż int. U ma ridtx wisq biex nifhem kemm Wirt iż-Żejtun ser tkun kapaċi tagħti das-sodisfazzjon lil dawk li jissieħbu magħha.

    “Permezz ta’ Wirt iż-Żejtun nixtieq naqsam dak kollu li naf u dak kollu li niskopri dwar dal-lokal. Naħseb li ormaj dħalt f’kull rokna possibbli tat-triqat taż-Żejtun biex inħuf u nsib ċertu dettalji prezzjużi li wħud miż-Żwieten stess tant drawhom li bilkemm jafu bihom. Fil-fatt ngħir ħafna għall-kappillan, għall-arċipriet, għall-qassisin u għall-politiċi li jistgħu jidħlu fid-djar tan-nies għax m’għandix dubju li hemm teżori ferm isbaħ wara l-ħitan ta’ bosta djar! Mhux darba u tnejn li ġew xi studenti li jkunu qed jagħmlu xi teżi partikolari u ħadthom jaraw xi eżempji, bħal ngħidu aħna numru ta’ muxrabiji li jinsabu ż-Żejtun.”

    Qabel nagħlaq din l-intervista tlabt lil Ruben jgħidli xi jfisser iż-Żejtun għalih?

    “Iż-Żejtun huwa l-post li trabbejt fih u għalhekk huwa marbut wisq ma’ qalbi. Huwa post li minnu ħarġu wħud mill-personalitajiet li nisġu parti mill-istorja u l-kultura Maltija. Barra minn hekk, il-postijiet differenti li jħaddan ġewwa fih huma xhieda tal-antenati tagħna li matul is-snin għoġobhom jibnu dawn il-binjiet u jieħdu ħsiebhom biex illum nistgħu ngawduhom aħna.

    Hija ħasra li ċertu nħawi lanqas iż-Żwieten stess ma jafu bihom, bħal ngħidu aħna lok partikolari li jinsab fit-tarf tar-raħal t’isfel, minn Villa Cagliaris il-fuq lejn il-Ħofra. Hemmhekk hemm l-unika parti taż-Ir-raħal t'isfel taż-ŻejtunŻejtun li ma nbenix bini modern fiha u għandek letteralment ħajt iffortifikat fejn il-parti ta’ wara tad-djar kollha m’għandhom l-ebda aperturi jagħtu għal fuq l-egħlieqi ta’ faċċata. Dan is-sit nistħajjlu mument maqtugħ fil-passat fejn permezz tiegħu nistgħu naraw kif kienet il-ħajja fiż-Żejtun fiż-żmien medjevali – raħal introvert, protett minn barra b’qoxra ta’ ħajt għoli żewġ sulari. Imbagħad għandek rixtellu antik li donnu serva bħala l-bieb tal-belt, fejn wieħed jista’ jara ċarament it-tranżizzjoni bejn iż-żona rurali u dik urbana.

    Huma dawn il-karatteristiċi partikolari li jagħtu dik l-identità unika lil kull post f’dinja globalizzata bħal ta’ llum. U l-idea ta’ Wirt iż-Żejtun hija propju li tiġbed l-attenzjoni għal dawn il-karatteristiċi. Biex Lino Psaila jtajjar il-manuċċinagħtik eżempju, dan l-aħħar jiena u wieħed minn uliedi konna qed induru n-noti tal-istudju soċjali fejn fostom kien trattat is-suġġett tal-logħob tat-tfal. Sentenza minnhom kienet issemmi t-tajra u inkludiet ukoll li hemm min isejjħilha ħamiema, naturalment għax f’Għawdex jafuha hekk. Imma anki aħna ż-Żwieten għandna kelma apposta għaliha – manuċċa. U għalhekk lil ibni għedtlu biex fl-eżami, apparti milli jniżżel il-kliem li għandu fin-noti tiegħu, iniżżel dik ukoll.

    Huma affarijiet li ninsisti ħafna fuqhom. Forsi jidhru bħala aspetti u karatteristiċi żgħar imma huma dawk li jagħtuk l-identità partikolari tiegħek bħala Żejtuni. Jiena nemmen li kollox huwa katina: il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, il-wirt li ħallewlna – kollox ma kollox jagħmlek dak li int. U finalment jidhirli li aħna obbligati nipproteġu dak li tħalla lilna u possibilment nħalluh f’kundizzjoni aħjar biex ikun jista’ jitgawda minn dawk li ġejjin warajna.”

    Għal aktar dettalji wieħed jista’ jikkuntattja lil Wirt iż-Żejtun permezz tal-facebook Wirt iż-Żejtun jew bl-email wirtizzejtun@gmail.com inkella jista’ jattendi għal-laqgħa li ser issir fl-10:00am, il-Ħadd 30 ta’ Jannar 2011.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-16 ta’ Jannar 2011)

    2011.01.16 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • MAĦLUQ GĦAL DINJA OĦRA

    Mhux darba u tnejn li nkun għaddejja fit-triq u nilmaħ qatta’ għasafar itiru fis-smewwiet, bosta drabi ħamiem, mitluqa liberi minn sidhom għal ftit tal-ħin. Taffaxxinani bird in the skydik l-abbiltà tagħhom li jtiru preċiżament flimkien, hekk kif iduru fuq naħa u mbagħad fuq oħra, bħallikieku kienu ħaġa waħda. Kultant tara wkoll xi waħda minnhom li ddabbar rasha minn mal-bqija, donnha trid timmanuvra xi titjira għaliha biex wara tingħaqad lura ma’ sħabha. Xi ġmiel! Kemm ngħir għalihom! Kemm nixtieq li naf xi tfisser li tiftaħ ġwienħajk u ttir il-fuq bla xkiel f’dak il-beraħ kollu!

    Iva. Naħseb intbaħtu. Id-deni tas-seħer ta’ Jannar mhux talli m’għaddilix, talli żdied. U kien għalhekk li dil-ġimgħa ddeċidejt li almenu jekk ma jistax ikolli l-ġwienaħ tiegħi, ninvestiga ftit kif nista’ ntir mod ieħor. B’dan il-għan, iltqajt ma’ Aaron Micallef, id-direttur maniġerjali, ta’ Sky People Malta u miegħu stħarriġt din il-possibilità li ttir…

    “Ħafna nies jaħsbu li s-sema hija l-limitu sa fejn tista’ tasal. Iżda għalina l-piloti, id-dinja tagħna tibda mis-sema. Nies bħali li jħobbu jtiru jħossu li posthom hux eżattament fl-art imma hemm fuq, fis-smewwiet.

    Is-sensazzjoni ta’ meta tkun qiegħed ittir hija waħda unika u mill-isbaħ. Diffiċli tispjegaha bil-kliem għax hija partikolari wisq. Tagħtik dik is-sensazzjoni ta’ libertà fejn inti tista’ tara l-ħajja minn clouds and seaperspettiva differenti. Ikollok l-impressjoni li qiegħed f’xi dinja oħra fejn m’hemmx ostakli. Tħossok letteralment qisek għasfur, ittir bla xkiel filwaqt li taħtek qed tara n-nies u l-karozzi żgħar għaddejjin bil-ħajja tas-soltu fuq l-art.”

    L-interess lejn l-avjazzjoni tista’ tgħid li twieldet m’Aaron peress li fil-quċċija, l-għażla tiegħu waqgħet fuq ajruplan.

    “Ħalliha li probabbilment għażiltu għax kien l-akbar ħaġa dakinhar. Imma l-fatt hu li l-ġibda lejn l-avjazzjoni minn dejjem kienet kbira ħafna fija.

    Jiena trabbejt f’familja f’ambjent ta’ negozju u għalhekk qisni awtomatikament sibt ruħi nistudja u naħdem f’dan il-qasam. Imma meta bdew għaddejjin is-snin u l-kilba lejn l-avvjazzjoni baqgħet fija, ma stajtx nistaporti aktar u ddeċidejt li nitħarreġ biex insir pilota. Finalment, hekk kif ikkwalifikajt ukoll bħala Ground School Instructor, id-demm tal-familja reġa’ beda jiġbed u wara li ħdimt għal xi żmien bħala instructor ma’ kumpanija oħra, deherli li kien wasal iż-żmien biex niftaħ il-kumpanija tiegħi.”

    Sky People Malta fetħet f’Lulju tas-sena l-oħra u toffri s-servizzi tagħha permezz ta’ ajruplan Tecnam P2002JF. Xtaqt inkun naf fhiex jikkonsistu dawn is-servizzi?

    “Is-servizzi tagħna jvarjaw skont il-ħtieġa tal-klijenti tagħna. Jibdew minn sempliċiment trial flights, li numru minnhom jingħataw bħala rigali lil dawk li jkunu jixtiequ jesperjenzaw kif itajjru ajruplan.over Filfla Għandna diversi pakketti ta’ trial flights. Hemm dik ta’ 40 minuta, li tieħdok fuq titjira madwar Malta, oħra ta’ siegħa fejn tmur madwar Malta u Għawdex, pakkett ieħor ta’ siegħa u nofs li jwasslek sa Lampedusa; kemm tmiss l-ajruport t’hemmhekk u ttir lura lejn Malta u finalment hemm trial flight ta’ tliet siegħat fejn il-vjaġġ iwasslek sal-Etna, tinżel tmiss l-ajruport ta’ Catania u nerġgħu lura Malta.

    Imbagħad għandna wkoll l-iskola tagħna fejn inħarrġu lil dawk li jixtiequ jsiru piloti, kemm jekk għal skop ta’ passatemp jew inkella biex jieħdu l-liċenzja kummerċjali u jkunu jistgħu jaħdmu ma’ xi linja tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, aħna noffru wkoll l-ajruplan għall-kiri sabiex wieħed ikun jista’ jtella’ s-siegħat meħtieġa tal-avjazzjoni jew għal xi livelli addizzjonali fuq il-liċenzja tiegħu, bħal ngħidu aħna, biex ikun jista’ jtajjar ajruplan bil-lejl.

    Hemm ukoll piloti li jikru l-ajruplan biex imorru għal vaganza qasira bih, ngħidu aħna fis-sajf, biex iqattgħu ġurnata jgħumu f’Lampedusa fejn hemm waħda mill-isbaħ bajjiet fid-dinja – La Spiaggia dei Conigli, li hija saħansitra protetta mill-UNESCO għax wara s-7:00pm jitilgħu l-frieken jistkennu fuqha. Kull ma hu vjaġġ ta’ 40 minuta, fejn tmur bit-temp tiegħek, mingħajr xkiel u fejn mal-kumpanija tagħna, tħallas biss għal ħin li għamilt ittajjar l-ajruplan.”

    F’moħħi kont diġà wasalt f’dik il-bajja meraviljuża…. Imma kemm hu faċli biex titgħallem ittajjar ajruplan?

    “L-ajruplan mhux diffiċli biex ittajjru. Anzi pjuttost hija ħaġa faċli. L-itqal biċċa sakemm tidrah u sakemm titgħallem it-teorija li hemm warajh ħalli inti tkun taf x’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza.

    Wieħed li jibda mill-bidu jkollu bżonn jitħarreġ f’sebgħa suġġetti bażiċi qabel jibda jtir fostom: il-liġi tal-avjazzjoni, informazzjoni ġenerali dwar l-ajruplan, x’inhu l-makkinarju tiegħu, kif taħdem il-magna, il-meteoroloġija sabiex tagħraf taqra t-temp, titgħallem dwar kif jirreaġixxi l-ġisem tal-bniedem f’altitudnijiet differenti, il-komunikazzjoni bil-VFR Radio eċċ.

    Għalkemm is-suġġetti huma kemmxejn vasti, mhux kors diffikultuż. Infatti fis-sajf, min jieħdu full time, kapaċi jlestih f’madwar xahar u nofs. Fix-xitwa, niftħu korsijiet part-time li jibdew f’Ottubru u fi Frar u dawn isiru fil-għaxijiet, darbtejn fil-ġimgħa fuq tlett xhur. Imbagħad, għal dawk li jippreferu, hemm ukoll korsijiet privati, fejn ikunu weħidhom mal-instructor u jimxu skont it-temp tagħhom.

    Jiena nissuġġerixxi illi min ikollu l-ħajra li jieħu dan il-kors, l-ewwel jattendi għal trial flight, sabiex ma jidħolx għal spejjeż u studju inutli biex imbagħad jitla’ fuq l-ajruplan u jsib li mhiex il-linja tiegħu. Fil-fatt min jattendi għal trial flight u mbagħad jibbukkja l-kors, jingħata l-flus tat-trial flight lura.”

    Allura x’jiġri eżatt waqt trial flight?

    “Qabel issir trial flight, is-Certified Flight Instructor jagħmel briefing tal-ajruplan, fejn il-passiġġier idur mal-ajruplan ħalli jara li kollox hu kif suppost. Imbagħad jidħlu fil-cockpit, jilbsu l-headsets u l-over Melliehainstructor juri l-istrumenti lill-passiġġier filwaqt li dan ikun qed jisma’ wkoll il-komunikazzjoni għaddejja bejnu u bejn l-air traffic controller. Il-passiġġier ma jtellax jew iniżżel l-ajruplan fuq l-art imma hekk kif l-ajruplan jitla’ fl-arja, huwa jingħata l-kontroll tiegħu f’idejh. Hekk kif issir it-takeoff u tiġi stabilizzata l-altitudni, il-veloċità tal-ajruplan tiġi ssetjata fuq il-cruising speed u minn hemm il-passiġġier jista’ jgawdi l-ġmiel tat-titijira. L-ewwel għaxar minuti huma ddedikati sakemm jidra l-manuvri u r-reazzjonijiet tal-ajruplan. Minn hemm ‘l hemm imbagħad rilassament totali għax l-ajruplan huwa mibni għal dan il-għan u peress li huwa ħafif ħafna, jirrispondi mill-ewwel.”

    Kelli kurżità dwar xi tkun ir-reazzjoni tan-nies hekk kif isibu l-kontroll tal-ajruplan f’idejhom?

    “Għall-ewwel ġeneralment ma jkunux iridu jemmnu li qed imexxuh huma u jibdew jistaqsuk “Imma dan veru qed immexxih jien?” Imma wara ftit minuti tarahom jieħdu kontroll tajjeb tiegħu għax dan mhux bħal meta qiegħed titgħallem xi karozza; trid toqgħod attent għal dik il-karozza ġejja jew għall-oħra. Ngħidu aħna kemm tara li inti miexi fid-direzzjoni mal-kosta u daqshekk. Naturalment is-sodisfazzjon huwa kbir, kemm għax l-esperjenza hija pjaċevoli ħafna imma anki minħabba n-natura unika tagħha. Mhux kulħadd ikollu opportunità ta’ dix-xorta u dat-tip ta’ pjaċir ma tistax tgawdih mod ieħor.”

    Jiena li dejjem insus għal xi rakkont stramb, xtaqt nara jekk qattx kien hemm min ippanikkja meta tawh il-kontroll f’idejh?

    “S’issa magħna qatt ma ġrat imma dawn huma affarijiet li jseħħu, għalkemm huma każi rari. Bosta drabi jkunu nies li jibżgħu jtiru imma jkunu jridu jippruvaw xorta waħda.

    Sfortunatament jiġri li bosta drabi jibdew jikkomparaw lil dan l-ajruplan mal-ajruplani l-kbar tal-passiġġieri li jkunu mdorrijin itiru fuqhom is-soltu. U meta jaraw iċ-ċokon ta’ dan l-ajruplan jibdew jiddubitaw mill-kapaċitajiet tiegħu li jiflaħ għall-elementi. Il-verità hi li proprju għax hu żgħir, l-ajruplan għandu aktar sigurtà għax ngħidu aħna f’każ bħal dan, meta għandek passiġġier li qed jippanikkja, il-pilota jieħu l-kontroll f’idejh u f’ħames minuti jkunu diġà reġgħu lura fuq l-art. Xorta waħda nissuġġerixxi li min jaħseb li jista’ jkollu problema ta’ dix-xorta, javża mill-ewwel lill-pilota ħalli dan ikun ippreparat aħjar.”

    X’tip ta’ sigurtà tittieħed għal dawn it-titjiriet?

    “Qabel wieħed itir nistaqsu dwar xi kundizzjonijiet tal-passiġġier. Ngħidu aħna jekk ikollna suspett li jkun xorob, ma jistax jitla’ fuq l-ajruplan. Nistaqsu wkoll jekk hux qiegħed fuq xi mediċina għaliex over cloudsf’dak il-każ, l-ajruplan jista’ jħeddlu. Speċjalment jekk il-passiġġier ikun esperjenza xi influwenza f’xi ġranet qabel u jkollu mnieħru għadu bblukkat, it-titjir huwa wkoll impossibbli minħabba r-riskju ta’ barotrauma li huwa uġiegħ kbir fil-widnejn li jista’ jwassal anki biex jinfaqa’ t-tanbur. Ħaġ’oħra li nikkonfermaw hija li l-passiġġier ma jkunx għamel xi scuba diving f’dawk l-aħħar 24 siegħa minħabba l-fatturi tad-dikompressjoni.

    Apparti dan, bħal kif isir fuq ajruplan kbir, qabel it-titjira, il-passiġġier jingħata l-istruzzjonijiet dwar l-ajruplan u kif għandu jilbes il-life jacket f’każ ta’ bżonn. Meta l-ajruplan ikun ser itir fuq il-baħar, il-life-jacket tintlibes mill-ewwel.

    Fih innifsu l-ajruplan għandu wkoll diversi fatturi ta’ sigurtà. Fost dawn hemm illi ċ-ċokon u l-ħeffa tiegħu jippermettu tlugħ u nżul minn runways pjuttost qosra u allura anki jekk ikollu jinżel f’għalqa, f’każ ta’ emerġenza, ma jkunx hemm problemi. L-istess ħeffa tiegħu tagħtih kapaċità li jigglajdja b’rata ta’ 1:12, jiġifieri għal kull elf pied li qiegħed għoli, huwa jista’ jtir għal 12 il-elf pied fuq wesgħa ta’ art. Dan ifisser li minn hemm u minn hawn, xi biċċa art, f’każ ta bżonn, nilħqu żgur. Iżda anki jekk l-ajruplan isib ruħu fl-ilma, fuqu għandu transmitter li hekk kif jixxarrab, jibda jitrażmetti awtomatikament fuq frekwenza ta’ emerġenza filwaqt li jibgħat sinjal fuq ir-radar biex juri eżatt il-post fejn qegħdin. Barra minn hekk, l-ajruplan m’għandux bibien u allura kemm tiftaħ il-canopy u tispara ‘l fuq f’wiċċ l-ilma.”

    Aaron kompla jispjegali illi l-ajruplan tagħhom Tecnam P2002JF inxtara ġdid minn din il-kumpanija u minħabba li kapaċi jaħdem anki permezz tal-unleaded fuel, huwa ekonomiku ħafna.

    “Qabel iddeċidejt li nixtri dan l-ajruplan, studjajtu sewwa ħafna. Għandu diversi fatturi interessanti li wħud minnhom diġà semmejnihom. Fost oħrajn, il-possibilità li jaħdem bl-unleaded fuel, jagħmlu ajruplan li faċli tmantnih u allura jagħtik il-possibilità li toffri prezzijiet aktar raġjonevoli lill-klijenti. B’hekk dan jagħmlu l-ajruplan ideali għal dawk li jixtiequ jieħdu taħriġ fl-avjazzjoni u għal dawk li jixtiequ jibnu s-siegħat fuqu. Apparti minn hekk, huwa ajruplan li jżomm l-ambjent nadif.

    Fattur ieħor sabiħ tiegħu, apparti l-manuvrabbiltà pjuttost faċli, hija l-viżibilità eċċellenti li joffri. Dan minħabba li l-cockpit hija kollha tal-ħġieġ u allura tista’ tara dak kollu li qed isir kemm fuqek u kif ukoll madwarek. Tħossok qisek qiegħed letteralment fl-arja. Huwa ajruplan li jagħtik rispons sabiħ ħafna u bħalissa huwa uniku f’pajjiżna.

    Liema huma l-limiti tal-età li fihom tista’ titħarreġ biex issir pilota?

    “Biex iġġib l-ewwel liċenzja bħala pilota, irid ikollok mill-inqas 17 il-sena. Mill-bqija m’hemmx limitu ta’ età sakemm inti medikalment b’saħħtek. Tant hu hekk illi jkollna numru ta’ individwi li jiġu jitħarrġu fl-avjazzjoni wara li jirtiraw mix-xogħol sabiex ikunu jistgħu jtiru bħala passatemp. Illum hawn ħafna ajruplani minn fejn tista’ tikri u allura hekk kif tieħu l-liċenzja m’hemmx għalfejn li jkollok l-ajruplan tiegħek.”

    Kont mejta biex narah dan l-ajruplan wara li smajt tant dwaru u għalhekk ħriġna fuq ir-runway u dħalna fih. Tassew kien ċkejken! Stħajjiltu karozza mdaqqsa bil-ġwienaħ. Aaron MicallefKollox kien kif spjegali Aaron: l-istrumenti mdawwrin miegħek, cockpit trasparenti minn fejn tista’ tara l-ambjent ta’ madwarek, il-mezzi tas-sigurta għall-lest… kollox kien preparat, la kemm titlaq.

    “L-ajruplan jieħu massimu ta’ żewġ persuni: il-pilota u l-passiġġier jew inkella żewġ piloti għax il-kontrolli tiegħu tista’ toperahom minn fuq iż-żewġ naħat.

    Ma rridx ninsa ngħidlek li min ikun jixtieq jagħmel appuntament magħna jrid javżana almenu 24 siegħa qabel minħabba li jkun irid jinħariġlu l-permess biex jgħaddi mill-inħawi tas-sigurtà tal-ajruport.”

    Sakemm lestejna din l-intervista, s-sema kienet tqalet bi sħab griż u ikraħ u r-riħ beda jċaqlaq kemmxejn lill-ajruplan.

    “Letteralment magħmul biex itir,” qalli Aaron. “Kif iħoss naqra riħ taħtu, qalbu tieklu biex jitla’ ‘l fuq f’dik id-dinja l-oħra tas-smewwiet. Jaħasra, li kieku kienet ġurnata sabiħa, kont nieħdok dawra ħa tifhem aħjar.”

    Qalbi tqalet aktar mis-sħab ta’ fuqi u lili ma ċaqlaqnix ir-riħ, tafux? Eh Jannar, wara li nħobbok tant, kemm int krudili miegħi!

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tad-9 ta’ Jannar 2011)

    2011.01.09 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • XI TGĦID? NIŻFNU?

    Ħelwin dawn l-ewwel ġranet ta’ Jannar għax magħhom iġibu spirtu ta’ bidu ġdid. Jagħtuk l-impressjoni li tista’ taqleb paġna fuq il-passat tiegħek u tibda ħajja oħra. Jimlewk b’ċertu ambizzjoni sabiex tilħaq oriżżonti ġodda u tipprova affarijiet mhux tas-soltu. Iħeġġuk biex tagħmel proponiment wara l-ieħor, ħalli li fir-realtà  ħafna minnhom ma jitwettqu qatt. Imma kemm hi sabiħa t-togħma bnina, għalkemm qasira, li kollox hu possibbli!

    Maħkuma jiena wkoll minn das-seħer, dil-ġimgħa ddeċidejt li nidħol nittawwal ftit fid-dinja taż-żfin, partikolarment tat-tango. Żifna mimlija passjoni,  mżewwqa b’senswalità provokanti u b’mużika li tpaxxilek is-sensi kollha. Ilni mitlufa wara daż-żfin minn dakinhar li rajt il-film Shall we dance? bil-protagonisti, Richard Gere u Jennifer Lopez, fejn f’xena minnhom, din il-koppja tiżfen tango tal-qtugħ in-nifs. Minn dakinhar ‘l hawn, min jaf kemm il-darba xxennaqt li niżfen żifna bħal dik imma s’issa qatt ma kont azzardajt inbill subgħajja f’dal-qasam. Għaldaqstant kont tassew sorpriża meta ntbaħt kemm kien faċli biex tagħmel dan.

    Nathalie Mifsud, għalliema tat-tango, stednitni biex immur insegwi lezzjoni minnhom u naturalment ħtaft l-okkażżjoni. Kienet lejla xxoqq il-għadam u jiena u tiela’ t-taraġ Nathalie Mifsudtas-sala, imgeżżwra sewwa ġo ġakketta ħoxna, tħassibt x’kont ser insib. Iżda ma kellix għalfejn ninkwieta għax hekk kif feġġejt fil-bieb, laqgħatni l-mużika eċċitanti tat-tango u dlonk sibt ruħi f’nofs numru ta’ individwi li kienu qed jitħarrġu f’dal-qasam.

    “Dawn huma grupp li għadhom kif bdew l-introductory course, filwaqt li oħrajn huma beginners,” spjegatli Nathalie. “Qed jitħarrġu fl-Argentine Tango bl-istil taż-żifna soċjali.

    Jeżistu diversi stili ta’ tango. Fost dawn hemm it-tango li jinżifen waqt xi spettaklu u hemm ukoll dak magħruf bħala social dance jew aħjar milonga. Ġeneralment in-nies isiru jafu bit-tango għax jarawh waqt xi spettaklu. Il-movimenti ta’ dan l-istil huma kbar u elaborati u pjuttost esebizzjonali. Però l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiġbed u jħajjar lin-nies għaż-żfin tat-tango soċjali.”

    Filwaqt li komplejt insegwi dak li kienu qed jagħmlu l-koppji ta’ quddiemi, tlabtha telaborali aktar dwar dan.

    “Is-sabiħ tat-tango soċjali huwa l-vantaġġ li inti tista’ tattendi għall-attivitajiet tal-milonga u tipparteċipa. Kull ġimgħa, aħna norganizzaw attività soċjali fejn wieħed jista’ jiġi jirrilassa, jieħu drink u jiżfen it-tango. Il-milonga ssir f’post pubbliku u allura jkun miftuħ ukoll għal dawk li jixtiequ jiġu jsegwu biss u jieħdu drink magħna.

    Is-sistema tal-milonga tinvolvi illi jindaqqu tliet kanzunetti, li aħna nsejjħulhom tanda. Xi ħadd jiġi fuqek u jistaqsik biex tiżfen u jekk inti taċċetta, tista’ tiżfen dawn it-tliet kanzunetti miegħu. Hekk kif il-Iż-żfin tat-tangomużika tieqaf, iż-żeffiena jirringrazzjaw lil xulxin u l-mara tittieħed lura bil-qiegħda u s-serata tkompli sejra hekk. Ovvjament, jekk koppja tkun trid tibqa’ tiżfen għall-bqija tal-ħin kollu flimkien, tista’ tagħmel dan ukoll. Imma normalment meta tibdel il-partners, din l-esperjenza tkun ħafna aktar interessanti.”

    Infatti l-koppji ta’ quddiemna nqatgħu minn xulxin hekk kif waqfet il-mużika u taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie, kulħadd sab sieħeb jew sieħba oħra, filwaqt li ngħataw xi struzzjonijiet ġodda.

    “Xorta oħra ta’ żfin tat-tango huwa dak li jinżifen fl-istil ballroom, fejn koppja titħarreġ f’rutina ta’ passi u għalhekk it-tnejn ikunu jafu preċiż l-ieħor x’ser jagħmel. Imma t-tango soċjali huwa għal kollox differenti għax huwa improvizzat u allura hemm dak l-element ta’ sorpriża li tagħmlu aktar eċċitanti.

    Għalhekk tagħmel sens li tibdel il-partners għax kull individwu għandu l-krettività tiegħu u allura, kull darba li tiżfen ma’ xi ħaddieħor, anki jekk għall-istess kanzunetta, il-koppja toħloq movimenti partikolari, skont dak li jixtiequ jew iħossu huma f’dak il-mument. Meta tibqa’ tiżfen mal-istess persuna, wara ftit taż-żmien tidra tantiċipa dak li ser jagħtik fiż-żifna u għalhekk parti mill-faxxinu tat-tango jintilef.”

    Dak li kienet qed tispjegali Nathalie kont qed narah iseħħ quddiemi. Irrealizzajt illi hekk kif il-koppji bdew jibdlu l-partner, uħud miż-żeffiena kienu qed jiżfnu ħafna aħjar, filwaqt li numru ieħor bdew imorru xi ftit lura. Mill-movimenti tal-passi u mill-espressjoni tal-wiċċ stajt nifhem li uħud kienu xi ftit mistħijin, oħrajn aktar avventurużi, oħrajn nebbiexa u numru ieħor aktar formali u serji.

    “L-interpretazzjoni tal-mużika u tal-movimenti tat-tango jinbidlu skont il-koppja. Hemm diversi fatturi li jikkontribwixxu għal dan: il-binja fiżika ta’ dak li jkun, il-karattru u t-temperament tiegħu, il-kunfidenza fih innifsu u f’dak li kapaċi jagħmel, il-mod kif bih iżomm u jiggwida lill-partner tiegħu… Hekk kif jinbidel wieħed minn dawn l-elementi, jinbidlu wkoll il-possibilitajiet taż-żifna tiegħek u b’daqstant differenzi fost il-bnedmin, tista’ timmaġina xi flessibilità joffri dan iż-żfin.”

    Hemm xi differenza bejn il-movimenti tar-raġel u dawk tal-mara?

    “Fit-tango hemm dawk li jissejjħu leaders u dawk li huma followers, li normalment ikunu l-irġiel u n-nisa rispettivament, għalkemm mhux bilfors, għax ġieli jiżfnu żewġ nisaMovimenti tat-tango 2 flimkien ukoll. Il-leaders huma dawk li joħolqu ż-żifna u l-oħrajn iridu jirrispondu. Biex tifhem aħjar, tista’ tqabbel lil diż-żifna ma’ konverżazzjoni fejn wieħed jgħid ħaġa u l-oħra twieġbu lura. Minflok bil-kliem, fit-tango nitkellmu bil-movimenti u għalhekk jagħmel sabiħ li t-tnejn jikkumplimentaw lil xulxin. Jekk wieħed biss imexxi ż-żifna u l-oħra ssegwi mingħajr qatt ma tibdel ix-xeħta tal-movimenti, l-istil jiġi jixbaħ lill-konverżazzjoni fejn wieħed qed jitkellem u l-oħra tisma’ biss. Fl-istess ħin, ma tistax taqbad u titlaq tagħmel il-movimenti kif tixtieq għax trid tirrealizza li m’intix tiżfen waħdek. Trid taqra x’inhu jgħidlek il-partner tiegħek, tisma’ l-mużika u tirrispondi. Jiġu mumenti meta l-follower tinbex ftit u tieħu r-riedni f’idejha u allura l-leader irid ikun sensittiv biex jisma’ u jħoss dak li trid tgħidlu, ħalli b’hekk jirrispondi lura. Finalment, jekk toqgħod taħseb, il-movimenti tat-tango jixbħu ħafna lill-attitudnijiet normali tal-ħajja.”

    Imma kemm trid tkun ilek titħarreġ biex tkun tista’ tiżfen f’milonga?

    “Inizzjalment it-triq tal-leaders hija iktar iebsa minn dik tal-followers għax dawn iridu jitħarrġu biex imexxu lill-partner fuq id-dance floor, jisimgħu l-mużika u joħolqu l-movimenti. Min-naħa l-oħra, il-followers jibdew billi jitħarrġu f’kif isewgu. Imbagħad, jekk jiddeċiedu li jkomplu fit-tango, jibda l-lat tekniku taż-żifna fejn iż-żeffiena jitgħallmu biex ma jibqgħux jiddependu totalment mill-partner imma jibdew jagħtu wkoll is-sehem tagħhom.

    Follower normalment tieħu sitt xhur biex tkun kunfidenti biżżejjed, leader għandu bżonn ftit aktar. It-taħriġ jibda permezz ta’ introductory course ta’ madwar ħames ġimgħat b’lezzjoni waħda fil-ġimgħa ta’ siegħa u nofs, fejn dak li jkun ikollu l-opportunità li jduq x’joffri dan iż-żfin. Min jogħġbu jkompli, isir beginner u hemmhekk il-kors jieħu madwar sena. Mhiex żifna faċli imma lanqas impossibbli li titgħallimha. Barra minn hekk, il-ġmiel tat-tango huwa fil-flessibilità tiegħu peress li kapaċi jadatta ruħu skont dak li tixtieq u li kapaċi tagħmel il-persuna.

    Biex tipparteċipa fil-milonga ma tridx tkun xi espert. Ovvjament jekk iż-żewġ żeffiena jkunu laħqu livell tajjeb, iż-żifna tkun aktar sabiħa u pjaċevoli. Imma jekk ikun hemm min għadu jibda u jsir xi żball, jidħku tnejn u jkomplu. Hemmhekk ħadd ma jgħaddi ż-żmien b’ħadd għax hekk jew hekk, kulħadd jibqa’ jitgħallem u ħadd ma jista’ jaħseb li laħaq xi quċċata. It-tango ma tieqaf qatt tesplorah għax hu vast ħafna. U huwa għalhekk li kull ċans li jkolli tarani sejra lejn l-Arġentina biex nieħu xi ftit tat-taħriġ jiena wkoll.”

    Peress li m’inix midħla ta’ dal-qasam, kont immaġinajt li ser insib iż-żeffiena lebsin xi tip ta’ kostum partikolari imma ma kienx il-każ. Infatti kulħadd kien liebes skont dak li kien komdu bih. Uħud min-nisa kellhom żarbun bit-takkuna.

    “Anki waqt il-milonga ż-żeffiena huma liberi li jilbsu dak li jixtiequ huma. Bosta drabi jkun ilbies smart imma komdu. Għan-nisa, l-għażla għaqlija ta’ żarbun adattat tagħmlilhom ħajjithom daqsxejn aktar Movimenti tat-tango 1faċli. It-takkuna tgħin. Żarbun maħdum għat-tango jkollu takkuna magħmula apposta biex titfa’ l-korporatura tal-mara l-quddiem sabiex ikollha postura aktar sabiħa, apparti li jagħmilha aktar faċli biex il-partner ikun jista’ jmexxiha iżjed faċilment.”

    Biex tmur titħarreġ fit-tango, trid tieħu partner miegħek bilfors?

    “M’hemmx għalfejn għax peress li n-natura nnifisha tat-tango hija li tibdel il-partners, kulħadd jista’ jiżfen ma’ min ikun qed jattendi għat-taħriġ.”

    Hemm xi limitu ta’ età?

    “Għalkemm fl-Arġentina t-tango jiġi mgħallem anki lill-istudenti tal-iskejjel, jiena nemmen illi għall-kultura tagħna din iż-żifna hija naqra adulta u allura nippreferi li n-nies li jattendu jkunu minn sittax il-sena ‘l fuq. Mill-bqija m’hemmx limiti.”

    La titgħallem tiżfen it-tango, kemm jeżistu possibilitajiet fejn tista’ tipprattika?

    “Apparti mill-attivitajiet tal-milonga, regolarment norganizza wkoll sezzjonijiet ta’ pratica fejn wieħed jista’ jiġi u jipprattika t-tango filwaqt li jiċċara xi diffikultajiet li jkollu. Barra minn hekk, it-teknika tat-tango soċjali tagħtik ukoll l-opportunità li jekk tkun f’xi pajjiż ieħor, tista’ faċilment tiżfen hemm ukoll maż-żeffiena li ssib fil-lokal għax kif għedna, il-movimenti huma improvizzati u b’hekk faċli ħafna li wieħed jikoordina mal-ieħor. Fl-Ewropa jsiru festivals tat-tango kważi f’kull weekend fejn nies minn kull naħa tad-dinja, jiltaqgħu flimkien biex jiżfnu. Ta’ min isemmi li diż-żifna issa qed tissaħħaħ anki f’numru ta’ pajjiżi Għarab bħal f’Dubai, fil-Lebanon u fil-Ġordan.”

    Kelli kurżità jekk isirux xi kompetizzjonijiet tat-tango imma Nathalie weġbitni fil-pront…

    “Mhux fl-ispirtu tat-tango li tikkompeti u li tiġi ġġudikat! Jeżistu l-mondjali tat-tango imma kompetizzjonijiet regolari mhux fl-istil tagħna. L-iskop tagħna mhux li nitilgħu fuq palk u nikkompetu. Infatti l-Taħriġ fit-tangogħan prinċipali tagħna huwa ferm aktar sempliċi minn hekk: essenzjalment il-mira tagħna hija li nagħtu żifna tajba lill-partner tagħna u li nirċievu żifna sabiħa lura. Sempliċiment li ngħaddu dawk it-tlett minuti, għaxra, b’mod rilassanti u pjaċevoli.”

    Kemm teżisti varjetà fil-mużika tat-tango?

    “It-tango hija żifna antika u mimlija storja. Jeżistu eluf ta’ kanzunetti maħduma għat-tango, b’uħud minnhom imorru lura saħansitra qabel is-snin tletin. Tajjeb li nsemmu illi anki f’pajjiżna, l-interess fit-tango jmur lura għal ħafna snin. Fil-fatt dan l-aħħar Andrew Alamango ħareġ double cd bi ktieb magħha taħt l-isem Malta’s Lost Voices u fiha hemm inkluż tango antik miktub bil-lirika Maltija.”

    Kemm hu popolari t-tango f’pajjiżna?

    “Qed jaqbad mhux ħażin issa. Fil-fatt fi ftit snin, bdejna mix-xejn u llum biss biss għandna aktar minn 4300 membru fil-facebook page tagħna. Il-korsijiet ġodda jiftħu regolarment u ġeneralment ikun hemm attendenza tajba. Tant hu hekk li x-xahar li għadda ftaħna l-korsijiet ukoll f’Għawdex fiċ-Circolo Gozitano.”

    Tajt l-aħħar daqqa t’għajn lejn iż-żeffiena illi effettivament kienu diġà għamlu avvanz impressjonanti minn kif rajthom jibdew, għal siegħa u nofs wara. Kulħadd deher li kien

    Shall we dance qed jieħu gost ferm u xi wħud bdew jittantaw jippruvaw xi passi nara iktar ikkumplikati. Wasalt id-dar b’leblieba kbira biex niżfen u hekk kif sibt ruħi waħdi, ma flaħtx ma nidħolx waħda fuq Youtube ħalli nara’ għal darb’oħra lil Lopez u l-Gere jiżfnu flimkien. Il-mużika senswali tat-tango mliet il-kamra b’dak iċ-ċertu seħer uniku u baxxejt id-dawl biex noħloq ftit atmosfera… Xi tgħid? Niżfnu?

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tat-2 ta’ Jannar 2011)

    2011.01.02 / no responses / Category: Torca - Perspettivi

  • L-EQDEM PRESEPJU MALTI

    Dan l-aħħar ir-raġel qed jgħid li qed jinkwieta… peress li spiss sirt insib ruħi nħuf f’xi monasteru jew ieħor! Iżda xi tridni nagħmel jekk f’dawn il-binjiet li sa ftit ilu kont Il-grotta tal-presepju tal-Imdinainħares lejhom b’tant formalità, qed niltaqa’ ma’ nies interessanti ferm li jilqgħuni b’idejhom miftuħa? Min-naħa l-oħra, permezz ta’ dawn il-mawriet, qed nirrealizza kemm teżori uniċi jinsabu għas-satra u l-kenn ta’ dawn il-postijiet. U bħala kittieba, inħoss id-dmir li nibqa’ nfittex sabiex naqsam magħkom dawn l-iskoperti żgħar tiegħi.

    Did-darba l-għatx għat-tagħrif ħadni fil-qalba tal-Imdina, ġewwa l-monasteru ta’ San Pietru fejn jabitaw is-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura. Kont ilni sena sħiħa nixxennaq biex nidħol f’dan il-post minħabba li sirt naf li hemm ġew kien hemm l-eqdem presepju eżistenti fil-gżejjer Maltin. Finalment, proprju f’dawn il-ġranet tal-Milied, irnexxieli niftiehem mal-Badessa Sr. Maria Adeodata Testaferrata de Noto OSB biex inżur dan il-presepju. Barra minn hekk, hi laqqgħatni ma’ Joseph Flask, kittieb u riċerkatur ferventi tal-ħajja u l-istorja ta’ din l-Ordni Benedittina sabiex ikun jista’ jipprovdini b’aktar tagħrif dwar il-presepju nnifsu.

    Qabel imxejna għall-presepju, Joseph beda jinfurmani ftit dwar l-Istorja tal-Monasteru.

    “L-oriġini ta’ dal-monasteru tmur lura għall-1414 meta l-patrijiet Benedittini  ta’ San Niccolo’ l’Arena ingħataw dar bħala donazzjoni. Dawn il-patrijiet kienuIt-triq għall-monasteru magħrufa sewwa fl-Imdina u matul is-snin huma rnexxielhom jakkwistaw numru ta’ proprjetà oħra li kienu jinfdu f’xulxin, fl-inħawi tal-kappella ċkejkna li kienet iddedikata lil San Pietru. Fl-1418 dan il-bini nbidel fi sptar għall-patrijiet morda jew anzjani imma meta fl-1427 dawn il-patrijiet iddeċidew li jħallu l-pajjiż, in-nobbli tal-Imdina wrew ix-xewqa li l-bini jinbidel f’monasteru għas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura. Għalhekk huma xtraw il-proprjetà kollha li kellhom il-patrijiet u fl-1430 ġiet stabbilita l-ewwel komunità femminili reliġjuża f’Malta. Il-grupp tas-Sorijiet Benedittini beda jitkattar ġmielu hekk kif bosta xebbiet minn familji nobbli bdew jingħaqdu ma’ dil-komunità. Dawn ix-xebbiet ġabu magħhom ġid kbir u ftit ftit il-monasteru ssawwar f’dak li nsibu llum.”

    Ħriġna f’wieħed mill-kurituri prinċipali u issa stajt nammira l-ġmiel arkitettoniku tal-post. Kont qed inħossni tassew kurjuża biex nara l-presepju L-eqdem presepju Maltiimma sadanittant, aħna u mexjin lejn il-qalba tal-monasteru, għajnejja ntlew bid-dettalji rfinati li kien mogħni bihom dal-bini. Kont tassew konxja illi hemm ġew mhux la kemm ħa toqgħod dieħla u ħierġa u allura xtaqt nieħu miegħi kemm jista’ jkun memorji. Finalment wasalna quddiem il-presepju u stennejt sakemm il-Badessa u Joseph neħħew il-purtieri u fetħu t-twejqiet tal-ħġieġ kbar li kienu qed jostruh.

    “Mhux magħruf preċiżament kemm għandu żmien dan il-presepju u naturalment lanqas ma nafu min kien dak li ħadmu oriġinarjament. Żgur li kien diġa’ jeżisti fis-Seklu XVIII fi żmien l-Isqof ta’ Malta Fra Paolo Alpheran de Bussan (1728-1758) hekk kif jidher minn tagħrif li sibt, fejn dan l-Isqof reġa’ ġedded l-indulġenza ta’ 40 jum li kellu fuqu l-presepju lil kull min fil-lejl tal-Milied jieqaf quddiemu u jgħid Missierna, Sliema u Glorja. L-indulġenza, bl-istess kundizzjonijiet kienet reġgħet iġġeddedt  u anki miżjuda għal 200 Jum, minn Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta fit-22 ta’ Lulju 1958.

    Barra minn hekk, minn xi kitbiet li jidhru fuq in-naħa ta’ wara tal-presepju jirriżulta li dan kien ġie restawrat iktar minn darba. L-Restawrazzjoni tal-1846ewwel restawratur aktarx ħalla ffirmat ismu bl-inizzjali G.B.G u d-data 1826 fuq ġenb minnhom ta’ kastell. Fuq il-ġenb l-ieħor dan kiteb ukoll l-ittri A.M.G.V.S. li jfissru ‘Ad Majorem Gloriam Verbi Sancti’ – Għall-akbar ġieħ tal-Iben Imqaddes t’Alla. Fl-1846 il-presepju ġie mkabbar aktar fuq in-naħa tal-lemin u dan jidher ċar minn sinjali evidenti ħafna. Min għamel dar-restawr, bħal ta’ qablu, ħalla l-inizzjali G.G. Imbagħad fl-1977 ċertu Giuseppe Sammut għamel xi rtokki fuqu li maġġorment kienu jikkonsistu fil-pittura tax-xenarju li qed naraw fuq wara.”

    Joseph fetaħli n-naħa ta’ wara tal-presepju u hemmhekk ilmaħt dawn il-firem imħażża b’żebgħa ħamra. Ħassejtni daqs li kieku kont qed inħares fuq il-passat tiegħu u nistqarr Restawrazzjonijiet tal-1826 u tal-1977magħkom li bdejt ninkedd kif fi żminijiet oħra ma kellhomx ħabta jħallu aktar dettalji speċifiċi. Meta tkun tapprezza dawn l-affarijiet, kważi kważi tħosshom li jixtiequ jkellmuk imma ma jistgħux. Il-preżenza tagħhom donnha tipprovokak biex tiskopri aktar evidenza u dak is-sens ta’ impotenza fik jifilġek. Wara li ħadt xi ritratti, erġajna mxejna len in-naħa ta’ quddiem tiegħu.

    “Il-presepju hu maħdum mill-kartapesta u mill-ixkejjer. In-naħa tax-xellug tiegħu, fejn hemm il-grotta, hija l-aktar parti antika u daqstant ieħor il-pasturi li nsibu hemm.

    Issa għandek tinnota illi dan il-presepju għandu partikolarità interessanti ħafna għax għall-kuntrarju ta’ dak li ssib fi presepji oħra, hawnhekk il-pasturi maPasturi differenti jaqblux bejniethom. Min magħmul ċkejken, min hu akbar, min bi stil, min b’ieħor. Ir-raġuni ta’ dan kollu hija illi dawn il-pasturi żieduhom is-sorijiet infushom matul is-snin. Dak iż-żmien kien hemm id-drawwa li jirregalaw il-pasturi fi żmien il-Milied u għalhekk, hekk kif xi soru kienet taqla’ wieħed, kienet tmur tħaffef issiblu post adattat fil-presepju. Iżda f’xi mumenti, mhux il-pasturi tal-Milied biss sabu ruħhom inklużi mal-popolazzjoni t’hemm ġew. Ħares sewwa fil-fond lejn il-ġenb ta’ dik id-dar. Qed taraha dik l-istatwa klassika Griega moħbija ħdejn il-kantuniera? Dik waħda minnhom!”

    Iva! Hekk kien. Tbissimt. Minn quddiem għajnejja għaddiet bħal leħħa x-xena ta’ soru minnhom li minn hemm u minn hawn irnexxielha tħalli proprju lil dik l-istatwaL-istatwa klassika hemmhekk. Issa stajt nara dan il-presepju minn perspettiva oħra u dlonk daħal ftit aktar f’qalbi. Għax allura fhimt li hemmhekk, f’dik ir-rokna mdaqqsa tal-monasteru, kien hemm aktar minn sempliċi presepju antik. Infatti kien hemm ukoll il-memorji personali ta’ numru kbir ta’ sorijiet li qattgħu ħajjithom jgħixu hemm. U waħda minn dawn ma kienet ħadd għajr il-Beata Maria Adeodata Pisani OSB.

    “Fis-16 ta’ Lulju 1828 hija daħlet bħala postulanta f’dan il-monasteru u għexet hawn għal diversi snin fejn fostom serviet anki bħala Badessa. Dan il-presepju kien għal qalbha ħafna u kellha devozzjoni kbira lejh. Xhieda ta’ dan hija s-sensiela ‘Fioretti in onore del Divino Bambino Gesù’  li tikkonsisti f’21 fjurett li hija kitbet meta ġiet ispirata minn dix-xena tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.  Oriġinarjament il-fjuretti kienu miktuba bit-Taljan imma biex ikunu aktar aċċessibbli għall-pubbliku, jiena ttraduċejthom għall-Malti taħt it-titlu ‘Il-Fjuretti tal-Milied’. Speċjalment tul in-Novena tal-Milied, il-Beata Maria Adeodata Pisani kienet tħobb tiġbor lil ħutha s-sorijiet quddiem dan il-presepju sabiex joqogħdu jitolbu u jimmeditaw quddiemu. Il-Beata mietet proprju f’dal-monasteru fl-età ta’ 48 sena, fil-25 ta’ Frar 1855.”

    B’sorpriża kbira, hekk kif konna qed induru mal-presepju, Joseph intebaħ b’firma oħra li qatt ma kien ra qabel! Kienet tinsab fuq in-naħa ta’ waraInizzjali skoperti ġodda ta’ bini li hemm fil-parti ta’ quddiem tal-presepju. Bi tbatija, daħħalna l-kamera biex nifhmu x’kien hemm miktub. Ir-ritratt żvela tħarbixa b’żebgħa ħamra li kienet iġġib l-inizzjali G.G. u oħrajn inqas ċari, aktarx G.I. Evidentement il-presepju għandu ħafna aktar x’jgħidilna… Il-Badessa preżenti qaltli illi f’lejlet il-Milied is-sorijiet żammew id-drawwa tradizzjonali li jagħmlu purċissjoni madwar il-monasteru li tispiċċa quddiem dan il-presepju fejn imbagħad jitqiegħed l-inċens u jsir xi talb u kant.

    “Presepju bħal dan għandu valur storiku qawwi imma fih ukoll sinifikat purament spiritwali. Għax għalkemm dawn is-sorijiet qed jgħixu fil-klawsura u kif ngħidu huma maqtugħin mill-ħajja tad-dinja, però huma qegħdin jgħixu f’dinja. Għaldaqstant bħal bnedmin l-oħra kollha għandhom bżonn dik ix-xi ħaġa materjali u tanġibbli li tgħinhom jifhmu l-importanza ta’ dan il-misteru tat-twelid ta’ Ġesù Bambin fid-dinja.”

    Wara li ħadt xi ritratti tiegħu u tajtu l-aħħar titwila, il-presepju reġa’ ngħalaq f’postu u nsatar mill-ġdid. Sellimna lil xulxin u l-bieb il-kbirPasturi antiki fil-presepju tal-Imdina tal-monasteru ngħalaq warajja. Bqajt wieqfa fuq il-bankina għal ftit tal-ħin. In-nies, ħafna minnhom turisti, kienu għaddejjin iħaffu mit-triq ta’ quddiem dal-bini silenzjuż sabiex ifittxu jaraw is-soliti attrazzjonijiet. Min-naħa tiegħi, kont qed inħossni qisni għadni kif qomt minn xi ħolma u biex naċċerta ruħi ttawwalt malajr lejn ir-ritratti li kont għadni kif ġbidt bil-kamera. Imma hemm kienu! Ma kontx ħlomt. Għalhekk iddeċidejt li ma nitlifx aktar ħin u ħaffift lejn il-karozza biex infittex inniżżel ħsibijieti sakemm kienu għadhom friski. Ma ridt inħallilkhom xejn barra minn din l-esperjenza tant unika.

    (Nota: Dan l-artiklu ġie ppubblikat fit-Torċa tas-26 ta’ Diċembru 2010)

    2010.12.26 / no responses / Category: Torca - Perspettivi